6. Sal-5 ta’ Awwissu 2025 u sal-31 ta’ Mejju ta’ kull sena minn hemm ’il quddiem, l-operaturi tal-minjieri u l-operaturi tal-istazzjonijiet tad-drenaġġ għandhom jissottomettu rapport lill-awtoritajiet kompetenti li jkun fih data annwali dwar l-emissjonijiet tal-metan fil-livell tas-sors f’konformità ma’ dan l-Artikolu.
Dak ir-rapport għandu jkopri l-aħħar perjodu tas-sena kalendarja disponibbli u jinkludi l-elementi stabbiliti fil-Parti 1 tal-Anness VI għall-minjieri tal-faħam attivi taħt l-art, il-Parti 2 tal-Anness VI għall-minjieri tal-faħam attivi tas-superfiċe u l-Parti 3 tal-Anness VI għall-istazzjonijiet tad-drenaġġ.
Qabel is-sottomissjoni lill-awtoritajiet kompetenti, l-operaturi tal-minjieri u l-operaturi tal-istazzjon tad-drenaġġ għandhom jiżguraw li r-rapporti msemmija f’dan il-paragrafu jiġu vvalutati minn verifikatur u jinkludu dikjarazzjoni ta’ verifika maħruġa f’konformità mal-Artikolu 8.