2. Sal-5 ta’ Frar 2026, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi mekkaniżmu ta’ reazzjoni rapida biex tindirizza avvenimenti b’emissjonijiet kbar ħafna.
Il-Kummissjoni għandha tinnotifika minnufih kwalunkwe avveniment identifikat b’emissjonijiet kbar ħafna lill-Istat Membru jew lill-pajjiż terz li taħt il-ġuriżdizzjoni tiegħu jkun seħħ l-avveniment, kif xieraq. Fejn fattibbli, il-Kummissjoni għandha tinnotifika wkoll lill-produttur marbut mas-sors jew mas-sett ta’ sorsi konnessi li jarmu l-metan. Dik in-notifika għandha tinkludi talba biex tiġi pprovduta minnufih informazzjoni addizzjonali dwar l-avveniment b’emissjonijiet kbar ħafna u l-miżuri ta’ rimedju meħuda jew ippjanati li jittieħdu biex jittaffa l-impatt jew jitwaqqaf l-avveniment, inkluż il-perjodu ta’ żmien li fih għandhom iseħħu dawk il-miżuri. Il-Kummissjoni għandha tagħmel il-kuntatti kollha meħtieġa sabiex tikseb u tivverifika l-informazzjoni li tirċievi b’rabta mal-avveniment, inkluż, fejn applikabbli, f’kooperazzjoni ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali kompetenti. Għal dak il-għan, il-Kummissjoni tista’ tuża għodod jew oqfsa internazzjonali eżistenti, fejn disponibbli.