1. Il-Kummissjoni għandha teżamina kwalunkwe notifika ta’ deċiżjoni dwar iċ-ċertifikazzjoni ta’ operatur tas-sistemi ta’ trażmissjoni jew operatur tan-networks ta’ trażmissjoni tal-idroġenu kif stabbilit fl-Artikolu 71(6) tad-Direttiva (UE) 2024/1788, hekk kif tirċievi n-notifika. Fi żmien 50 jum ta’ xogħol mid-data li fiha tkun irċeviet tali notifika, il-Kummissjoni għandha toħroġ l-opinjoni tagħha lill-awtorità regolatorja konċernata fir-rigward tal-kompatibilità tagħha mal-Artikolu 71(2) jew l-Artikolu 72 kif ukoll mal-Artikolu 60 tad-Direttiva (UE) 2024/1788 għall-operaturi tas-sistemi ta’ trażmissjoni jew l-Artikolu 68 ta’ dik id-Direttiva għall-operaturi tan-networks ta’ trażmissjoni tal-idroġenu, kif applikabbli.
Fit-tħejjija tal-opinjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu, il-Kummissjoni tista’ titlob lill-ACER tagħti l-opinjoni tagħha dwar id-deċiżjoni tal-awtorità regolatorja. F’tali każ, il-perijodu ta’ 50 jum ta’ xogħol imsemmi fl-ewwel subparagrafu għandu jittawwal b’50 jum ta’ xogħol oħra.
Fin-nuqqas ta’ opinjoni tal-Kummissjoni fil-perijodi msemmijin fl-ewwel u fit-tieni subparagrafi, il-Kummissjoni għandha titqies li ma għandhiex oġġezzjonijiet kontra d-deċiżjoni tal-awtorità regolatorja.