4. Jekk l-awtorità ta’ ċertifikazzjoni tikkonkludi li persuna li direttament jew indirettament tikkontrolla, jew teżerċita kwalunkwe dritt fuq, l-operatur tas-sistemi tal-ħażna tal-gass naturali tista’ tipperikola s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija jew l-interessi essenzjali tas-sigurtà tal-Unjoni jew ta’ kwalunkwe Stat Membru, l-awtorità ta’ ċertifikazzjoni għandha tirrifjuta ċ-ċertifikazzjoni. Alternattivament, l-awtorità ta’ ċertifikazzjoni tista’ toħroġ deċiżjoni ta’ ċertifikazzjoni soġġetta għal kundizzjonijiet li jiżguraw il-mitigazzjoni suffiċjenti tar-riskji li jistgħu jinfluwenzaw b’mod negattiv il-mili tal-faċilitajiet tal-ħażna tal-gass naturali taħt l-art, dment li l-prattikabbiltà tal-kundizzjonijiet tista’ tiġi żgurata bis-sħiħ permezz ta’ implimentazzjoni u monitoraġġ effettivi. Tali kundizzjonijiet jistgħu jinkludu, b’mod partikolari, rekwiżit li s-sid tas-sistemi tal-ħażna jew l-operatur tas-sistemi tal-ħażna tal-gass naturali jittrasferixxi l-ġestjoni tas-sistema tal-ħażna.