1. Fir-rigward tat-traffiku tal-ajru ġenerali, id-data operazzjonali rilevanti għandha tkun disponibbli f’format interoperabbli f’ħin reali, fuq bażi trasparenti u nondiskriminatorja u mingħajr preġudizzju għas-sigurtà nazzjonali, l-ordni pubbliku u l-interessi tal-politika tad-difiża, mill-fornituri kollha tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru, l-utenti tal-ispazju tal-ajru, l-ajruporti u l-Maniġer tan-Network, inkluż fuq bażi transfruntiera u mifruxa mal-Unjoni kollha. Din id-disponibbiltà għandha tkun għall-benefiċċju tal-fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru ċċertifikati jew iddikjarati, entitajiet li għandhom interess evidenzjat fil-kunsiderazzjoni tal-forniment tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru, l-entitajiet militari inkarigati minn attivitajiet tas-sigurtà u d-difiża, il-fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru militari, l-utenti tal-ispazju tal-ajru u l-ajruporti kif ukoll il-Maniġer tan-Network. Id-data għandha tintuża biss għal finijiet operazzjonali.