2. Meta jadottaw miżuri li jistabbilixxu r-regoli amministrattivi u proċedurali msemmija fl-Artikolu 40(2), l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-rekwiżiti u d-dettalji tal-proċedura ta' awtorizzazzjoni. Dawk ir-rekwiżiti u d-dettalji jistgħu jvarjaw għall-issodisfar individwali u kollettiv tal-obbligi tar-responsabbiltà estiża tal-produttur. L-Istati Membri għandhom ukoll jistabbilixxu l-modalitajiet għall-verifika tal-konformità, inkluż l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta mill-produtturi jew mill-organizzazzjonijiet b'kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi għal dak l-għan. Il-proċedura ta' awtorizzazzjoni għandha tinkludi r-rekwiżiti dwar il-verifika tal-arranġamenti fis-seħħ biex tiġi żgurata l-konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, u l-perjodi ta' żmien għal dik il-verifika, li ma għandhomx jaqbżu t-18-il ġimgħa mill-preżentazzjoni tal-fajl komplut tal-applikazzjoni. Dik il-verifika għandha ssir minn awtorità kompetenti jew minn espert indipendenti li għandhom joħorġu rapport ta' verifika dwar ir-riżultat tagħha. L-espert indipendenti għandu jkun indipendenti mill-awtorità kompetenti u mill-organizzazzjonijiet b'kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi jew mill-produtturi awtorizzati għal eżekuzzjoni individwali.