6. Qabel ma jintroduċu fis-suq deterġenti jew aġenti tensjoattivi għall-utenti finali li huma taħlitiet u li għalihom ma hemm l-ebda obbligu li jipprovdu informazzjoni f'konformità mal-Artikolu 45 tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008, il-manifatturi stabbiliti fl-Unjoni għandhom jipprovdu lill-korpi maħtura mill-Istati Membri f'konformità ma' dak l-Artikolu (il-“korpi maħtura”) l-iskeda tad-data dwar l-ingredjenti msemmija fil-punt 2.2 (e) tal-Anness IV ta' dan ir-Regolament (l-“iskeda tad-data dwar l-ingredjenti”). Meta d-deterġent jew l-aġent tensjoattiv għall-utenti finali li għalih tkun diġà ġiet ippreżentata skeda tad-data dwar l-ingredjenti ma jibqax jikkorrispondi mal-informazzjoni inkluża f'dik l-iskeda tad-data dwar l-ingredjenti, il-manifatturi għandhom jippreżentaw skeda aġġornata tad-data dwar l-ingredjenti. L-iskeda tad-data dwar l-ingredjenti għandha tiġi ppreżentata b'mezzi elettroniċi fil-format ipprovdut mill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi u ssir disponibbli mingħajr ħlas għan-notifiki f'konformità mal-Parti A, it-Taqsima 3.1, it-tieni paragrafu, tal-Anness VIII tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008. Il-preżentazzjoni għandha ssir b'lingwa li tinftiehem faċilment mill-korpi maħtura, kif determinat mill-Istat Membru li fih il-prodott jitqiegħed fis-suq.