+Preamble: 1

Preamble: 1

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004

ta' l-20 ta' Jannar 2004

dwar il-kontroll ta' konċentrazzjonijiet bejn impriżi

(ir-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet)

(Test b'relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 83 u 308 tiegħu,

Wara li kunsidra l-proposta tal-Kummissjoni [1],

Wara li kunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2],

Wara li kunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew [3],

Billi:

(1) Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4064/89 tal-21 ta' Diċembru 1989 dwar il-kontroll ta' konċentrazzjonijiet bejn l-impriżi [4] kien emendat b'mod sostanzjali. Minħabba li ħa jsiru aktar emendi, dan ir-Regolament għandu jerġa jinkiteb mill-ġdid fl-interess taċ-ċarezza.

(2) Sabiex jintlaħqu l-għanijiet tat-Trattat, l-Artikolu 3(1)(g) jagħti lill-Komunità l-iskop li tistabbilixxi sistemà li tassigura li ma tkunx imfixkla l-kompetizzjoni fis-suq intern. L-Artikolu 4(1) tat-Trattat jgħid li l-attivitajiet ta' l-Istati Membri u tal-Komunità għandhom jitwettqu skond il-prinċipju ta' l-ekonomija tas-suq miftuħ b'kompetizzjoni ħielsa. Dawn il-prinċipji huma essenzjali sabiex ikompli jiżviluppa s-suq intern.

(3) L-ikkompletar tas-suq intern u ta' l-unjoni ekonomika u monetarja, it-tkabbir ta' l-Unjoni Ewropea u t-tnaqqis fl-ostakoli internazzjonali għall-kummerċ u l-investiment ħa jkomplu joħolqu riorganizzazzjonijiet korporattivi kbar, b'mod speċjali fil-forma ta' konċentrazzjonijiet.

(4) Dan it-tip ta' riorganizzazzjoni għandha tintlaqà tajjeb sakemm il-konċentrazzjonijiet ikunu skond il-ħtiġiet ta' kompetizzjoni dinamika u jkunu kapaċi jżidu l-kompetittività ta' l-industrija Ewropea, jtejbu l-kundizzjonijiet ta' l-iżvilupp u jgħollu l-livell tal-għajxien fil-Komunità.

(5) Madankollu, għandu jkun assigurat li l-proċess ta' riorganizzazzjoni ma jwassalx għal ħsara fil-kompetizzjoni li ddum tinħass; il-liġi Komunitarja għandha, għaldaqstant, tinkludi dispożizzjonijiet li jirregolaw dawk il-konċentrazzjonijiet li jistgħu jfixklu b'mod sinifikanti l-kompetizzjoni effettiva fis-suq komuni jew f'parti sostanzjali minnu.

(6) Għaldaqstant, hemm il-bżonn ta' strument legali speċifiku li jippermetti li jsir kontroll effettiv tal-konċentrazzjonijiet kollha skond l-effett tagħhom fuq l-istruttura tal-kompetizzjoni fil-Komunità. Dan l-istrument għandu jkun l-uniku strument li japplika għal dawn il-konċentrazzjonijiet. Ir-Regolament (KEE) Nru 4064/89 ippermetta li tiżviluppa politika Komunitarja f'dan il-qasam. Madankollu, fid-dawl ta' l-esperjenza, dan ir-Regolament għandu issa jinkiteb mill-ġdid fl-leġislazzjoni miktuba apposta sabiex tilqa' l-isfidi ta' suq aktar integrat u tat-tkabbir ta' l-Unjoni Ewropea fil-futur. Skond il-prinċipji ta' sussidjarjetà u ta' proporzjonalità, kif stabbiliti fl-Artikolu 5 tat-Trattat, dan ir-Regolament ma jaqbiżx il-limiti ta' dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq l-għan li jkun assigurat li l-kompetizzjoni fis-suq komuni ma tkunx imfixkla, dejjem skond il-prinċipju ta' l-ekonomija ta' suq miftuħ b'kompetizzjoni ħielsa.

(7) Għalkemm l-Artikoli 81 u 82, skond id-deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja, japplikaw għal ċerti tipi ta' konċentrazzjonijiet, dawn l-Artikoli m‘humiex biżżejjed sabiex jikkontrollaw l-operazzjonijiet kollha li jistgħu ma jkunux kompatibbli mas-sistemà ta' kompetizzjoni mingħajr tfixkil kif kontemplata fit-Trattat. Għaldaqstant, dan ir-Regolament għandu jkun ibbażat mhux biss fuq l-Artikolu 83 iżda wkoll, prinċiparjament, fuq l-Artikolu 308 tat-Trattat. Skond dan l-Artikolu l-Komunità tista' tagħti lilha nnifisha setgħat addizzjonali sabiex tieħu dik l-azzjoni li tkun meħtieġa sabiex tilħaq l-objettivi tagħha, kif ukoll setgħat biex tieħu azzjoni fir-rigward ta' konċentrazzjonijiet fis-suq tal-prodotti agrikoli mniżżla fl-Anness I tat-Trattat.

(8) Id-dispożizzjonijiet li ħa jkunu adottati b'dan ir-Regolament għandhom japplikaw għal bidliet strutturali sinifikanti li l-impatt tagħhom fuq is-suq jinħass ukoll lil hinn mill-fruntieri nazzjonali ta' wieħed mill-Istati Membri. Bħala regola ġenerali, dawn it-tip ta' konċentrazzjonijiet għandhom ikunu eżaminati mill-ġdid esklużivament fuq livell Komunitarju u dan bħala applikazzjoni tas-sistema ta' "one-stop shop" u b'konformità mal-prinċipju ta' sussidjarjetà. Bħala prinċipju, l-konċentrazzjonijiet li ma jaqgħux taħt dan ir-Regolament jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni ta' l-Istati Membri.

(9) Il-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament għandu jkun definit skond iż-żona ġeografika fejn l-impriżi konċernati huma attivi u għandu jkunu limitat b'limiti kwantitattivi sabiex ikopri dawk il-konċentrazzjonijiet b'dimensjoni Komunitarja. Il-Kummissjoni għandha tibgħat rapport lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-limiti u tal-kriterji applikabbli sabiex il-Kunsill, li jaġixxi skond l-Artikolu 202 tat-Trattat, ikun f'pożizzjoni li jeżaminahom mill-ġdid b'mod regolari. Permezz ta' dan ir-rapport il-Kunsill ikun jista' jeżamina mill-ġdid ukoll ir-regoli dwar ir-referenza li ssir qabel in-notifika. Din l-eżaminazzjoni mill-ġdid għandha ssir fid-dawl ta' l-esperjenza miksuba. Sabiex il-Kummissjoni tkun tista' tipprepara dawn ir-rapporti u possibilment anki proposti biex isiru emendi, hemm il-bżonn li l-Istati Membri jagħtu lill Kummissjoni data ta' l-istatistika. Ir-rapporti u l-proposti tal-Kummissjoni għandhom ikunu ibbażati fuq informazzjoni rilevanti mogħtija b'mod regolari mill-Istati Membri.

(10) Għandu jitqies li teżisti konċentrazzjoni b'dimensjoni Komunitarja meta l-valur tal-bejgħ ta' l-impriżi konċernati meħud kollu kemm hu jaqbeż il-limiti stipulati; dan japplika irrispettivament mill-fatt jekk l-impriżi li jiffurmaw il-konċentrazzjoni għandhomx l-uffiċju jew l-oqsma ta' attività prinċipali tagħhom fil-Komunità sakemm ikollhom operazzjonijiet sostanzjali fil-Komunità.

(11) Ir-regoli li jirregolaw ir-referenza ta' konċentrazzjonijiet mill-Kummissjoni lill-Istati Membri u mill-Istati Membri lill-Kummissjoni għandhom joperaw b'mod li joħolqu mekkaniżmu korrettiv u effettiv u dan fid-dawl tal-prinċipju ta' sussidjarjetà; dawn ir-regoli jipproteġu l-interessi ta' l-Istati Membri fil-kompetizzjoni b'mod adegwat u jirrispettaw iċ-ċertezza legali u l-prinċipju tal-"one-stop shop".

(12) Jekk xi konċentrazzjonijiet ma jilħqux il-limiti ta' valur tal-bejgħ imsemmija f'dan ir-Regolament, dawn jistgħu jikkwalifkaw għal eżaminazzjoni taħt numru ta' sistemi nazzjonali li jikkontrollaw għaqdiet bejn impriżi. Jekk isiru diveri notifki dwar l-istess transazzjoni tiżdied l-inċertezza legali, u jiżdiedu wkoll l-isforz u l-ispejjeż għall-impriżi. Dan jista' jwassal ukoll għal stimi li ma jaqblux bejniethom. Għaldaqstant, is-sistemà li permezz tagħha konċentrazzjonijiet jistgħu jkunu mgħarrfa lil-Kummissjoni mill-Istati Membri konċernati għandha tkun żviluppata aktar.

(13) Il-Kummissjoni għandha taġixxi b'komunikazzjoni u b'koperazzjoni fil-qrib u kontinwa ma' l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri li mingħandhom tirċievi kummenti u informazzjoni.

(14) Il-Kummissjoni u l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri għandhom joħolqu network ta' awtoritajiet pubbliċi li japplikaw il-kompetenzi rispettivi tagħhom b'koperazzjoni fil-qrib. Huma għandhom jagħmlu użu minn arranġamenti effiċjenti dwar it-tqassim ta' informazzjoni u konsultazzjoni bil-għan li, fid-dawl tal-prinċipju ta' sussidjarjetà, ikun assigurat li każ ikun trattat mill-awtorità li tkun l-aktar xierqa li tagħmel dan u bil-għan li jkun assigurat li kemm jista' jkun tkun evitata sitwazzjoni fejn isiru diversi notfiki ta' l-istess konċentrazzjoni. Referenzi ta' konċentrazzjonijiet mill-Kummissjoni lill-Istati Membri u mill-Istati Membri lill-Kummissjoni għandhom isiru b'mod effiċjenti sabiex kemm jista' jkun ikunu evitati sitwazzjonijiet fejn konċentrazzjoni tkun is-suġġett ta' referenza kemm qabel kif ukoll wara li tkun notifikata.

(15) Il-Kummissjoni għandha tkun tista' tirreferi lil Stat Membru konċentrazzjonijiet li jkunu notifikati, li jkollhom dimensjoni Komunitarja u li jheddu b'mod sostanzjali li jolqtu l-kompetizzjoni f'suq f'dak l-Istat Membru liema suq għandu l-karatteristiċi kollha ta' suq distint. F'każ fejn il-konċentrazzjoni tolqot il-kompetizzjoni f'dan it-tip ta' suq li ma jammontax għal parti sostanzjali tas-suq komuni, l-Kummissjoni għandu jkollha l-obbligu li, jekk issirilha talba, tirreferi l-każ kollu jew parti minnu lill-Istat Membru konċernat. Stat Membru għandu jkun jista' jirreferi lill-Kummissjoni konċentrazzjoni li għalkemm ma għandhiex dimensjoni Komunitarja xorta tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri u thedded li taffettwa b'mod sinifikanti l-kompetizzjoni fit-territorju tiegħu. Stati Membri oħra li huma wkoll kompetenti sabiex jeżaminaw il-konċentrazzjoni għandhom ikunu jistgħu jingħaqdu mat-talba. Sabiex ikun assigurat li, f'sitwazzjoni bħal din, is-sistemà tkun waħda effiċjenti u li tippermetti li wieħed ikun jista' jobsor minn qabel x'ħa jiġri, il-perjodi perentorji nazzjonali għandhom ikunu sospiżi sakemm tittieħed deċiżjoni dwar ir-referenza tal-każ. Il-Kummissjoni għandha jkollha s-setgħa li teżamina u tittratta ma' konċentrazzjoni f'isem Stat Membru li jkun għamel talba jew f'isem Stati Membri li jkunu għamlu talba.

(16) L-impriżi konċernati għandhom jingħataw il-possibbiltà li jitolbu referenzi jew mingħand il-Kummissjoni qabel konċentrazzjoni tkun notifikata u dan sabiex tkun imtejba dejjem aktar l-effiċjenza tas-sistemà ta' kontroll ta' konċentrazzjonijiet fil-Komunità. F'sitwazzjonijiet bħal dawn, il-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali dwar il-kompetizzjoni għandhom jiddeċiedu fi żmien qasir u stabbilit b'mod ċar jekk referenza lil jew mingħand il-Kummissjoni għandhiex issir u dan sabiex tkun assigurata l-effiċjenza tas-sistemà. Fuq talba mingħand l-impriżi konċernati, l-Kummissjoni għandha tkun tista' tirreferi lil Stat Membru konċentrazzjoni b'dimensjoni Komunitarja li tista' tolqot b'mod sinifikanti l-kompetizzjoni f'suq f'dak l-Istat Membru liema suq għandu l-karatteristiċi kollha ta' suq distint; madankollu, l-impriżi konċernati ma għandhomx jintalbu li juru li l-effetti tal-konċentrazzjoni ħa jagħmlu ħsara lill-kompetizzjoni. Il-Kummissjoni ma għandhiex tirreferi lil Stat Membru konċentrazzjoni jekk dak l-Istat Membru jkun wera li ma jaqbilx ma din ir-referenza. Qabel ma ssir notifika lill-awtoritajiet nazzjonali, l-impriżi konċernati għandhom ikunu jistgħu anki jitolbu li konċentrazzjoni li ma għandhiex dimensjoni Komunitarja iżda li tista' tkun eżaminata taħt il-liġijiet nazzjonali dwar il-kompetizzjoni ta' mill-anqas tlett Stati Membri, tkun referuta lill-Kummissjoni. Dawn it-talbiet għal referenzi lill-Kummissjoni qabel ma ssir notifka jkunu ta' rilevanza partikolari f'sitwazzjonijiet fejn il-konċentrazzjoni tolqot il-kompetizzjoni ‘l hinn mit-territorju ta' Stat Membru wieħed. Fejn konċentrazzjoni li tkun tista' tiġi eżaminata taħt il-liġijiet dwar il-kompetizzjoni ta' tlett Stati Membri, jew aktar, tkun riferuta lill-Kummissjoni qabel ma ssir notifika nazzjonali, u fejn l-ebda Stat Membru li jkun kompetenti sabiex jeżamina l-każ ma jesprimi ruħu kontra, l-Kummissjoni għandha jkollha l-kompetenza esklusiva li teżamina il-konċentrazzjoni. Din il-konċentrazzjoni titqies daqslikieku kellha dimensjoni Komunitarja. Madankollu, dawn ir-referenzi mill-Istati Membri lill-Kummissjoni qabel ma ssir notifika ma għandhomx isiru meta ta' l-anqas Stat Membru wieħed kompetenti li jeżamina l-każ ikun wera li ma jaqbilx ma' referenza bħal din.

(17) Il-Kummissjoni għandha tingħata kompetenza esklusiva fl-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, dejjem suġġetta għal evalwazzjoni mill-ġdid mill-Qorti tal-Ġustizzja.

(18) L-Istati Membri ma għandhomx jitħallew japplikaw il-leġislazzjoni nazzjonali tagħhom dwar il-kompetizzjoni fir-rigward ta' konċentrazzjonijiet b'dimensjoni Komunitarja, sakemm dan ir-Regolament ma jaħsibx għal dan. Is-setgħat rilevanti ta' l-awtoritajiet nazzjonali għandhom ikunu limitati għall-każijiet fejn, fin-nuqqas ta' intervent mill-Kummissjoni, hemm il-possibbiltà li l-kompetizzjoni effettiva fit-territorju ta' Stat Membru tkun imfixkla b'mod sinifikanti u fejn l-interessi tal-kompetizzjoni ta' dak l-Istat Membru ma jkunux jistgħu jiġu protetti biżżejjed b'dan ir-Regolament. L-Istati Membri konċernati għandhom jaġixxu fil-pront f'dawn il-każijiet; dan ir-Regolament ma jistax, minħabba d-differenzi fil-liġijiet nazzjonali, jistabbilixxi limitu ta' żmien wieħed għall-adozzjoni ta' deċiżjonijiet finali taħt il-liġi nazzjonali.

(19) Barra minn hekk, l-applikazzjoni b'mod esklusiv ta' dan ir-Regolament fil-konfront ta' konċentrazzjonijiet li għandhom dimensjoni Komunitarja hi bla ħsara għall-Artikolu 296 tat-Trattat u ma twaqqafx lill-Istati Membri milli jieħdu miżuri xierqa sabiex jipproteġu interessi leġittimi li ma humiex protetti minn dan ir-Regolament dejjem jekk dawn il-miżuri jkunu kompatibbli mal-prinċipji ġenerali u dispożizzjonijiet oħra tal-liġi Komunitarja.

(20) Ikun jaqbel li jiġi definit il-kunċett ta' konċentrazzjoni b'mod li jkopri operazzjonijiet li jwasslu għal bidla fil-tul fil-kontroll ta' l-impriżi konċernati u għalhekk fl-istruttura tas-suq. Għaldaqstant, huwa xieraq li fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament ikunu inklużi l-joint ventures kollha li jħaddmu, fuq bażi dejjiema, l-funzjonijiet kollha ta' entità ekonomika awtonoma. Barra minn hekk, huwa xieraq li jkunu meqjusa bħala konċentrazzjoni waħda dawk it-transazzjonijiet li jkunu marbuta ħafna ma xulxin fis-sens li jkunu relattati b'kundizzjoni jew jieħdu l-forma ta' serje ta' transazzjonijiet f'titoli liema transazzjonijiet isiru f'perjodu ta' żmien raġjonevolment qasir.

(21) Dan ir-Regolament għandu japplika wkoll fejn l-impriżi konċernati jaċċettaw restrizzjonijiet marbuta direttament ma', jew meħtieġa biex issir, l-implimentazzjoni tal-konċentrazzjoni. Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li, fl-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, jiddikjaraw li konċentrazzjonijiet jkunu kompatibbli mas-suq komuni għandhom awtomatikament ikopru dawn it-tip ta' restrizzjonijiet mingħajr ma jkun hemm bżonn li l-Kummissjoni teżamina dawn ir-restrizzjonijiet fil-każijiet individwali. Madankollu, fuq talba ta' l-impriżi konċernati, l-Kummissjoni għandha, f'każijiet li jqajmu mistoqsijiet ġodda jew li għadhom ma twieġbux u li joħolqu inċertezza ġenwina, teżamina b'mod espress jekk xi restrizzjoni hix relattata direttament ma', jew hix meħtieġa biex issir, l-implimentazzjoni tal-konċentrazzjoni. Każ iqajjem mistoqsija ġdida jew li għadha ma tweġbitx u li toħloq inċertezza ġenwina jekk il-mistoqsija ma tkunx koperta mill-avviż tal-Kummissjoni rilevanti li jkun fis-seħħ jew minn deċiżjoni pubblikata tal-Kummissjoni.

(22) L-arranġamenti li ħa jkunu introdotti dwar il-kontroll ta' konċentrazzjonijiet għandhom, mingħajr ħsara għall-Artikolu 86(2) tat-Trattat, jirrispettaw il-prinċipju li ma ssirx diskriminazzjoni bejn is-settur pubbliku u dak privat. Għaldaqstant, fis-settur pubbliku, il-kalkulazzjoni tal-valur tal-bejgħ ta' impriża konċernata f'konċentrazzjoni għandha tieħu in-konsiderazzjoni l-impriżi li jifformaw unità ekonomika b'setgħa indipendenti li tieħu deċiżjoni, irrispettivament minn kif il-kapital tagħhom huwa mqassam jew mir-regoli ta' sorveljanza amministrattiva applikabbli fil-konfront tagħhom.

(23) Huwa meħtieġ li jkun stabbilit jekk konċentrazzjonijiet b'dimensjoni Komunitarji humiex kompatibbli mas-suq komuni fid-dawl tal-ħtieġa li tinżamm u tkun żviluppata kompetizzjoni effettiva fis-suq komuni. Meta tagħmel dan il-Kummissjoni għandha tpoġġi l-istima tagħha fil-qafas ġenerali tal-kisba ta' l-objettivi fundamentali msemmija fl-Artikolu 2 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea u fl-Artikolu 2 tat-Trattat ta' l-Unjoni Ewropea.

(24) Dan ir-Regolament għandu jippermetti kontroll effettiv tal-konċentrazzjonijiet kollha mill-aspett ta' l-effett tagħhom fuq il-kompetizzjoni fil-Komunità sabiex jassigura sistemà ta' kompetizzjoni mingħajr tfixkil fis-suq komuni u dan bħala avvanz ta' politika mħaddna skond il-prinċipju ta' ekonomija tas-suq miftuħa f'kompetizzjoni ħielsa. Għalhekk, ir-Regolament (KEE) Nru 4064/89 stabbilixxa l-prinċipju li konċentrazzjoni b'dimensjoni Komunitarja li toħloq jew issaħħaħ pożizzjoni dominanti, liema pożizzjoni twassal għal tfixkil sostanzjali fil-kompetizzjoni effettiva fis-suq komuni jew f'parti sostanzjali tiegħu, għandha tkun dikjarata bħala inkompatibbli mas-suq komuni.

(25) Fid-dawl tal-konsegwenzi li jista' jkollhom konċentrazzjonijiet fi strutturi ta' suq oligopolistiku, huwa meħtieġ aktar minn f'sitwazzjonijiet oħra li tinżamm kompetizzjoni effettiva f'suq ta' dan it-tip. Ħafna mis-swieq oligopolistiċi għandhom livell tajjeb ta' kompetizzjoni. Madankollu, konċentrazzjonijiet li jinvolvu t-tneħħija ta' kontrolli kompetittivi importanti li l-partijiet li jingħaqdu kienu jeżerċitaw fuq xulxin u li jinvolvu wkoll tnaqqis fil-pressjoni maħluqa mill-kompetizzjoni fuq il-kompetituri li jifdal, jistgħu, f'ċerti ċirkostanzi, joħolqu tfixkil sostanzjali għal kompetizzjoni effettiva. Dan jista' jiġri anki meta ma jkunx hemm riskju ta' kordinazzjoni bejn il-membri ta' l-oligopolija. Madankollu, sal-ġurnata tal-lum, il-qrati tal-Komunità għadhom ma interpretawx b'mod espress ir-Regolament (KEE) Nru 4064/89 bħala li jitlob li konċentrazzjonijiet li joħolqu dawn l-effetti mingħajr kordinazzjoni jkunu dikjarati bħala inkompatibbli mas-suq komuni. Għalhekk, fl-interess taċ-ċertezza legali, għandu jkun ċar li dan ir-Regolament jippermetti kontroll effettiv ta' dawn il-konċentrazzjonijiet kollha billi jistabbilixxi li kull konċentrazzjoni li ħa tfixkel b'mod sinifikanti kompetizzjoni effettiva fis-suq komuni jew f'parti sostanzjali minnu, għandha tkun dikjarata bħala inkompatibbli mas-suq komuni. L-espressjoni "tfixkil sinifikanti għal kompetizzjoni effettiva" fl-Artikolu 2(2) u (3) għandha tkun interpretata bħala li tapplika lil hinn mill-kunċett ta' dominanza, iżda biss fir-rigward ta' effetti ta' konċentrazzjoni li jmorru kontra l-kompetizzjoni u li jirriżultaw minn imġieba mingħajr kordinazzjoni ta' impriżi li ma jkollhomx pożizzjoni dominanti fis-suq konċernat.

(26) B'mod ġenerali jista' jingħad li impediment sinifikanti għal kompetizzjoni effettiva jirriżulta mill-ħolqien ta' jew mit-tisħiħ ta' pożizzjoni dominanti. Dan ir-Regolament għandu jistabbilixxi l-prinċipju li konċentrazzjoni b'dimensjoni Komunitarja li tfixkel b'mod sinifikanti l-kompetizzjoni effettiva fis-suq komuni jew f'parti sostanzjali minnu, b'mod partikolari minħabba l-ħolqien ta' jew it-tisħiħ ta' pożizzjoni dominanti, għandha tkun iddikjarata bħala inkompatibbli mas-suq komuni. Dan bil-għan li tkun preservata l-gwida li tista' tittieħed minn deċiżjonijiet mogħtija mill-qrati Ewropej u minn deċiżjonijiet tal-Kummissjoni fir-rigward tar-Regolament (KEE) Nru 4064/89 filwaqt li tinżamm konsistenza ma' l-istandards ta' ħsara fil-kompetizzjoni li kienu applikati mill-Kummissjoni u mill-qrati tal-Komunità fir-rigward tal-kompatibilità ta' konċentrazzjoni mas-suq komuni.

(27) Barra minn hekk, il-kriterja ta' l-Artikolu 81(1) u (3) tat-Trattat għandhom ikunu applikati għal joint ventures li jeżerċitaw, fuq bażi dejjiema, il-funzjonijiet kollha ta' entitajiet ekonomiċi awtonomi iżda dan sakemm il-ħolqien ta' dawn il-joint ventures iwassal għal restrizzjoni li tagħmel differenza fil-kompetizzjoni bejn impriżi li jibqgħu indipendenti.

(28) Sabiex tkun iċċarata u spjegata l-istima tal-Kummissjoni ta' konċentrazzjonijiet taħt dan ir-Regolament, huwa xieraq li l-Kummissjoni tippubblika gwida li toffri qafas ekonomiku komplut sabiex issir stima ta' konċentrazzjonijiet bil-għan li jkun determinat jekk dawn jistgħux jkunu dikjarati bħala kompatibbli mas-suq komuni.

(29) Sabiex ikun determinat l-impatt ta' konċentrazzjoni fuq il-kompetizzjoni fis-suq komuni, huwa xieraq li jkunu kunsidrati l-effiċjenzi sostanzjati u probabbli li jkunu imqajma mill-impriżi konċernati. Jista' jkun li l-effiċjenzi li jirriżultaw mill-konċentrazzjoni jpattu għall-effetti fuq il-kompetizzjoni, u b'mod partikolari, l-ħsara potenzali għall-konsumaturi, li jista' jkollha din il-konċentrazzjoni. Jista' jkun li minħabba f'hekk il-konċentrazzjoni ma tfixkilx b'mod sinifikanti l-kompetizzjoni effettiva fis-suq komuni jew f'parti sostanzjali minnu, b'mod partikolari b'riżultat tal-ħolqien jew tat-tisħiħ ta' pożizzjoni dominanti. Il-Kummissjoni għandha tippubblika gwida dwar il-kundizzjonijiet li fuqhom hi tista' tikkonsidera effiċjenzi meta tkun qiegħda tagħmel stima ta' konċentrazzjoni.

(30) Meta l-impriżi konċernati jagħmlu xi bidliet f'konċentrazzjoni notifikata, b'mod partikolari billi jintrabtu li jagħmlu l-konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq komuni, l-Kummissjoni għandha tkun tista' tiddikjara li l-konċentrazzjoni, kif mibdula, hija kompatibbli mas-suq komuni. Dawn ir-rabtiet għandhom ikunu proporzjonati mal-problema ta' kompetizzjoni u għandhom ikunu tali li jeliminaw din il-problema għal kollox. Meta l-problema ta' kompetizzjoni tkun tista' tiġi identifikata u tkun tista' tissolva faċilment, huwa wkoll xieraq li jkunu aċċettati rabtiet qabel ma jinbdew proċeduri. Għandu jkun stabbilit b'mod espress li l-Kummissjoni tista' torbot kundizzjonijiet u obbligi mad-deċiżjoni tagħha u dan sabiex tassigura li l-impriżi konċernati jirrispettaw, b'mod opportun u effettiv, ir-rabtiet tagħhom li jagħmlu l-konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq komuni. Matul il-proċedura kollha għandhom ikunu assigurati t-trasparenza u l-konsultazzjoni effettiva ma' l-Istati Membri u ma' partijiet terzi interessati.

(31) Il-Kummissjoni għandha jkollha għad-dispożizzjoni tagħha strumenti xierqa sabiex tassigura l-infurzar tar-rabtiet u sabiex tkun tista' taġixxi f'sitwazzjonijiet fejn dawn ir-rabtiet ma jkunux rispettati. F'każijiet fejn ma tkunx rispettata kundizzjoni magħmula f'deċiżjoni li tiddikjara konċentrazzjoni bħala kompatibbli mas-suq komuni, għandu jitqies li s-sitwazzjoni li kellha tagħmel il-konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq komuni ma rriżultatx u għalhekk il-konċentrazzjoni, kif implimentata, għandha titqies bħala li mhix awtorizzata mill-Kummissjoni. Bħala konsegwenza ta' dan, jekk il-konċentrazzjoni tkun fil-fatt implimentata, hija għandha tkun trattata daqs li kieku kienet konċentrazzjoni li mhix notifikata u li kienet implimentata mingħajr awtorizzazzjoni. Barra minn hekk, fejn il-Kummissjoni tkun diġa saret taf li, mingħajr il-kundizzjoni, l-konċentrazzjoni ħa tkun inkompatibbli mas-suq komuni, hija għandu jkollha s-setgħa li tordna direttament ix-xoljiment tal-konċentrazzjoni b'tali mod li treġġa lura s-sitwazzjoni kif kienet qabel l-implimentazzjoni tal-konċentrazzjoni. Fejn obbligu stabbilit f'deċiżjoni li tiddikjara l-konċentrazzjoni bħala kompatibbli mas-suq komuni ma jkunx rispettat, il-Kummissjoni għandha tkun tista' tirrevoka d-deċiżjoni tagħha. Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha tkun tista' timponi sanzjonijiet finanzjarji xierqa meta l-kundizzjonijiet jew l-obbligi ma jkunux rispettati.

(32) Konċentrazzjonijiet illi, minħabba s-sehem limitat tas-suq ta' l-impriżi konċernati, ma humiex f'sitwazzjoni li jfixklu l-kompetizzjoni effettiva jistgħu jitqiesu bħala kompatibbli mas-suq komuni. Mingħajr ħsara għall-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat, teżisti indikazzjoni f'dan ir-rigward, b'mod partikolari, meta s-sehem tas-suq ta' l-impriżi konċernati ma jaqbiżx il-25 % tas-suq komuni jew ta' parti sostanzjali minnu.

(33) Il-Kummissjoni għandha jkollha l-kompitu li tieħu d-deċiżjonijiet kollha meħtieġa sabiex tistabbilixxi jekk il-konċentrazzjonijiet b'dimensjoni Komunitarja humiex kompatibbli jew le mas-suq komuni. Hija għandha tieħu wkoll deċiżjonijiet immirati biex ireġġgħu lura s-sitwazzjoni għal kif kienet qabel l-implimentazzjoni tal-konċentrazzjoni li kienet dikjarata bħala inkompatibbli mas-suq komuni.

(34) Sabiex ikun assigurat kontroll effettiv, impriżi ma għandhomx ikunu obbligati li jagħtu notifika minn qabel dwar konċentrazzjonijiet b'dimensjoni Komunitarja wara li jikkonkludu ftehim, wara li jħabbru offerta pubblika għal jew akkwist f'interess li għandu kontroll fl-impriża. Notifika għandha tkun possibbli wkoll fejn l-impriżi konċernati jissodisfaw lill-Kummissjoni li l-intenzjoni tagħhom hi li jaslu għal ftehim dwar konċentrazzjoni proposta u juru lill-Kummissjoni li l-pjan tagħhom għal din il-konċentrazzjoni proposta huwa konkret biżżejjed, iżda dan bil-kundizzjoni li l-ftehim jew offerta proposti jistgħu joħolqu konċentrazzjoni b'dimensjoni Komunitarja. Dan jistgħu jagħmluh, per eżempju, a bażi ta' ftehim fuq il-prinċipju, memorandum ta' ftehim, jew ittra ta' intenzjoni iffirmata mill-impriżi kollha konċernati, jew, fil-każ ta' offerta pubblika, fejn huma ħabbru b'mod pubbliku l-intenzjoni li jagħmlu offerta. L-implimentazzjoni tal-konċentrazzjonijiet għandha tkun sospiża sakemm il-Kummissjoni tieħu deċiżjoni finali. Madankollu, fejn ikun xieraq u fuq talba ta' l-impriżi konċernati, għandu jkun possibbli li jsiru derogi minn din is-sospensjoni. Meta tkun qed tiddeċiedi jekk tagħtix deroga jew le, l-Kummissjoni għandha tikkonsidra l-fatturi kollha rilevanti, bħan-natura u l-gravità tal-ħsara kaġunata lill-impriżi konċernati jew lil partijiet terzi, u t-theddida lill-kompetizzjoni preżentata mill-konċentrazzjoni. Madankollu, fl-interess taċ-ċarezza legali, il-validità tat-transazzjonijiet għandha tkun protetta kemm ikun meħtieġ.

(35) Għandu jkun stabbilit perjodu li fih il-Kummissjoni tkun marbuta li tibda proċeduri fir-rigward ta' konċentrazzjoni notifikata kif ukoll perjodu li fih il-Kummissjoni għandha tasal għal deċiżjoni finali dwar il-kompatibilità jew l-inkompatibilità tal-konċentrazzjoni konċernata mas-suq komuni. Dawn il-perjodi għandhom ikunu imtawlin meta l-impriżi konċernati joffru li jintrabtu li jagħmlu l-konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq komuni. Dan sabiex ikun hemm biżżejjed żmien sabiex issir analiżi u eżami fis-suq ta' dawn l-offerti u sabiex ikunu konsultati l-Istati Membri u partijiet terzi interessati. Għandu jkun possibli wkoll li ssir estensjoni limitata tal-perjodu li fih il-Kummissjoni għandha tasal għal deċiżjoni finali sabiex ikun hemm żmien biżżejjed biex issir investigazzjoni tal-każ u verifikazzjoni tal-fatti u ta' l-argumenti mibgħuta lill-Kummissjoni.

(36) Il-Komunità tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti b'mod partikolari fil-Karta ta' Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea [5]. Għalhekk, dan ir-Regolament għandu jkun interpretat u applikat skond dawk id-drittijiet u prinċipji.

(37) L-impriżi konċernati għandu jkollhom id-dritt li jinstemgħu mill-Kummissjoni meta jinbdew proċeduri; il-membri ta' l-organi ta' ġestjoni u ta' sorveljanza u r-rappreżentanti rikonoxxuti ta' l-impjegati ta' l-impriżi konċernati, u partijiet terzi interessati, għandhom ukoll jingħataw l-opportunità li jinstemgħu.

(38) Sabiex il-Kummissjoni tkun tista' tagħmel stima kif jixraq tal-konċentrazzjonijiet, hija għandha jkollha d-dritt li titlob l-informazzjoni kollha meħtieġa u li twettaq l-ispezzjonijiet kollha meħtieġa fil-Komunità. Għal dan il-għan u wkoll bil-għan li tkun tista' tipproteġi l-kompetizzjoni b'mod effettiv, is-setgħat ta' investigazzjoni tal-Kummissjoni għandhom ikunu msaħħa. B'mod partikolari, l-Kummissjoni għandu jkollha d-dritt li tintervista kull persuna li jista' jkollha fil-pussess tagħha informazzjoni utli u li żżomm rekord tad-dikjarazzjonijiet magħmula.

(39) Waqt li tkun qed issir spezzjoni, uffiċjali awtorizzati mill-Kummissjoni għandhom ikollhom id-dritt li jistaqsu għal kull informazzjoni rilevanti għas-suġġett u l-iskop ta' l-ispezzjoni; huma għandu jkollhom ukoll id-dritt li jwaħħlu siġilli waqt l-ispezzjonijiet, b'mod partikolari f'ċirkostanzi fejn ikun hemm raġunijiet raġonevoli biex ikun suspettat li kienet implimentata konċentrazzjoni mingħajr ma kienet notifikata; li l-Kummissjoni ngħatat informazzjoni li mhix korretta, jew li mhix sħiħa jew li tagħti indikazzjonijiet qarrieqa; jew li l-impriżi jew persuni konċernati ma rispettawx kundizzjoni jew obbligu imposti f'deċiżjoni tal-Kummissjoni. F'kull każ, siġilli għandhom jintużaw biss f'ċirkostanzi eċċezzjonali u għal perjodu meħtieġ biex issir l-ispezzjoni, li normalment ma jkunx ta' aktar minn 48 siegħa.

(40) Mingħajr ħsara għad-deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja, huwa wkoll utli li jkun stabbilit l-ambitu tal-kontroll li l-awtorità ġuridika nazzjonali tista' teżerċita meta tawtorizza, skond kif stabbilit fil-liġi nazzjonali u bħala miżura ta' prekawzjoni, assistenza minn awtoritajiet li jinfurzaw il-liġi sabiex tegħleb l-opposizzjoni li tista' tagħmel l-impriża għal spezzjoni, ikluż it-twaħħil ta' siġilli, li tkun ordnata f'deċiżjoni tal-Kummissjoni. Mid-deċiżjonijiet imsemmija jirriżulta li l-awtorità ġuridika nazzjonali tista', b'mod partikolari, titlob aktar informazzjoni mill-Kummissjoni sabiex tkun tista' teżerċita l-kontroll tagħha u, f'każ li ma jkollhiex din l-informazzjoni, tista' tirrifjuta l-awtorizzazzjoni. Id-deċiżjonijiet imsemmija jikkonfermaw ukoll li l-qrati nazzjonali huma kompetenti biex jikkontrollaw l-applikazzjoni ta' regoli nazzjonali li jirregolaw l-implimentazzjoni ta' miżuri li jimponu. L-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri għandhom jikkoperaw b'mod attiv fl-eżerċizzju tas-setgħat investigattivi tal-Kummissjoni.

(41) Meta l-impriżi u l-persuni konċernati jkunu qed jirrispettaw id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni, huma ma jistgħux jiġu sfurzati jammettu li wettqu xi ksur tal-liġi. Madankollu, huma obbligati li jwieġbu għal mistoqsijiet fattwali u li jipprovdu dokumenti anki jekk din l-informazzjoni tista' tkun użata biex tkun stabbilita l-eżistenza ta' dan il-ksur fir-rigward tagħhom jew fir-rigward ta' oħrajn.

(42) Għal raġunijiet ta' trasparenza, id-deċiżjonijiet kollha tal-Kummissjoni li ma humiex ta' natura purament proċedurali għandhom ikunu reklamati b'mod wiesgha. Filwaqt li jkun assigurat li jkunu mħarsa d-drittijiet għal difiża ta' l-impriżi konċernati, b'mod partikolari, id-dritt għall-aċċess għall-atti tal-proċedura, huwa essenzjali li jkunu protetti sigrieti tan-negozju. Bl-istess mod, għandha tkun protetta l-konfidenzjalità ta' l-informazzjoni skambjata fin-network u ma' l-awtoritajiet kompetenti ta' pajjiżi terzi.

(43) L-osservanza ta' dan ir-Regolament għandha tkun infurzata, skond kif ikun xieraq, permezz ta' multi u pagamenti perjodiċi ta' penali. F'dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tingħata ġurisdizzjoni mingħajr limiti skond l-Artikolu 229 tat-Trattat.

(44) Il-kundizzjonijiet li taħthom konċentrazzjonijiet li jinvolvu impriżi li għandhom l-uffiċcju jew l-oqsma prinċipali ta' attività tagħhom fil-Komunità, huma mwettqa f'pajjiżi terzi għandhom ikunu osservati. Għandu jkun possibbli li l-Kunsill jagħti lill-Kummissjoni mandat xieraq sabiex tagħmel negozjati bil-għan li tikseb trattament li ma jiddiskriminax fir-rigward ta' dawn l-impriżi.

(45) Dan ir-Regolament ma jnaqqas bl-ebda mod mid-drittijiet kollettivi ta' l-impjegati kif rikonoxxuti mill-impriżi konċernati, b'mod speċjali fir-rigward ta' kull obbligu li jinfurmaw u jikkonsultaw lir-rappreżentanti rikononxxuti tagħhom skond il-liġi Komunitarja u nazzjonali.

(46) Il-Kummissjoni għandha tkun tista' tistabbilixxi regoli dettaljati dwar l-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament skond il-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta' implimentazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni. Fl-adozzjoni ta' dawn id-dispożizzjonijiet ta' implimentazzjoni, l-Kummissjoni għandha tkun mgħejjuna minn Kumitat ta' Konsulenza magħmul minn rappreżentanti ta' l-Istati Membri kif speċifikat fl-Artikolu 23,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

1. Ħarsa ġenerali

,
Titlu Regolamentazzjoni

1.1 Referenzi

1.2 Rekwiżiti identifikati

1.3 Standards relatati

2. Rekwiżiti identifikati

Rekwiżiti
Sors Rekwiżit

3. Standards relatati

Standards
Sors Rekwiżit
  • Builddate: 29.01.2004 00:00:00 -Doknr: CELEX:32004R0139
  • EULAW -

    EN: Legal acts of the European Union from EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © European Union. Re-use is authorised by Decision 2011/833/EU, provided the source is acknowledged; the consolidated texts are licensed under CC BY 4.0 (EUR-Lex legal notice). Divided into sections and converted into the GRCA format, the wording unchanged. Only the legislation published in the Official Journal of the European Union is deemed authentic.

    DE: Rechtsakte der Europäischen Union aus EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © Europäische Union. Weiterverwendung nach Beschluss 2011/833/EU mit Quellenangabe gestattet; die konsolidierten Fassungen stehen unter CC BY 4.0 (Rechtlicher Hinweis von EUR-Lex). In Abschnitte aufgeteilt und in das GRCA-Format umgewandelt, der Wortlaut unverändert. Verbindlich sind allein die im Amtsblatt der Europäischen Union veröffentlichten Rechtsakte.