2. Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fl-Artikoli 31(6) u 43(2) għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ ħames snin mis-17 ta’ Jannar 2024. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega ta’ setgħa mhux iktar tard minn disa’ xhur qabel tmiem il-perjodu ta’ ħames snin. Id-delega ta’ setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perjodi ta’ żmien identiċi, sakemm il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill ma joġġezzjonaw għal tali estensjoni mhux aktar tard minn tliet xhur qabel tmiem kull perjodu.