Artikolu 7
Testjar ta' surfactants
It-testijiet kollha msemmija f'Artikoli 3 u 4 u fl-Annessi II, III, IV u VIII għandhom jitwettqu f'konformità ma' l-istandards imsemmija fl-Anness I.I u skond il-ħtiġijiet ta' testjar skond Artikolu 10(5) tar-Regolament (KEE) Nru 793/93. Għal dan il-għan, ikun biżżejjed li jiġu applikati l-istandards EN ISO/IEC jew il-prinċipji ta' prattika tajba ta' laboratorju, ħlief għal dawk it-testijiet li għalihom il-prinċipji ta' prattika tajba ta' laboratorju ikunu saru obbligatorji. F'dawk il-każi meta surfactants jintużaw f'diterġenti mqiegħda fis-suq qabel id-dħul fis-seħħ ta' l-istandard imsemmi hawn fuq, testijiet eżistenti li kienu saru bl-użu ta' l-aħjar tagħrif xjentifiku, u li kienu mwettqa bi standard paragunabbli ma' dak ta' l-istandards imsemmija fl-Anness I jistgħu jiġu aċċettati fuq il-bażi ta' każ b'każ. Il-fabbrikant jew l-Istat Membru jistgħu jibagħtu lill-Kummissjoni kull każ li dwaru jkun hemm xi dubju jew tilwima. Deċiżjoni mbagħad tittieħed skond il-proċedura stabbilita f'Artikolu 12(2).