Artikolu 22
Politika ta’ ġestjoni tal-inċidenti relatati mal-ICT
Bħala parti mill-mekkaniżmi biex jiġu individwati attivitajiet anomali, inklużi kwistjonijiet ta’ prestazzjoni tan-network tal-ICT u inċidenti relatati mal-ICT, l-entitajiet finanzjarji għandhom jiżviluppaw, jiddokumentaw u jimplimentaw politika ta’ inċidenti relatata mal-ICT li permezz tagħha għandhom:
(a)
jiddokumentaw il-proċess ta’ ġestjoni tal-inċidenti relatati mal-ICT imsemmi fl-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2022/2554;
(b)
jistabbilixxu lista ta’ kuntatti rilevanti ma’ funzjonijiet interni u partijiet ikkonċernati esterni li huma involuti direttament fis-sigurtà tal-operazzjonijiet tal-ICT, inkluż dwar:
(i)
l-individwazzjoni u l-monitoraġġ tat-theddid ċibernetiku;
(ii)
l-individwazzjoni ta’ attivitajiet anomali;
(iii)
il-ġestjoni tal-vulnerabbiltà;
(c)
jistabbilixxu, jimplimentaw u joperaw mekkaniżmi tekniċi, organizzazzjonali u operazzjonali biex jappoġġaw il-proċess ta’ ġestjoni tal-inċidenti relatati mal-ICT, inklużi mekkaniżmi li jippermettu individwazzjoni fil-pront ta’ attivitajiet u mġiba anomali f’konformità mal-Artikolu 23 ta’ dan ir-Regolament;
▼C1
(d)
iżommu l-evidenza kollha relatata ma’ inċidenti relatati mal-ICT għal perjodu li ma għandux ikun itwal milli meħtieġ għall-finijiet li għalihom tinġabar id-data, proporzjonali mal-kritikalità tal-funzjonijiet tan-negozju affettwati, tal-proċessi ta’ appoġġ u tal-assi tal-ICT u tal-informazzjoni, f’konformità mal-Artikolu 8(2) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2024/1772 (
2
) u ma’ kwalunkwe rekwiżit ta’ żamma applikabbli skont id-dritt tal-Unjoni;
▼B
(e)
jistabbilixxu u jimplimentaw mekkaniżmi biex janalizzaw inċidenti u xejriet sinifikanti jew rikorrenti relatati mal-ICT fl-għadd u fl-okkorrenza ta’ inċidenti relatati mal-ICT.
Għall-finijiet tal-punt (d), l-entitajiet finanzjarji għandhom iżommu l-evidenza msemmija f’dak il-punt b’mod sigur.