Artikolu 4
L-emenda għad-Direttiva 96/61/KE
Id-Direttiva 96/61/KE hija hawnhekk emendata kif ġej:
1. L-Artikolu 2 għandu jiġi emendat kif ġej:
(a) is-sentenza li ġejja għandha tiżdied mal-paragrafu 10(b):
“Għall-għanijiet ta’ din id-definizzjoni, kull bidla jew estensjoni ta’ ħidma għandhom jitqiesu li jkunu sostanzjali jekk il-bidla jew l-estensjoni fihom infushom jissodisfaw l-għetiebi, jekk ikun hemm minnhom, iddikjarati fl-Annes I.”;
(b) għandhom jiżdiedu l-punti li ġejjin:
“13. ‘il-pubbliku’ għandu jfisser persuna jew iktar naturali jew legali, u, skond il-leġislazzjoni jew il-prattika nazzjonali, l-assoċjazzjonijiet, l-organizzazzjonijiet jew il-gruppi tagħhom;
14. ‘il-pubbliku interessat’ għandu jfisser il-pubbliku affettwat jew x’aktarx li jiġi affettwat bil-proċeduri dwar it-tfassil tad-deċiżjonijiet dwar l-ambjent riferiti fl-Artikolu 2(2) jew li għandu interess fihom; għall-għanijiet ta’ din id-Deċiżjoni, l-organizzazzjonijiet mhux governattivi li jippromwovu l-protezzjoni ta’ l-ambjent u jissodisfaw kull ħtieġa taħt il-liġijiet nazzjonali għandhom jitqiesu li għandhom interess;”
2. fl-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 6(1) għandu jiżdied l-inċiż li ġej:
“— l-alternattivi prinċipali, jekk ikun hemm minnhom, studjati f’deskrizzjoni fil-qosor mill-applikant.”
3. l-Artikolu 15 għandu jiġi emendat kif ġej:
(a) il-paragrafu 1 jiġi mibdul b’dan li ġej:
“1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi l-pubbliku interessat jingħata opportunitajiet minn kmieni u effettivi sabiex jipparteċipa fil-proċedura għal:
— il-ħruġ ta’ permess għal stallazzjonijiet ġodda,
— il-ħruġ ta’ permess għal kull bidla sostanzjali fil-ħidma ta’ stallazzjoni,
— l-aġġornament ta’ permess jew il-kondizzjonijiet ta’ permess għal istallazzjoni skond l-ewwel inċiż tal-paragrafu 2 ta’ l-Artikolu 13.
Il-proċedura ddikjarata fl-Anness V għanha tapplika għall-għanijiet ta’ din il-parteċipazzjoni.”;
(b) għandu jiżdied il-paragrafu li ġej:
“5. Meta tkun ittieħdet deċiżjoni, l-awtorità kompetenti għandha tgħarraf lill-pubbliku skond il-proċeduri approprjati u għandha tagħmel disponibbli lill-pubbliku t-tagħrif li ġej:
(a) il-kontenut tad-deċiżjoni, inkluża kopja tal-permess u ta’ kull kondizzjoni u ta’ kull aġġornament sossegwenti; u
(b) wara li tkunu eżaminat it-tħassib u l-opinjonijiet espressi mill-publiku interessat, ir-raġunijiet ewliena u l-konsiderazzjonijiet li fuqhom tkun imsejsa d-deċiżjoni, inkluż it-tagħrif dwar il-proċess tal-parteċipazzjoni tal-pubbliku.”;
4. għandu jiddaħħal l-Artikolu li ġej:
“L-Artikolu 13a
L-aċċess għall-ġustizzja
L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi, skond is-sistema legali nazzjonali rilevanti, il-membri tal-pubbliku interessat:
(a) li jkollu interess biżżejjed, jew alternattivament,
(b) li jżomm l-indebboliment ta’ dritt, meta l-liġi amministrattiva proċedurali ta’ Stat Membru teħtieġ dan bħala pre-kondizzjoni;
ikollhom aċċess għal rivista quddiem qorti tal-ġustizzja jew korp ieħor indipendenti u imparzjali stabbilit bil-liġi għalbiex jisfida l-legalità sostanzjali jew proċedurali tad-deċiżjonijiet, l-atti jew l-omissjonijiet bla ħsara għad-disposizzjonijiet ta’ din id-Direttiva dwar il-parteċipazzjoni tal-pubbliku.
L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu f’liema stadju jistgħu jiġu rrikużati d-deċiżjonijiet, l-atti jew l-omissjonijiet.
Dak li jikkostiwixxi interess suffiċjenti u l-indebboliment ta’ dritt għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri, b’mod konsistenti mal-mira li jingħata aċċess għall-ġustizzja lill-pubbliku interessat. Għal dan il-fini, l-interess ta’ kull organizzazzjoni mhux governattiva li tissodisfa l-ħtiġiet riferiti fl-Artikolu 2(14) għandu jitqies biżżejjed għall-għan tas-subparagrafu (a) ta’ dan l-Artikolu. Dawn l-organizzazzjonijiet għandhom jitqiesu wkoll li għandhom drittijiet kapaċi li jiġu indebboliti għall-għan tas-subparagrafu (b) ta’ dan l-Artikolu.
Id-disposizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu ma għandhomx jeskludu l-possibbiltà ta’ proċedura ta’ rivista preliminari quddiem awtorità amminisrattiva u ma għandhomx jaffettwaw il-ħtieġa ta’ l-eżawriment tal-proċeduri tar-rivista amministrattiva qabel ir-rikors għall-proċeduri tar-rivista ġudizzjarja, meta teżisti din il-ħtieġa taħt il-liġijiet nazzjonali.
Kull proċedura bħal din għandha tkun ġusta, retta, f’waqtha u ma tiswiex tant li tkun projbittiva.
Sabiex iżidu l-efettività tad-disposizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu, l-Istati Membri għandhom jiżguraw illi tagħrif prattiku jintgħamel disponibbli lill-pubbliku dwar l-aċċess għall-proċeduri amministrativi u ġudizzjarji tar-rivista.”;
5. l-Artikolu 1 għandu jiġi emendat kif ġej:
(a) il-paragrafu 1 jiġi mibdul b’dan li ġej:
“1. Meta Stat Membru jkun konxju illi l-ħidma ta’ stallazzjoni x’aktarx li jkollha effetti negattivi sinifikanti fuq l-ambjent ta’ Stat Membru ieħor, jew meta Stat Membru li x’aktarx li jiġi affettwat b’mod sinifikanti hekk jitlob, l-Istat Membru li fit-territordju tiegħu kienet issottomessa l-applikazzjoni għal permess skond l-Artikolu 4 jew l-Artikolu 12(2) għandu jibgħat lill-Istat Membru l-ieħor kull tagħrif meħtieġ li jrid jingħata jew magħmul disponibbli skond l-Anness V fl-istess waqt li jagħmlu disponibbli liċ-ċittadini tiegħu. Dan it-tagħrif għandu jservi bħala bażi għal kull konsultazzjoni meħtieġa fil-qafas tar-relazzjonijiet bilaterali bejn iż-żewġ Stati Membri fuq bażi reċiproku u ekwivalenti.”
(b) għandu jiżdied il-paragrafu li ġej:
“3. Iridu jitqiesu r-riżultati ta’ kull konsultazzjoni skond il-paragrafi 1 u 2 meta l-awtorità kompetenti tasal għal deċiżjoni dwar l-applikazzjoni.
4. L-awtorità kompetenti għandha tgħarraf lil kull Stat Membru, li jkun ġie kkonsultat skond il-paragrafu 1, bid-deċiżjoni meħuda dwar l-applikazzjoni u għandha tibgħatlu t-tagħrif riferit fl-Artikolu 15(5). Dan l-Istat Membui għandu jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżgura illi dan it-tagħrif jiġi magħmul disponibbli f’manjiera approprjata lill-pubbliku interessat fit-territorju tiegħu nnifsu.”;
6. għandu jiżdied l-Anness V, kif iddikjarat fl-Anness II ma’ din id-Direttiva.