|
Linja Gwida 1: L-identifikazzjoni tas-servizzi li għandhom jiġu kkunsidrati għal-listi provviżorji 1.1. Fir-rigward tal-kriterju tal-‘aktar servizzi użati mill-konsumaturi fir-rigward tal-kont tal-pagamenti tagħhom’ kif imsemmi fil-punt (a) tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2014/92/UE, għandhom jiġu kkunsidrati l-fatturi li ġejjin, sal-punt meħtieġ biex tiġi ddeterminata l-lista: - a. l-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkunsidraw il-popolazzjoni ġenerali tal-konsumaturi, meta jivvalutaw il-livell ta' tixrid tas-servizzi;
- b. l-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkunsidraw il-prevalenza relattiva tas-servizzi f'termini ta' kemm ta' spiss jikkostitwixxu karatteristika tal-kontijiet tal-pagamenti;
- c. l-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkunsidraw kemm ta' spiss jintużaw is-servizzi inkwistjoni, billi fejn ikun possibbli jitqies il-proporzjon ta' konsumaturi li jużaw is-servizz flimkien man-numru ta' drabi li jintuża s-servizz;
- d. l-awtoritajiet kompetenti għandhom jinkludu l-provvediment tal-kont innifsu bħala servizz.
1.2. Fir-rigward tal-kriterju ta' ‘servizzi li jiġġeneraw l-akbar spiża għall-konsumaturi, kemm globalment kif ukoll għal kull unità’ kif imsemmi fil-punt (b) tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2014/92/UE, għandhom jiġu kkunsidrati l-fatturi li ġejjin, sal-punt meħtieġ biex tiġi ddeterminata l-lista: - a. meta jiġu kkunsidrati t-tariffi b'mod globali kif ukoll għal kull unità, l-awtoritajiet kompetenti ma għandhomx biss jikkunsidraw is-servizzi li jissodisfaw dawn iż-żewġ kriterji fl-istess ħin, iżda anki s-servizzi li jiġġeneraw l-akbar spiża għall-konsumaturi b'mod globali jew għal kull unità;
- b. l-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkunsidraw it-tariffi b'mod kumulattiv meta jiddeterminaw il-kostijiet unitarji jew l-ispejjeż globali tas-servizzi li jistgħu jġibu magħhom tipi differenti ta' tariffi;
- c. meta jiġi aċċertat liema huma s-servizzi l-aktar rappreżentattivi, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkunsidraw l-ispejjeż li huma mġarrba, jew li jistgħu jiġu mġarrba, mill-konsumaturi fuq bażi annwali għall-użu tas-servizz, preferibbilment abbażi tad-dejta l-aktar riċenti disponibbi li tkopri perjodu ta' 12-il xahar.
Linja Gwida 2: Eżerċizzju ta' ġudizzju meta jiġu stabbiliti l-listi provviżorji 2.1. Meta tiġi stabbilita l-lista proviżorja, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jagħtu prijorità lil dawn is-servizzi li jissodisfaw iż-żewġ kriterji (jiġifieri fil-qasam C tal-Figura 1). 2.2. Imbagħad, peress li l-kriterji mhumiex strettament kumulattivi, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkunsidraw ukoll is-servizzi li jissodisfaw biss wieħed mill-kriterji (jiġifieri fl-oqsma A jew B) għall-inklużjoni fil-lista proviżorja. Figura 1 - Servizzi u kriterji
|