1. L-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jew l-awtoritajiet kompetenti għandhom jippubblikaw fuq is-sit web uffiċjali tagħhom kwalunkwe penali amministrattiva jew miżura amministrattiva imposta minnhom għal ksur ta’ dan ir-Regolament fejn tali penali jew miżuri ma jkunux ġew soġġetti għal appell jew fejn id-dritt ta’ appell ikun ġie eżawrit. It-tali pubblikazzjoni għandha sseħħ mingħajr dewmien mhux dovut wara li l-persuna fiżika jew ġuridika tiġi infurmata b’dik il-penali jew miżura u għandha tinkludi informazzjoni dwar it-tip u n-natura tal-ksur u l-identità tal-persuna fiżika jew ġuridika li fir-rigward tagħha tiġi imposta l-penali jew il-miżura.
Meta l-Istati Membri jippermettu l-pubblikazzjoni ta’ penali amministrattivi jew miżuri amministrattivi oħra li dwarhom ikun hemm appell, l-awtoritajiet tar-riżoluzzjoni u l-awtoritajiet kompetenti għandhom, mingħajr dewmien mhux dovut, jippubblikaw fuq il-websajts uffiċjali tagħhom, informazzjoni dwar l-istatus ta’ dak l-appell u l-eżitu tiegħu.