Artikolu 11
Ħruġ u rimborżabbiltà
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-emittenti ta’ flus elettroniċi jemettu l-flus elettroniċi bil-parità kontabbli bħalma jkun hemm fuq l-irċevuta tal-fondi.
2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fuq talba tad-detentur tal-flus elettroniċi, l-emittenti tal-flus elettroniċi jirrimborżaw, f’kull ħin u bil-parità kontabbli, il-valur monetarju tal-flus elettroniċi miżmuma.
3. Il-kuntratt bejn l-emittenti tal-flus elettroniċi u d-detentur tal-flus elettroniċi għandu b’mod ċar u prominenti jiddikjara l-kondizzjonijiet tar-rimborż, inklużi l-ħlasijiet marbutin mar-rimborż, u d-detentur tal-flus elettroniċi għandu jkun mgħarraf b’dawn il-kondizzjonijiet qabelma jkun marbut bi kwalunkwe kuntratt jew offerta.
4. Ir-rimborż għandu jkun suġġett għal ħlas biss jekk ikun hekk iddikjarat fil-kuntratt skont il-paragrafu 3 u biss f’wieħed mis-segwenti każijiet:
(a) fejn ir-rimborż ikun rikjest qabel it-terminazzjoni tal-kuntratt;
(b) fejn il-kuntratt jipprovdi għal data ta’ terminazzjoni u d-detentur tal-flus elettroniċi jkun ittermina l-kuntratt qabel dik id-data; jew
(c) fejn ir-rimborż ikun mitlub aktar minn sena wara d-data tat-terminazzjoni tal-kuntratt.
Kull ħlas bħal dan għandu jkun proporzjonat u jipparaguna mal-ispejjeż attwali magħmula mill-emittenti tal-flus elettroniċi.
5. Fejn ir-rimborż ikun rikjest qabel it-terminazzjoni tal-kuntratt, id-detentur tal-flus elettroniċi jista’ jitlob li l-flus elettroniċi jiġu mifdija kollha jew parzjalment.
6. Fejn ir-rimborż ikun rikjest mid-detentur tal-flus elettroniċi ma’ għeluq sena, jew matulha, mid-data tat-terminazzjoni tal-kuntratt:
(a) il-valur monetarju totali tal-flus elettroniċi għandu jkun rimborżat; jew
(b) fejn l-istituzzjoni tal-flus elettroniċi twettaq xi waħda jew iżjed mill-attivitajiet elenkati fil-punt 6 tal-Artikolu 6(1) u ma jkunx magħruf minn qabel liema proporzjon mill-fond għandha tintuża bħala flus elettroniċi, il-fondi kollha mitluba mid-detentur tal-flus elettroniċi għandhom jiġu mifdijin.
7. Minkejja l-paragrafi 4, 5 u 6, id-drittijiet ta’ rimborż ta’ persuna, li ma tkunx konsumatur, li taċċetta flus elettroniċi għandhom ikunu suġġetti għall-ftehim kontrattwali bejn l-emittent tal-flus elettroniċi u dik il-persuna.