3. B’deroga mill-paragrafu 1, il-punt (c), fornitur ta’ klassifikazzjonijiet ESG jista’ jippreżenta talba mal-ESMA biex ikun awtorizzat jipprovdi parametri referenzjarji dment li jistabbilixxi miżuri speċifiċi, inklużi dawk imsemmija fil-paragrafu 2. L-ESMA għandha tiddeċiedi jekk il-miżuri proposti mill-fornitur ta’ klassifikazzjonijiet ESG humiex xierqa u suffiċjenti fir-rigward tar-riskji potenzjali ta’ kunflitti ta’ interess. Jekk l-ESMA tqis li l-miżuri mhumiex xierqa jew suffiċjenti fir-rigward tar-riskji potenzjali ta’ kunflitti ta’ interess, għandu japplika l-paragrafu 1, il-punt (c).
Kwalunkwe bidla sostanzjali fil-miżuri meħuda mill-fornitur ta’ klassifikazzjonijiet ESG jew fl-implimentazzjoni tagħhom għandha tiġi nnotifikata lill-ESMA mill-fornitur ta’ klassifikazzjonijiet ESG qabel tali bidla tiġi implimentata. L-ESMA għandha tiddeċiedi jekk il-miżuri għadhomx xierqa u suffiċjenti fir-rigward tar-riskji potenzjali ta’ kunflitti ta’ interess. Jekk l-ESMA tqis li l-miżuri ma għadhomx xierqa jew suffiċjenti fir-rigward tar-riskji potenzjali ta’ kunflitti ta’ interess, għandu japplika l-paragrafu 1, il-punt (c).
L-ESMA għandha tieħu deċiżjoni kif imsemmi fl-ewwel u fit-tieni subparagrafi ta’ dan il-paragrafu fi żmien 30 jum tax-xogħol minn meta tirċievi l-informazzjoni kompluta dwar il-miżuri proposti mill-fornitur ta’ klassifikazzjonijiet ESG jew ta’ kwalunkwe bidliet sostanzjali għalihom, jew sal-iskadenzi stabbiliti fl-Artikolu 7 meta il-valutazzjoni tal-ESMA tkun parti mill-evalwazzjoni tagħha tal-applikazzjoni tal-fornitur ta’ klassifikazzjonijiet ESG għall-awtorizzazzjoni.