1. Kull Stat Membru għandu jaħtar jew jistabbilixxi awtorità kompetenti jew aktar minn waħda responsabbli għall-applikazzjoni korretta u, fejn meħtieġ, għall-infurzar tar-regoli stabbiliti f'din id-Direttiva fil-livell nazzjonali.
Fir-rigward tal-entitajiet kritiċi fis-setturi stabbiliti fil-punti 3 u 4 tat-tabella fl-Anness għal din id-Direttiva, l-awtoritajiet kompetenti għandhom, fil-prinċipju, ikunu l-awtoritajiet kompetenti msemmija fl-Artikolu 46 tar-Regolament (UE) 2022/2554. Fir-rigward tal-entitajiet kritiċi fis-settur stabbilit fil-punt 8 tat-tabella fl-Anness għal din id-Direttiva, l-awtoritajiet kompetenti għandhom, fil-prinċipju, ikunu l-awtoritajiet kompetenti taħt id-Direttiva (UE) 2022/2555. L-Istati Membri jistgħu jaħtru awtorità kompetenti differenti għas-setturi stabbiliti fil-punti 3, 4 u 8 tat-tabella fl-Anness għal din id-Direttiva f'konformità mal-oqfsa nazzjonali eżistenti.
Fejn jaħtru jew jistabbilixxu aktar minn awtorità kompetenti waħda, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu b'mod ċar il-kompiti ta' kull waħda mill-awtoritajiet ikkonċernati u jiżguraw li dawn jikkooperaw b'mod effettiv biex iwettqu l-kompiti tagħhom skont din id-Direttiva, anki fir-rigward tad-deżinjazzjoni u tal-attivitajiet tal-punt uniku ta' kuntatt imsemmi fil-paragrafu 2.