5. Meta l-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni tonqos milli tippreżenta pjan ta' rkupru preventiv rivedut, jew meta l-awtorità superviżorja tiddetermina li l-pjan ta' rkupru preventiv rivedut ma jirrimedjax b'mod adegwat in-nuqqasijiet jew l-impedimenti identifikati fil-valutazzjoni oriġinali tagħha, u ma jkunx possibbli li jiġu rrimedjati adegwatament in-nuqqasijiet jew l-impedimenti permezz ta' struzzjoni għal tibdil speċifiku fil-pjan, l-awtorità superviżorja għandha titlob lill-impriża tidentifika fi żmien raġonevoli l-bidliet li tista' tagħmel fin-negozju tagħha sabiex tindirizza n-nuqqasijiet fil-pjan ta' rkupru preventiv jew l-impedimenti għall-implimentazzjoni ta' dak il-pjan.
Meta l-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni tonqos milli tidentifika tali bidliet fiż-żmien stabbilit mill-awtorità superviżorja, jew meta l-awtorità superviżorja tikkonkludi li l-azzjonijiet proposti mill-impriża ma jkunux jindirizzaw adegwatament in-nuqqasijiet jew l-impedimenti, jista' jkun li l-awtorità superviżorja jkollha bżonn tieħu deċiżjoni motivata sabiex tagħti struzzjonijiet lill-impriża sabiex tieħu kwalunkwe miżura li l-awtorità superviżorja tikkunsidra bħala neċessarja u proporzjonata, b'kont meħud tas-serjetà tan-nuqqasijiet u tal-impedimenti u tal-effett tal-miżuri fuq in-negozju tal-impriża.
Din id-deċiżjoni għandha tiġi nnotifikata bil-miktub lill-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni u għandha tkun soġġetta għal dritt ta' appell.