+Artikolu 10 Is-servizz tal-bdil
---+Artikolu 10 1
---+Artikolu 10 2
---+Artikolu 10 3
---+Artikolu 10 4
---+Artikolu 10 5
---+Artikolu 10 6

Artikolu 10 Is-servizz tal-bdil

1. Ħarsa ġenerali

,
Titlu Regolamentazzjoni
Artikolu 10 1

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-servizz tal-bdil jinbdew mill-fornitur tas-servizzi tal-ħlas destinatarju fuq talba tal-konsumatur. Is-servizz tal-bdil għandu mill-inqas ikun konformi mal-paragrafi 2 sa 6.

L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu jew isostnu miżuri alternattivi għal dawk imsemmija fil-paragrafi 2 sa 6, dment li:

(a)

dan ikun b’mod ċar fl-interess tal-protezzjoni tal-konsumatur;

(b)

li ma jkunx hemm piż addizzjonali għall-konsumatur; u

(c)

li l-bdil jintemm mill-anqas fl-istess perijodu ta’ żmien kif indikat fil-paragrafi 2 sa 6.

Artikolu 10 2

2.   Il-fornitur tas-servizzi tal-ħlas destinatarju għandu iwettaq is-servizz tal-bdil malli jirċievi l-awtorizzazzjoni mill-konsumatur. F’każ ta’ tnejn jew aktar detenturi tal-kont, l-awtorizzazzjoni għandha jinkiseb minn kull wieħed minnhom.

L-awtorizzazzjoni għandha titfassal b’lingwa uffiċjali tal-Istat Membru fejn is-servizz tal-bdil qed jinbeda jew bi kwalunkwe lingwa oħra miftiehma bejn il-partijiet.

L-awtorizzazzjoni għandha tippermetti lill-konsumatur li jipprovdi kunsens speċifiku għat-twettiq mill-fornitur tas-servizzi tal-ħlas li qed titrasferixxi ta’ kull wieħed mill-kompiti msemmija fil-paragrafu 3 u biex jipprovdi kunsens speċifiku għat-twettiq mill-fornitur tas-servizzi tal-ħlas destinatarju ta’ kull wieħed mill-kompiti msemmija fil-paragrafu 5.

L-awtorizzazzjoni għandha tippermetti lill-konsumatur biex b’mod speċifiku jidentifika t-trasferimenti ta’ kreditu li deħlin, l-istanding orders għal trasferimenti ta’ kreditu u l-mandati ta’ debitu dirett li għandhom jinbidlu. L-awtorizzazzjoni għandha wkoll tippermetti lill-konsumaturi biex jispeċifikaw id-data li minnha l-istanding orders għal trasferimenti ta’ kreditu u d-debiti diretti għandhom jiġu eżegwiti fil-kont tal-ħlas miftuħ jew miżmum mal-fornitur tas-servizzi tal-ħlas destinatarju. Dik id-data għandha tkun mill-inqas sitt ijiem ta’ negozju wara d-data li fiha l-fornitur tas-servizz tal-ħlas destinarju jirċievi d-dokumenti ttrasferiti mill-fornitur tas-servizz tal-ħlas li jittrasferixxi skont il-paragrafu 4. L-Istati Membri jistgħu jesiġu li l-awtorizzazzjoni mill-konsumatur tkun bil-miktub u li kopja tal-awtorizzazzjoni tiġi pprovduta lill-konsumatur.

Artikolu 10 3

3.   Fi żmien jumejn ta’ negozju minn meta jirċievi l-awtorizzazzjoni msemmija fil-paragrafu 2, il-fornitur tas-servizzi tal-ħlas destinatarju jitlob lill-fornitur tas-servizzi tal-ħlas li jittrasferixxi sabiex iwettaq id-dmirijiet segwenti jekk previst fl-awtorizzazzjoni tal-konsumatur:

(a)

jittrasmetti lill-fornitur tas-servizzi tal-ħlas destinatarju u, jekk mitlub b’mod speċifiku mill-konsumatur,lill-konsumatur, lista tal-istanding orders eżistenti għat-trasferimenti ta’ kreditu u l-informazzjoni disponibbli dwar il-mandati ta’ debitu dirett li qed jinbidlu;

(b)

jittrasmetti lill-fornitur tas-servizzi tal-ħlas destinatarju u, jekk mitlub b’mod speċifiku mill-konsumatur, lill-konsumatur l-informazzjoni disponibbli dwar trasferimenti ta’ kreditu rikurrenti li deħlin u d-debiti diretti mwettqa mid-debitur eżegwiti fuq il-kont tal-ħlas tal-konsumatur fit-13-il xahar preċedenti;

(c)

fejn il-fornitur tas-servizzi tal-ħlas li jittrasferixxi ma jipprovdix sistema għar-ridirezzjoni awtomatizzata tat-trasferimenti ta’ kreditu li deħlin u d-debiti diretti lejn il-kont tal-ħlas tal-konsumatur mal-fornitur tas-servizzi tal-ħlas destinatarju, jieqaf jaċċetta debiti diretti u trasferimenti ta’ kreditu li deħlin b’effett mid-data speċifikata fl-awtorizzazzjoni;

(d)

jikkanċella l-istanding orders b’effett mid-data speċifikata fl-awtorizzazzjoni;

(e)

jittrasferixxi kwalunkwe bilanċ pożittiv li jibqa’ lejn il-kont tal-ħlas miftuħ jew miżmum mal-fornitur tas-servizzi tal-ħlas destinatarju fid-data speċifikata mill-konsumatur; u

(f)

jagħlaq il-kont tal-ħlas miżmum mal-istituzzjoni tal-kreditu li tittrasferixxi fid-data speċifikata mill-konsumatur.

Artikolu 10 4

4.   Mal-wasla ta’ talba mill-fornitur tas-servizzi tal-ħlas destinatarju, il-fornitur tas-servizzi tal-ħlas li jittrasferixxi għandu jwettaq il-kompiti li ġejjin, jekk previsti fl-awtorizzazzjoni tal-konsumatur:

(a)

jibgħat lill-fornitur tas-servizzi tal-ħlas destinatarju l-informazzjoni msemmija fil-punti (a) u (b) tal-paragrafu 3 fi żmien ħamest ijiem ta’ negozju;

(b)

fejn il-fornitur tas-servizzi tal-ħlas li jittrasferixxi ma jipprovdix sistema għar-ridirezzjoni awtomatizzata tat-trasferimenti ta’ kreditu li deħlin u d-debiti diretti lejn il-kont tal-ħlas miżmum jew miftuħ mill-konsumatur mal-fornitur tas-servizzi tal-ħlas destinatarju, jieqaf milli jaċċetta t-trasferimenti ta’ kreditu li deħlin u d-debiti diretti fil-kont tal-ħlas b’effett mid-data speċifikata fl-awtorizzazzjoni. L-Istati Membri jistgħu jesiġu lill-fornitur tas-servizzi tal-ħlas li jittrasferixxi biex jinforma lil min iħallas jew lill-benefiċjarju bir-raġuni għaliex ma aċċettatx it-tranżazzjoni tal-ħlas;

(c)

jikkanċella l-istanding orders b’effett mid-data speċifikata fl-awtorizzazzjoni;

(d)

jittrasferixxi kwalunkwe bilanċ pożittiv li jibqa’ mill-kont tal-ħlas għall-kont tal-ħlas miftuħ jew miżmum mal-fornitur tas-servizzi tal-ħlas destinatarju fid-data speċifikata fl-awtorizzazzjoni;

(e)

mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 45(1) u (6) tad-Direttiva 2007/64/KE jagħlaq il-kont tal-ħlas fid-data speċifikata fl-awtorizzazzjoni jekk il-konsumatur ma jkunx baqagħlu obbligi fuq dak il-kont tal-ħlas u dment li l-azzjonijiet elenkati fil-punti (a), (b) u (d) ta’ dan il-paragrafu jkunu tlestew. Il-fornitur tas-servizzi tal-ħlas jinforma minnufih lill-konsumatur meta tali obbligi pendenti ma jippermettux li l-kont tal-ħlas tal-konsumatur jingħalaq.

Artikolu 10 5

5.   Fi żmien ħamest ijiem ta’ negozju minn meta tirċievi l-informazzjoni mitluba mingħand il-fornitur tas-servizzi tal-ħlas li jittrasferixxi msemmi fil-paragrafu 3, il-fornitur tas-servizzi tal-ħlas destinatarju għandu kif u jekk previst fl-awtorizzazzjoni u sa fejn l-informazzjoni prevista mill-fornitur tas-servizzi tal-ħlas li jittrasferixxi tippermetti lill-fornitur tas-servizzi tal-ħlas destinatarju li jagħmel dan, iwettaq il-kompiti segwenti:

(a)

jistabbilixxi l-istanding orders għat-trasferimenti ta’ kreditu mitluba mill-konsumatur u jeżegwihom b’effett mid-data speċifikata fl-awtorizzazzjoni;

(b)

iwettaq kwalunkwe tħejjija meħtieġa biex jaċċetta debiti diretti u jaċċettahom b’effett mid-data speċifikata fl-awtorizzazzjoni;

(c)

fejn rilevanti, jinforma lill-konsumaturi dwar id-drittijiet tagħhom skont il-punt (d) tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament (UE) Nru 260/2012;

(d)

jinforma lil dawk li jħallsu li huma speċifikati fl-awtorizzazzjoni u li jwettqu trasferimenti ta’ kreditu rikurrenti deħlin fil-kont tal-ħlas tal-konsumatur bid-dettalji tal-kont tal-ħlas tal-konsumatur bil-fornitur tas-servizzi tal-ħlas destinatarju u jibgħat kopja tal-awtorizzazzjoni mill-konsumatur lil dawk li jħallsu. Jekk il-fornitur tas-servizzi tal-ħlas destinatarju ma jkollux l-informazzjoni kollha li jeħtieġ biex jinforma lil min iħallas, dan għandu jistaqsi lill-konsumatur jew lill-fornitur tas-servizzi tal-ħlas li jittrasferixxi biex jipprovdi l-informazzjoni nieqsa;

(e)

jinforma lil dawk li jħallsu li huma speċifikati fl-awtorizzazzjoni u li jużaw debitu dirett biex jiġbru fondi mill-kont tal-ħlas tal-konsumatur bid-dettalji tal-kont tal-ħlas tal-konsumatur mal-fornitur tas-servizzi tal-ħlas destinatarju u d-data li minnha d-debiti diretti għandhom jinġabru minn dak il-kont tal-ħlas u jibgħat kopja tal-awtorizzazzjoni mill-konsumatur lill-benefiċjarji. Jekk il-fornitur tas-servizzi tal-ħlas destinatarju ma jkollux l-informazzjoni kollha li jeħtieġ biex jinforma lill-benefiċjarju, dan għandu jistaqsi lill-konsumatur jew lill-fornitur tas-servizzi tal-ħlas li jittrasferixxi, biex jipprovdi l-informazzjoni nieqsa;

Fejn il-konsumatur jagħżel li jipprovdi personalment l-informazzjoni msemmija fil-punti (d) u (e) tal-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu lil dawk li jħallsu jew lill-benefiċjarji aktar milli jipprovdi l-kunsens speċifiku f’konformità mal-paragrafu 2 lill-fornitur tas-servizzi tal-ħlas destinatarju biex jagħmel dan, il-fornitur tas-servizzi tal-ħlas destinatarju għandu jipprovdi lill-konsumatur b’ittri standard li jipprovdu dettalji tal-kont tal-ħlas u d-data tal-bidu speċifikata fl-awtorizzazzjoni fl-iskadenza msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu.

Artikolu 10 6

6.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 55(2) tad-Direttiva 2007/64/KE, il-fornitur tas-servizzi tal-ħlas li jittrasferixxi ma għandux jimblokka strumenti tal-ħlas qabel id-data speċifikata fl-awtorizzazzjoni tal-konsumatur sabiex il-forniment tas-servizzi tal-ħlas lill-konsumatur ma jiġix interrott matul il-forniment tas-servizz tal-bdil.

1.1 Referenzi

1.2 Rekwiżiti identifikati

1.3 Standards relatati

2. Rekwiżiti identifikati

Rekwiżiti
Sors Rekwiżit

3. Standards relatati

Standards
Sors Rekwiżit
  • Builddate: 28.08.2014 00:00:00 -Doknr: CELEX:32014L0092
  • EULAW -

    EN: Legal acts of the European Union from EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © European Union. Re-use is authorised by Decision 2011/833/EU, provided the source is acknowledged; the consolidated texts are licensed under CC BY 4.0 (EUR-Lex legal notice). Divided into sections and converted into the GRCA format, the wording unchanged. Only the legislation published in the Official Journal of the European Union is deemed authentic.

    DE: Rechtsakte der Europäischen Union aus EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © Europäische Union. Weiterverwendung nach Beschluss 2011/833/EU mit Quellenangabe gestattet; die konsolidierten Fassungen stehen unter CC BY 4.0 (Rechtlicher Hinweis von EUR-Lex). In Abschnitte aufgeteilt und in das GRCA-Format umgewandelt, der Wortlaut unverändert. Verbindlich sind allein die im Amtsblatt der Europäischen Union veröffentlichten Rechtsakte.