+ANNESS

ANNESS




ANNESS

TAQSIMA A

Informazzjoni li trid tiġi inkluża fil-pjanijiet ta’ rkupru

Il-pjan ta’ rkupru għandu jinkludi l-informazzjoni li ġejja:

(1) 

Sommarju tal-elementi ewlenin tal-pjan u sommarju tal-kapaċità kumplessiva tal-irkupru;

(2) 

sommarju tal-bidliet materjali fl-istituzzjoni minn meta ġie ffajljat l-aktar pjan ta’ rkupru riċenti;

(3) 

komunikazzjoni u pjan ta’ divulgazzjoni li jiddeskrivi kif id-ditta għandha l-ħsieb timmaniġġja kwalunkwe reazzjoni potenzjalment negattiva tas-suq;

(4) 

firxa ta’ azzjonijiet kapitali u ta’ likwidità meħtieġa sabiex tiġi stabbilita mill-ġdid il-vijabbiltà tal-pożizzjoni finanzjarja tal-istituzzjoni;

(5) 

stima tal-qafas ta’ żmien għall-eżekuzzjoni ta’ kull aspett materjali tal-pjan;

(6) 

deskrizzjoni dettaljata ta’ kwalunkwe impediment materjali tal-eżekuzzjoni effettiva u f’waqtha tal-pjan, inkluża l-konsiderazzjoni tal-impatt fuq il-bqija tal-grupp, il-konsumaturi u l-kontropartijiet;

(7) 

identifikazzjoni tal-funzjonijiet kritiċi;

(8) 

deskrizzjoni dettaljata tal-proċessi għad-determinazzjoni tal-valur u l-kummerċjalizzazzjonibbiltà tal-linji tan-negozju ewlenin, l-operazzjonijiet u l-assi tal-istituzzjoni;

(9) 

deskrizzjoni dettaljata ta’ kif l-ippjanar tal-irkupru huwa integrat fl-istruttura tal-governanza korporattiva tal-istituzzjoni kif ukoll il-politiki u l-proċeduri li jirregolaw l-approvazzjoni tal-pjan ta’ rkupru u l-identifikazzjoni tal-persuni fl-organizzazzjoni responsabbli għall-preparazzjoni u l-implimentazzjoni tal-pjan;

(10) 

arranġamenti u miżuri li jikkonservaw jew li jirrestawraw il-fondi proprji tal-istituzzjoni;

(11) 

arranġamenti u miżuri sabiex jiġi żgurat li l-istituzzjoni għandha aċċess adegwat għas-sorsi tal-finanzjament ta’ kontinġenza, inklużi sorsi potenzjali ta’ likwidità, valutazzjoni tal-kollateral disponibbli u valutazzjoni tal-possibbiltà li tiġi trasferita likwidità bejn l-entitajiet fil-grupp u l-linji tan-negozju, sabiex jiġi żgurat li tista’ twettaq l-operazzjonijiet tagħha u tissodisfa l-obbligi tagħha meta jsiru dovuti;

(12) 

arranġamenti u miżuri sabiex jitnaqqsu r-riskju u l-ingranaġġ;

(13) 

arranġamenti u miżuri sabiex jiġu ristrutturati l-obbligazzjonijiet;

(14) 

arranġamenti u miżuri sabiex jiġu ristrutturati linji tan-negozju;

(15) 

arranġamenti u miżuri meħtieġa sabiex jinżamm aċċess kontinwu għal infrastrutturi tas-swieq finanzjarji;

▼M8

(16) 

l-arranġamenti u l-miżuri neċessarji għaż-żamma tal-funzjonament kontinwu tal-proċessi operazzjonali tal-istituzzjoni, inkluż netwerks u sistemi tal-informazzjoni stabbiliti u ġestiti f'konformità mar-Regolament (UE) 2022/2554;

▼B

(17) 

arranġamenti preparatorji sabiex jiġi faċilitat il-bejgħ tal-assi jew il-linji tan-negozju f’qafas taż-żmien xieraq sabiex tiġi restawrata s-sodezza finanzjarja;

(18) 

azzjonijiet jew strateġiji oħra ta’ mmaniġġjar sabiex jiġu rrestawrati s-sodezza finanzjarja u l-effett finanzjarju antiċipat ta’ dawk l-azzjonijiet jew l-istrateġiji;

(19) 

miżuri preparatorji li l-istituzzjoni tkun ħadet jew pjanijiet li jridu jittieħdu sabiex tiġi faċilitata l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ rkupru, inklużi dawk meħtieġa sabiex tiġi permessa r-rikapitalizzazzjoni f’waqtha tal-istituzzjoni;

(20) 

qafas ta’ indikaturi li jidentifikaw il-punti li fihom jistgħu jittieħdu l-azzjonijiet adatti msemmija fil-pjan.

TAQSIMA B

Informazzjoni li l-awtoritajiet tar-riżoluzzjoni jistgħu jitolbu lill-istituzzjonijiet biex jipprovdu għall-finijiet tat-tfassil u ż-żamma ta’ pjanijiet ta’ riżoluzzjoni

L-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jistgħu jitolbu lill-istituzzjonijiet jipprovdu tal-inqas l-informazzjoni li ġejja għall-finijiet tat-tfassil u ż-żamma ta’ pjanijiet ta’ riżoluzzjoni:

(1) 

deskrizzjoni dettaljata tal-istruttura organizzazzjonali tal-istituzzjoni inkluża lista tal-persuni ġuridiċi kollha;

(2) 

identifikazzjoni tad-detentur dirett u l-perċentwali tad-drittijiet tal-vot u drittijiet bla vot ta’ kull persuna ġuridika;

(3) 

il-post, il-ġurisdizzjoni tal-inkorporazzjoni, il-liċenzjar u l-immaniġġjar ewlenin assoċjata ma’ kull persuna ġuridika;

(4) 

immappjar tal-operazzjonijiet kritiċi u l-linji tan-negozju ewlenin tal-istituzzjoni inklużi l-assi materjali u l-obbligazzjonijiet relatati ma’ dawn l-operazzjonijiet u l-linji tan-negozju, b’referenza għall-persuni ġuridiċi;

(5) 

deskrizzjoni dettaljata tal-komponenti tal-istituzzjoni u l-obbligazzjonijiet kollha tal- entitajiet legali tagħha, isseparati, bħala minimu skont it-tipi u l-ammonti ta’ dejn fuq perjodu ta’ żmien qasir u perjodu ta’ żmien twil, obbligazzjonijiet garantiti, mhux garantiti u subordinati;

(6) 

id-dettalji ta’ dawk l-obbligazzjonijiet tal-istituzzjoni li huma ►M3  obbligazzjonijiet b'kapaċità ta' rikapitalizzazzjoni interna ◄

(7) 

identifikazzjoni tal-proċessi meħtieġa sabiex jiġi determinat lil minn l-istituzzjoni tkun ippleġġjat kollateral, il-persuna li żżomm il-kollateral u l-ġurisdizzjoni li fiha jinsab il-kollateral;

(8) 

deskrizzjoni tal-iskoperturi li ma jidhrux fil-karta tal-bilanċ tal-istituzzjoni u l-entitajiet legali tagħha, inkluż immappjar tal-operazzjonijiet kritiċi u l-linji tan-negozju ewlenin tagħha;

(9) 

il-ħeġġijiet materjali tal-istituzzjoni inkluż l-immappjar ta’ persuni ġuridiċi;

(10) 

identifikazzjoni tal-kontropartijiet prinċipali jew l-aktar kritiċi tal-istituzzjoni kif ukoll analiżi tal-impatt tal-falliment tal-kontropartijiet prinċipali fis-sitwazzjoni finanzjarja tal-istituzzjoni;

(11) 

kull sistema li fiha l-istituzzjoni twettaq għadd materjali jew ammont tal-valur ta’ kummerċ, inkluż immappjar tal-persuni ġuridiċi tal-istituzzjoni, l-operazzjonijiet kritiċi u l-linji tan-negozju ewlenin;

(12) 

kull sistema ta’ pagament, ikklerjar jew saldu li tagħhom l-istituzzjoni hija direttament jew indirettament membru, inkluż l-immappjar tal-persuni ġuridiċi tal-istituzzjoni, l-operazzjonijiet kritiċi u l-linji tan-negozju ewlenin;

(13) 

inventarju u deskrizzjoni dettaljati tas-sistemi tal-immaniġġjar tal-informazzjoni ewlenin, inklużi dawk għall-immaniġġjar tar-riskju, il-kontabbiltà u rrapportar finanzjarju u regolatorju użati mill-istituzzjoni inkluż immappjar tal-persuni ġuridiċi tal-istituzzjoni, l-operazzjonijiet kritiċi u l-linji tan-negozju ewlenin;

▼M8

(14) 

identifikazzjoni tas-sidien tas-sistemi identifikati fil-punt (13), ftehimiet fil-livell ta' servizz relatati magħhom, u kwalunkwe software u sistemi jew liċenzji, inkluż l-immappjar tal-entitajiet legali tagħhom, l-operazzjonijiet kritiċi u l-linji operazzjonali prinċipali, kif ukoll identifikazzjoni ta' fornituri terzi kritiċi ta' servizzi tal-ICT, kif definiti fl-Artikolu 3, il-punt (23), tar-Regolament (UE) 2022/2554;

▼M8

(14a) 

ir-riżultati tal-ittestjar tar-reżiljenza operazzjonali diġitali tal-istituzzjonijiet skont ir-Regolament (UE) 2022/2554;

▼B

(15) 

identifikazzjoni u mmappjar tal-persuni ġuridiċi u l-interkonnessjonijiet u l-interdipendenzi bejn l-persuni ġuridiċi differenti bħal:

— 
persunal, faċilitajiet u sistemi komuni jew kondiviżi;
— 
arranġamenti ta’ kapital, finanzjament jew likwidità;
— 
skoperturi ta’ kreditu eżistenti jew kontinġenti;
— 
ftehimiet ta’ kontrogaranziji, ftehimiet ta’ kontrokollateral, dispożizzjonijiet ta’ kontroinadempjenza u arranġamenti ta’ netting tal-kontroaffiljati;
— 
riskji tat-trasferimenti u arranġamenti kummerċjali spalla ma’ spalla; ftehimiet fil-livell ta’ servizz;
(16) 

l-awtorità kompetenti u ta’ riżoluzzjoni għal kull persuna ġuridika;

(17) 

il-membru tal-korp tal-immaniġġjar responsabbli li jipprovdi l-informazzjoni meħtieġa biex jitħejja l-pjan ta’ riżoluzzjoni tal-istituzzjoni kif ukoll dawk responsabbli, jekk differenti, għall-persuni ġuridiċi differenti, l-operazzjonijiet kritiċi u l-linji tan-negozju ewlenin;

(18) 

deskrizzjoni tal-arranġamenti li l-istituzzjoni għandha fis-seħħ sabiex tiżgura li, fil-każ ta’ riżoluzzjoni, l-awtorità tar-riżoluzzjoni jkollha l-informazzjoni kollha meħtieġa, kif determinat mill-awtorità tar-riżoluzzjoni, għall-applikazzjoni tal-għodod u s-setgħat tar-riżoluzzjoni;

(19) 

il-ftehimiet kollha li l-istituzzjonijiet u l-entitajiet legali tagħhom ma’ partijiet terzi li t-terminazzjoni tagħhom tista’ tiskatta permezz ta’ deċiżjoni tal-awtoritajiet li japplikaw għodda tar-riżoluzzjoni u jekk il-konsegwenzi tat-terminazzjoni jistgħux jaffettwaw l-applikazzjoni tal-għodda tar-riżoluzzjoni.

(20) 

deskrizzjoni ta’ sorsi possibbli tal-likwidità biex isostnu riżoluzzjoni;

(21) 

informazzjoni dwar tfixkil għall-assi, l-assi likwidi, l-attivitajiet li ma jidhrux fil-karta tal-bilanċ, l-istrateġiji tal-iħħeġjar u prassi tad-dħul fil-kotba.

TAQSIMA C

Kwistjonijiet li l-awtorità ta’ riżoluzzjoni għandha tqis meta tivvaluta r-riżolvibbiltà ta’ istituzzjoni jew grupp

Meta tivvaluta r-riżolvibbiltà ta’ istituzzjoni jew grupp, l-awtorità tar-riżoluzzjoni għandha tikkunsidra dan li ġej:

Fil-valutazzjoni tar-riżolvibbiltà ta’ grupp, ir-referenzi għal istituzzjoni għandha titqies li tinkludi kwalunkwe istituzzjoni jew entità msemmija fil-punti (c) jew (d) tal-Artikolu 1(1) fi ħdan il-grupp:

(1) 

il-punt safejn l-istituzzjoni tkun tista’ timmappja l-linji tan-negozju ewlenin u operazzjonijiet kritiċi għal persuni ġuridiċi;

(2) 

il-punt safejn l-istrutturi legali u korporattivi jkunu allinjati mal-linji tan-negozju ewlenin u l-operazzjonijiet kritiċi;

(3) 

il-punt safejn ikun hemm arranġamenti fis-seħħ sabiex jipprovdu għal persunal essenzjali, infrastruttura, finanzjament, likwidità u kapital sabiex jiġu sostnuti u miżmuma l-linji tan-negozju ewlenin u l-operazzjonijiet kritiċi;

▼M8

(4) 

il-punt sa fejn il-ftehimiet dwar is-servizzi, inklużi arranġamenti kuntrattwali dwar l-użu ta' servizzi tal-ICT, li l-istituzzjoni żżomm ikunu robusti u infurzabbli bis-sħiħ fil-każ ta' riżoluzzjoni tal-istituzzjoni;

▼M8

(4a) 

ir-reżiljenza operazzjonali diġitali tan-netwerks u tas-sistemi tal-informazzjoni li jappoġġjaw il-funzjonijiet kritiċi u l-linji operazzjonali prinċipali tal-istituzzjoni, filwaqt li jitqiesu r-rapporti dwar inċidenti kbar relatati mal-ICT u r-riżultati tat-testijiet tar-reżiljenza operazzjonali diġitali skont ir-Regolament (UE) 2022/2554;

▼B

(5) 

il-punt safejn l-istruttura tal-governanza tal-istituzzjoni hija adegwata għall-immaniġġjar u l-iżgurar tal-konformità mal-politiki interni tal-istituzzjoni fir-rigward tal-ftehimiet fil-livell tas-servizz;

(6) 

il-punt safejn l-istituzzjoni għandha proċess għat-tranżizzjoni tas-servizzi provduti skont il-ftehimiet fil-livell tas-servizz lil partijiet terzi fil-każ tas-separazzjoni ta’ funzjonijiet kritiċi jew tal-linji tan-negozju ewlenin;

(7) 

il-punt safejn hemm pjanijiet u miżuri ta’ kontinġenza fis-seħħ sabiex tiġi żgurata l-kontinwità fl-aċċess għas-sistemi tal-pagamenti u s-saldu;

(8) 

l-adegwatezza tas-sistemi tal-informazzjoni tal-maniġment fl-iżgurar li l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jkunu jistgħu jiġbru informazzjoni eżatta u kompleta fir-rigward tal-linji tan-negozju ewlenin u l-operazzjonijiet kritiċi sabiex jiġi faċilitat it-teħid rapidu ta’ deċiżjonijiet;

(9) 

il-kapaċità tas-sistemi tal-informazzjoni tal-maniġment li jipprovdu l-informazzjoni essenzjali għar-riżoluzzjoni effettiva tal-istituzzjoni fil-ħinijiet kollha anke taħt kondizzjonijiet li jinbidlu b’mod rapidu;

(10) 

il-punt safejn l-istituzzjoni ikunu ttestjaw is-sistemi tal-informazzjoni tal-maniġment tagħhom taħt xenarji ta’ stress kif definiti mill-awtorità tar-riżoluzzjoni;

(11) 

il-punt safejn l-istituzzjoni jista’ jiżgura l-kontinwità tas-sistemi tal-informazzjoni tal-maniġment tiegħu kemm għall-istituzzjoni affettwata kif ukoll għall-istituzzjoni l-ġdida fil-każ li l-operazzjonijiet kritiċi u l-linji tan-negozju ewlenin jiġu sseparati mill-bqija tal-operazzjonijiet u l-linji tan-negozju;

(12) 

il-punt safejn l-istituzzjoni ikunu stabbilixxew proċessi adegwati sabiex jiżguraw li jipprovdu lill-awtoritajiet tar-riżoluzzjoni bl-informazzjoni meħtieġa sabiex jidentifikaw depożituri u l-ammont koperti mill-iskemi tal-garanzija għal depożiti;

(13) 

meta l-grupp juża garanziji intragrupp, il-punt safejn dawk il-garanziji jiġu provduti b’kondizzjonijiet tas-suq u kemm is-sistemi tal-immaniġġjar tar-riskju li jikkonċernaw dawk il-garanziji huma robusti;

(14) 

fejn il-grupp jinvolvi ruħu fi tranżazzjonijiet spalla ma’ spalla, il-punt safejn dawk it-tranżazzjonijiet jitwettqu b’kondizzjonijiet tas-suq u kemm is-sistemi tal-immaniġġjar tar-riskju li jikkonċernaw dawk il-prassi ta’ tranżazzjonijiet huma robusti;

(15) 

il-punt safejn l-użu ta’ tranżazzjonijiet ta’ garanziji intragrupp jew tranżizzjonijiet ta’ dħul fil-kotba spalla ma’ spalla jżidu kontaġju fil-grupp;

(16) 

il-punt safejn l-istruttura legali tal-grupp tinebixxi l-applikazzjoni tal-għodod tar-riżoluzzjoni b’riżultat tal-għadd ta’ persuni ġuridiċi, il-kumplessità tal-istruttura tal-grupp jew id-diffikultà fl-allinjament tal-linji tan-negozju għall-entitajiet fi grupp;

(17) 

l-ammont u t-tip ta’ ►M3  obbligazzjonijiet b'kapaċità ta' rikapitalizzazzjoni interna ◄ tal-istituzzjoni;

(18) 

fejn il-valutazzjoni tinvolvi kumpanija b’parteċipazzjoni b’attività mħallta, il-punt safejn ir-riżoluzzjoni tal-entitajiet fi grupp li huma istituzzjonijiet jew istituzzjonijiet finanzjarji jista’ jkollha impatt negattiv fuq il-parti mhux finanzjarja tal-grupp;

(19) 

l-eżistenza u s-solidità ta’ ftehimiet fil-livell ta’servizz;

(20) 

jekk awtoritajiet ta’ pajjiżi terzi għandhomx l-għodda tar-riżoluzzjoni meħtieġa biex jappoġġjaw azzjonijiet mill-awtoritajiet tar-riżoluzzjoni tal-Unjoni, u l-ambitu għal azzjoni koordinata bejn l-Unjoni u awtoritajiet ta’ pajjiż terz;

(21) 

il-fattibbiltà tal-użu tal-għodod ta’ riżoluzzjoni b’tali mod li jintlaħqu l-għanijiet tar-riżoluzzjoni, fid-dawl tal-għodod disponibbli u l-istruttura tal-istituzzjoni;

(22) 

il-punt sa fejn l-istruttura tal-grupp tippermetti lill-awtorità tar-riżoluzzjoni tirriżolvi l-grupp kollu jew waħda jew aktar mill-entitajiet tal-grupp mingħajr ma toħloq effett negattiv dirett jew indirett sinifikanti fuq is-sistema finanzjarja, il-fiduċja tas-suq jew l-ekonomija u bil-ħsieb li jiġi mmassimizzat il-valur tal-grupp kollu;

(23) 

l-arranġamenti u l-meżżi li permezz tagħhom ir-riżoluzzjoni tista’ tiġi ffaċilitata fil-każijiet ta’ gruppi li għandhom sussidjarji stabbiliti f’ġuriżdizzjonijiet differenti;

(24) 

il-kredibilità tal-użu tal-għodod tar-riżoluzzjoni b’tali mod li jintlaħqu l-għanijiet tar-riżoluzzjoni, minħabba l-impatti possibbli fuq kredituri, kontropartijiet, konsumaturi u impjegati u azzjonijiet possibbli li l-awtoritajiet ta’ pajjiż terz jistgħu jieħdu;

(25) 

il-punt safejn l-impatt tar-riżoluzzjoni tal-istituzzjoni fuq is-sistema finanzjarja u fuq il-fiduċja fis-suq finanzjarju jistgħu jiġu evalwati adegwatament;

(26) 

il-punt safejn ir-riżoluzzjoni tal-istituzzjoni jista’ jkollha effett negattiv dirett jew indirett sinifikanti fuq is-sistema finanzjarja, il-fiduċja fis-suq jew l-ekonomija;

(27) 

il-punt safejn il-kontaġju lil istituzzjonijiet oħra jew lis-swieq finanzjarji jista’ jiġi kontenut permezz tal-applikazzjoni tal-għodod u s-setgħat tar-riżoluzzjoni;

(28) 

il-punt safejn ir-riżoluzzjoni tal-istituzzjoni jista’ jkollha effett sinifikanti fuq l-operat tas-sistemi tal-pagamenti u tas-saldu.

1. Ħarsa ġenerali

,
Titlu Regolamentazzjoni

1.1 Referenzi

1.2 Rekwiżiti identifikati

1.3 Standards relatati

2. Rekwiżiti identifikati

Rekwiżiti
Sors Rekwiżit

3. Standards relatati

Standards
Sors Rekwiżit
  • Builddate: 11.05.2026 00:00:00 -Doknr: CELEX:32014L0059
  • EULAW -

    EN: Legal acts of the European Union from EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © European Union. Re-use is authorised by Decision 2011/833/EU, provided the source is acknowledged; the consolidated texts are licensed under CC BY 4.0 (EUR-Lex legal notice). Divided into sections and converted into the GRCA format, the wording unchanged. Only the legislation published in the Official Journal of the European Union is deemed authentic.

    DE: Rechtsakte der Europäischen Union aus EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © Europäische Union. Weiterverwendung nach Beschluss 2011/833/EU mit Quellenangabe gestattet; die konsolidierten Fassungen stehen unter CC BY 4.0 (Rechtlicher Hinweis von EUR-Lex). In Abschnitte aufgeteilt und in das GRCA-Format umgewandelt, der Wortlaut unverändert. Verbindlich sind allein die im Amtsblatt der Europäischen Union veröffentlichten Rechtsakte.