Artikolu 4
1. Kull Stat Membru għandu jiżgura li l-forniment ta’ servizz universali jkun garantit u għandu jinnotifika lill-Kummissjoni bil-passi li jkun ħa sabiex jissodisfa dan l-obbligu. Il-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 21 għandu jiġi infurmat dwar il-miżuri stabbiliti mill-Istati Membri biex jiżguraw il-forniment ta’ servizz universali.
2. L-Istati Membri jistgħu jinnominaw impriża waħda jew aktar bħala l-fornituri ta’ servizz universali sabiex it-territorju nazzjonali kollu jkun kopert. L-Istati Membri jistgħu jinnominaw impriżi differenti għall-forniment ta’ elementi differenti tas-servizz universali u/jew biex jiġu koperti partijiet differenti tat-territorju nazzjonali. Meta jagħmlu hekk, huma għandhom jistabbilixxu skond id-dritt Komunitarju l-obbligi u d-drittijiet assenjati lilhom u għandhom jippubblikaw dawn l-obbligi u d-drittijiet. B’mod partikolari, l-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri biex jiżguraw li l-kondizzjonijiet li fihom jingħataw is-servizzi universali jissejsu fuq il-prinċipji tat-trasparenza, in-non-diskriminazzjoni u l-proporzjonalità, biex b’hekk tiġi garantita l-kontinwità tal-forniment ta’ servizz postali universali, billi jittieħed kont tar-rwol importanti li dan għandu fil-koeżjoni soċjali u territorjali.
L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar l-identità tal-fornitur(i) ta’ servizz universali li huma jinnominaw. In-nomina ta’ fornitur ta’ servizz universali għandha tkun soġġetta għal reviżjoni perjodika u tiġi eżaminata fi tqabbil mal-kondizzjonijiet u l-prinċipji mniżżla f’dan l-Artikolu. Madankollu, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-tul ta’ din in-nomina jipprovdi perijodu suffiċjenti għar-ritorn fuq l-investimenti.
▼B
L-Artikolu 5
1. Kull Stat Membru għandu jieħu passi sabiex jiżgura li l-provvista ta’ servizz universali tilħaq il-rekwiżiti li ġejjin:
— għandu joffri servizz li jiggarantixxi konformità mar-rekwiżiti essenzjali,
— għandu joffri servizz identiku lill-konsumaturi taħt kondizzjonijiet kumparabbli,
— dan għandu jkun disponibbli mingħajr ebda forma ta’ diskriminazzjoni tkun xi tkun, speċjalment mingħajr diskriminazzjoni li għandha dwar konsiderazzjonijiet politiċi, reliġjużi jew ideoloġiċi,
— m’għandux ikun interrot jew imwaqqaf ħlief f’każi ta’ forza maġġuri,
— għandu jevolvi bi tweġiba għall-ambjent tekniku, ekonomiku u soċjali u l-ħtiġiet tal-konsumaturi.
▼M3
2. Id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1 m’għandhomx jipprekludu miżuri li l-Istati Membri jieħdu skond ir-rekwiżiti li għandhom x’jaqsmu ma’ l-interess pubbliku rikonoxxut mit-Trattat, b’mod partikolari l-Artikoli 30 u 46 tiegħu, li jikkonċernaw, inter alia, il-moralità pubblika, is-sigurtà pubblika, inklużi investigazzjonijiet kriminali, u l-politika pubblika.