+Preamble: 1

Preamble: 1

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL ta’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 175(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (2),

Billi:

(1)

L-għargħar jista’ jwassal għall-mewt, għaċ-ċaqliq ta’ persuni u għal ħsara lill-ambjent, jista’ jikkomprometti bil-kbir l-iżvilupp ekonomiku u jhedded l-attivitajiet ekonomiċi tal-Komunità.

(2)

L-għargħar huwa fenomenu naturali li ma jistax ikun evitat. Madankollu, xi attivitajiet tal-bniedem (bħaż-żieda ta’ l-irħula u tal-beni ekonomiċi fil-pjanuri ta l-għargħar u t-tnaqqis fil-livell ta l-ilma minħabba l-użu ta’ l-art) u l-bidla fil-klima jikkontribwixxu għaż-żieda fil-possibbiltà ta’ għargħar u fl-impatti negattivi ta’ l-għargħar.

(3)

Huwa possibbli u mixtieq li jitnaqqas ir-riskju ta’ konsegwenzi negattivi marbuta ma’ l-għargħar, speċjalment għal saħħet il-bniedem u l-ħajja tiegħu, għall-ambjent, il-wirt kulturali, l-attività ekonomika u għall-infrastruttura assoċjata ma’ l-għargħar. Madankollu, il-miżuri biex jitnaqqsu dawn ir-riskji għandhom, safejn huwa possibbli, ikunu kkoordinati tul il-baċin kollu tax-xmara sabiex ikunu effettivi.

(4)

Id-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2000 li tistabbilixxi qafas għall-azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika ta’ l-ilma (3) teżiġi li jkun hemm pjanijiet ta’ mmaniġġar tal-baċin tax-xmajjar li jridu jiġu żviluppati għal kull distrett tal-baċin ta’ xmara sabiex jinkiseb stat ekoloġiku u kimiku tajjeb, u se tikkontribwixxi biex jittaffew l-effetti ta’ l-għargħar. Madankollu t-tnaqqis tar-riskju ta’ għargħar mhuwiex wieħed mill-għanijiet prinċipali ta’ dik id-Direttiva u din lanqas ma tqis il-bidliet futuri fir-riskju ta’ għargħar b'riżultat tal-bidla fil-klima.

(5)

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta’ Lulju 2004 lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni “L-immaniġġar tar-riskju ta’ għargħar; il-prevenzjoni, il-protezzjoni u t-tnaqqis ta’ l-għargħar” tistabbilixxi l-analiżi u l-istrateġija tagħha biex ikunu mmaniġġati r-riskji ta’ l-għargħar fuq livell Komunitarju, u tiddikjara li azzjoni kkonċertata u kkoordinata fuq livell Komunitarju ġġib valur miżjud konsiderevoli u ttejjeb il-livell ġenerali ta’ protezzjoni mill-għargħar.

(6)

Minbarra l-koordinazzjoni bejn l-Istati Membri, l-prevenzjoni u tnaqqis effettivi ta’ l-għargħar jeħtieġu kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi. Dan huwa konformi mad-Direttiva 2000/60/KE u mal-prinċipji internazzjonali ta’ l-immaniġġar tar-riskju ta’ għargħar kif żviluppati notevolment taħt il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-protezzjoni u l-użu ta’ korsiji ta’ l-ilma li jaqsmu l-fruntieri u l-għadajjar internazzjonali, approvata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 95/308/KE (4) u kwalunkwe ftehim sussegwenti dwar l-applikazzjoni tagħha.

(7)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/792/KE, Euratom tat-23 ta’ Ottubru 2001 li tistabbilixxi mekkaniżmu Komunitarju biex tiffaċilita l-kooperazzjoni rinforzata fl-interventi ta’ assistenza tal-protezzjoni ċivili (5) timmobilizza l-appoġġ u l-assistenza mill-Istati Membri f’każ ta’ emerġenzi kbar, inkluż l-għargħar. Il-protezzjoni ċivili tista’ tipprovdi rispons adegwat għall-popolazzjonijiet affettwati u ttejjeb l-istat ta’ preparazzjoni u ta’ l-irkupru.

(8)

Taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2002 tal-11 ta’ Novembru 2002 li jistabbilixxi l-Fond ta’ Solidarjetà ta’ l-Unjoni Ewropea (6), huwa possibbli li tingħata għajnuna finanzjarja immedjata f’każ ta’ diżastru kbir biex ikunu megħjuna n-nies, iż-żoni naturali, ir-reġjuni u l-pajjiżi kkonċernati biex jerġa’ jkollhom kondizzjonijiet li jkunu kemm jista’ jkun normali. Madanakollu l-Fond jista’ jintervjeni biss f’operazzjonijiet ta’ emerġenza u mhux f’dawk il-fażijiet li jippreċedu emerġenza.

(9)

Meta jiżviluppaw politika li jirriferu għall-użu ta’ l-ilma u ta’ l-art, l-Istati Membri u l-Komunità għandhom jikkunsidraw l-impatti potenzjali li tali politiki jafu jkollhom fuq ir-riskji ta’ għargħar u l-immaniġġjar tar-riskji ta’ għargħar.

(10)

Fil-Komunità kollha jseħħu tipi differenti ta’ għargħar, bħalma huma l-għargħar tax-xmajjar, l-għargħar għal għarrieda, l-għargħar urban, u l-għargħar mill-baħar f’żoni kostali. Il-ħsara kkawżata mill-għargħar tista’ tvarja wkoll minn naħa għal oħra tal-pajjiżi u tar-reġjuni tal-Komunità. Għalhekk, l-objettivi li jikkonċernaw l-immaniġġar tar-riskju ta’ għargħar għandhom ikunu determinati mill-Istati Membri infushom u għandhom ikunu bbażati fuq iċ-ċirkostanzi lokali u reġjonali.

(11)

Ir-riskji ta’ l-għargħar f’ċerti żoni tal-Komunità jistgħu jitqiesu bħala mhux sinifikanti, per eżempju f’żoni fejn hemm ftit nies jew xejn jew f’żoni b'assi ekonomiċi jew b'valur ekoloġiku limitat. F’kull distrett ta’ baċin ta’ xmara jew unità ta’ maniġġar għandhom jiġu valutati r-riskji ta’ l-għargħar u l-ħtieġa għal aktar azzjoni – bħall-evalwazzjoni tal-potenzjal li jittaffew l-għargħar – għandhom jiġu evalwati.

(12)

Biex ikun hemm għodda effettiva ta’ informazzjoni, kif ukoll bħala bażi importanti biex ikunu stabbiliti l-prijoritajiet kif ukoll id-deċiżjonijiet tekniċi, finanzjarji u politiċi oħrajn rigward l-imaniġġar tar-riskju ta’ għargħar huwa meħtieġ li jkunu stabbiliti mapep tar-riskju ta’ għargħar u mapep tar-riskju ta’ għargħar li juru l-konsegwenzi negattivi potenzjali b'xenarji differenti ta’ għargħar inkluż informazzjoni dwar sorsi potenzjali ta’ tniġġis ambjentali b'konsegwenza ta’ l-għargħar. F’dan il-kuntest, l-Istati Membri għandhom jerġgħu jevalwaw attivitajiet li għandhom l-effett li jżidu r-riskji ta’ l-għargħar.

(13)

Bil-ħsieb li jkunu evitati u jitnaqqsu l-impatti negattivi ta’ l-għargħar fiż-żona kkonċernata, ikun xieraq li jkun hemm pjanijiet ta’ mmaniġġar tar-riskju ta’ għargħar. Il-kawżi u l-konsegwenzi ta’ l-għargħar ivarjaw skond il-pajjiżi u r-reġjuni tal-Komunità. Il-pjanijiet ta’ mmaniġġar tar-riskju ta’ għargħar għalhekk għandhom iqisu l-karatteristiċi partikolari taż-żoni li jkopru u jipprovdu għal soluzzjonijiet maħsubin apposta skond il-ħtiġiet u l-prijoritajiet ta’ dawk iż-żoni, filwaqt li jiżguraw koordinazzjoni rilevanti fid-distretti tal-baċin tax-xmara, u jippromwovu t-twettiq ta’ objettivi ambjentali stipulati fil-leġiżlazzjoni Komunitarja. B'mod partikulari, l-Istati Membri għandhom iżommu lura milli jieħdu miżuri jew iwettqu azzjonijiet li jżidu b'mod sinifikattiv ir-riskju ta’ l-għargħar fi Stati Membri oħrajn, sakemm dawn il-miżuri ġew ikkoordinati u nstabet soluzzjoni miftiehma bejn l-Istati Membri kkonċernati.

(14)

Il-pjanijiet ta’ mmaniġġar tar-riskju ta’ għargħar għandhom jiffukaw fuq il-prevenzjoni, il-protezzjoni u l-istat ta’ tħejjija. Bil-għan li x-xmajjar jingħataw iktar spazju, għandhom jikkunsidraw fejn possibbli l-manutenzjoni u/jew ir-restawr tal-pjanuri ta’ l-għargħar, kif ukoll miżuri sabiex ikun evitat jew imnaqqas il-ħsara lis-saħħa tal-bniedem, l-ambjent, il-wirt kulturali u l-attività ekonomika. L-elementi tal-pjanijiet ta’ mmaniġġar tar-riskju ta’ għargħar għandhom ikunu riveduti perjodikament u aġġornati jekk meħtieġ, billi jkunu kkunsidrati l-impatti probabbli tal-bidla fil-klima fuq il-fatt li jseħħ l-għargħar.

(15)

Il-prinċipju ta’ solidarjetà huwa importanti ħafna fil-kuntest ta’ l-immaniġġar tar-riskju ta’ għargħar. Fid-dawl tiegħu l-Istati Membri għandhom jiġu inkoraġġiti jfittxu t-tqassim ġust ta’ responsabbiltajiet, meta miżuri jiġu deċiżi konġuntament għall-benefiċċju komuni, rigward l-immaniġġar tar-riskju ta’ għargħar tul il-korsiji ta’ l-ilma.

(16)

Biex ikun evitat l-irduppjar tax-xogħol l-Istati Membri għandhom ikunu intitolati jużaw il-valutazzjonijiet preliminari eżistenti tar-riskju ta’ għargħar, il-mapep ta’ periklu u riskju ta’ għargħar u l-pjanijiet ta’ mmaniġġar tar-riskju ta’ għargħar biex jintlaħqu l-għanijiet u jiġu sodisfatti l-ħtiġiet ta’ din id-Direttiva.

(17)

L-iżvilupp ta’ pjanijiet ta’ maniġġar ta’ baċin ta’ xmara taħt id-Direttiva 2000/60/KE u ta’ pjanijiet ta’ mmaniġġar tar-riskju ta’ għargħar taħt din id-Direttiva huma elementi ta’ mmaniġġar integrat ta’ baċin ta’ xmara. Għalhekk iż-żewġ proċessi għandhom jużaw il-potenzjal reċiproku għal sinerġiji u benefiċċji komuni, billi jikkunsidraw l-objettivi ambjentali tad-Direttiva 2000/60/KE, jiżguraw effiċjenza u użu għaqli ta’ riżorsi filwaqt li jirrikonoxxu li l-awtoritajiet kompetenti u l-unitajiet ta’ mmaniġġar jistgħu jkunu differenti f’din id-Direttiva u fid-Direttiva 2000/60/KE.

(18)

L-Istati Membri għandhom jibbażaw l-evalwazzjonijiet, il-mapep u l-pjanijiet tagħhom fuq “l-aħjar prattika” u “l-aħjar teknoloġiji disponibbli” adatti, li ma jwasslux għal spejjeż eċċessivi fil-qasam ta’ l-immaniġġjar tar-riskju ta’ għargħar.

(19)

F’każijiet fejn l-ilmijiet jintużaw għal forom differenti ta’ attivitajiet sostenibbli mill-bniedem (eż. għall-immaniġġar tar-riskju ta’ għargħar, għall-ekoloġija, għan-navigazzjoni fl-ilmijiet interni jew għall-enerġija idro-elettrika) u minħabba l-impatti ta’ dan l-użu fuq il-korpi ta’ l-ilma, id-Direttiva 2000/60/KE tipprovdi għal proċess ċar u trasparenti biex ikun indirizzat dan l-użu u l-impatti, inklużi l-eżenzjonijiet possibbli mill-objettivi ta’ “stat tajjeb” jew ta’ “non-deterjorazzjoni” li hemm fl-Artikolu 4 tagħha. Id-Direttiva 2000/60/KE tipprovdi għall-irkupru ta’ l-ispejjeż fl-Artikolu 9.

(20)

Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva għandhom jiġu adottati skond id-Deciżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta’ implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni (7).

(21)

B'mod partikulari, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa biex tadatta l-Anness għall-progress xjentifiku u tekniku. Peress li dawk il-miżuri huma ta’ kamp ta’ applikazzjoni ġenerali u huma mfassla biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva, huma għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 5a tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

(22)

Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti b'mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea. B'mod partikolari, din tfittex li tippromwovi l-integrazzjoni fil-linji politiċi Komunitarji ta’ livell għoli ta’ protezzjoni ambjentali skond il-prinċipju ta’ l-iżvilupp sostenibbli kif stabbilit fl-Artikolu 37 tagħha.

(23)

Peress illi l-għan ta’ din id-Direttiva, jiġifieri li tistabbilixxi qafas għal miżuri biex jitnaqqsu r-riskji tal-ħsara mill-għargħar ma jistax jintlaħaq biżżejjed mill-Istati Membri u jista’ minħabba l-iskala u l-effetti ta’ l-azzjoni jintlaħaq aħjar fil-livell Komunitarju, il-Komunità tista’ tadotta miżuri skond il-prinċipji tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju tal-proporzjonalità kif stabbilit f’ dak l-Artikolu din id-Direttiva ma tmurx lilhinn minn dak li hu meħtieġ għall-kisba ta’ dak il-għan.

(24)

Skond il-prinċipji ta’ proporzjonalità u sussidjarjetà u l-Protokoll dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta’ sussidjarjetà u proporzjonalità mehmuż mat-Trattat, u fid-dawl tal-kapaċitajiet eżistenti ta’ l-Istati Membri, għandha titħalla flessibbiltà konsiderevoli lil-livelli lokali u reġjonali, b'mod partikolari fir-rigward ta’ l-organizzazzjoni u fir-rigward tar-responsabbiltà ta’ l-awtoritajiet.

(25)

Skond il-punt 34 tal-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (8), l-Istati Membri huma mħeġġa jfasslu, għalihom infushom u fl-interess Komunitarju, it-tabelli tagħhom li juru l-korrelazzjoni bejn din id-Direttiva u l-miżuri ta’ traspożizzjoni u jagħmluhom pubbliċi.

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Magħmula fi Strasburgu, 23 ta’ Ottubru 2007.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

H.-G. PÖTTERING

Mill-Kunsill

Il-President

M. LOBO ANTUNES

1. Ħarsa ġenerali

,
Titlu Regolamentazzjoni

1.1 Referenzi

1.2 Rekwiżiti identifikati

1.3 Standards relatati

2. Rekwiżiti identifikati

Rekwiżiti
Sors Rekwiżit

3. Standards relatati

Standards
Sors Rekwiżit
  • Builddate: 06.11.2007 00:00:00 -Doknr: CELEX:32007L0060
  • EULAW -

    EN: Legal acts of the European Union from EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © European Union. Re-use is authorised by Decision 2011/833/EU, provided the source is acknowledged; the consolidated texts are licensed under CC BY 4.0 (EUR-Lex legal notice). Divided into sections and converted into the GRCA format, the wording unchanged. Only the legislation published in the Official Journal of the European Union is deemed authentic.

    DE: Rechtsakte der Europäischen Union aus EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © Europäische Union. Weiterverwendung nach Beschluss 2011/833/EU mit Quellenangabe gestattet; die konsolidierten Fassungen stehen unter CC BY 4.0 (Rechtlicher Hinweis von EUR-Lex). In Abschnitte aufgeteilt und in das GRCA-Format umgewandelt, der Wortlaut unverändert. Verbindlich sind allein die im Amtsblatt der Europäischen Union veröffentlichten Rechtsakte.