|
+Artikolu 3 Definizzjonijiet |
Artikolu 3 DefinizzjonijietArtikolu 3 Definizzjonijiet Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
(1)
“sustanza” tfisser kull element kimiku u l-komposti tiegħu, bl-eċċezzjoni tas-sustanzi li ġejjin:
(a)
sustanzi radjuattivi kif definiti fl-Artikolu 1 tad-Direttiva tal-Kunsill 96/29 Euratom tat-13 ta’ Mejju 1996 li tistabbilixxi standards bażiċi ta’ sigurtà għall-ħarsien tas-saħħa tal-ħaddiema u l-pubbliku ġenerali kontra l-perikli li jiġu minn radjazzjoni jonizzanti ( 1 );
(b)
mikro-organiżmi modifikati ġenetikament kif definiti fil-punt (b) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/41/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Mejju 2009 dwar l-użu konfinat ta’ mikro-organiżmi modifikati ġenetikament ( 2 );
(c)
organiżmi modifikati ġenetikament kif definiti fil-punt 2 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Marzu 2001 dwar ir-rilaxx intenzjonat fl-ambjent ta’ organiżmi modifikati ġenetikament ( 3 );
(2)
“tniġġis” tfisser l-introduzzjoni diretta jew indiretta, b’riżultat ta’ attività umana, ta’ sustanzi, vibrazzjonijiet, sħana, ħsejjes jew irwejjaħ fl-arja, fil-baħar jew fl-art li jistgħu jkunu ta’ ħsara għas-saħħa tal-bniedem jew għall-kwalità tal-ambjent, li jirriżultaw fi ħsara għal proprjetà materjali, jew jaffettwaw ħażin jew ifixklu l-faċilitajiet u l-użi oħra leġittimi tal-ambjent;
(3)
“installazzjoni” tfisser unità teknika stazzjonarja li fiha titwettaq attività waħda jew aktar minn dawk elenkati fl-Anness I, fl-Anness Ia jew fil-Parti 1 tal-Anness VII, u kull attività oħra direttament assoċjata fuq l-istess sit li jkollha konnessjoni teknika mal-attivitajiet elenkati f’dawk l-Annessi u li jista’ jkollha effett fuq l-emissjonijiet u t-tniġġis;
(4)
“emissjoni” tfisser ir-rilaxx dirett jew indirett ta’ sustanzi, vibrazzjonijiet, sħanat jew ħsejjes minn sorsi individwali jew diffużi fl-installazzjoni għal ġewwa l-arja, l-ilma jew l-art;
(5)
“valur limitu tal-emissjonijiet” tfisser il-massa, espressa f’termini ta’ ċerti parametri speċifiċi, konċentrazzjoni u/jew livell ta’ emissjoni, li ma jistgħux jinqabżu matul perijodu wieħed jew aktar ta’ żmien;
(5a)
“valur limitu tal-prestazzjoni ambjentali” tfisser valur tal-prestazzjoni inkluż f’permess, espress għal kundizzjonijiet speċifikati f’termini ta’ ċerti parametri speċifiċi;
(6)
“livell tal-kwalità ambjentali” tfisser is-sett ta’ rekwiżiti li għandhom jitħarsu fi żmien partikolari minn ambjent partikolari jew parti partikolari minnu, kif stabbilit fil-liġi tal-Unjoni;
(7)
“permess” tfisser awtorizzazzjoni bil-miktub biex titħaddem installazzjoni jew impjant ta’ kombustjoni, impjant tal-inċinerazzjoni tal-iskart jew impjant tal-koinċinerazzjoni tal-iskart sħaħ jew parti minnhom;
(8)
“regoli ġenerali vinkolanti” tfisser valuri limitu tal-emissjonijiet jew kondizzjonijiet oħrajn, mill-inqas fil-livell settorjali, li jiġu adottati bl-intenzjoni li jintużaw direttament biex jiġu stabbiliti l-kondizzjonijiet għal permess;
(9)
“bidla sostanzjali” tfisser bidla fin-natura jew it-tħaddim, jew estensjoni, ta’ installazzjoni jew impjant ta’ kombustjoni, impjant tal-inċinerazzjoni tal-iskart jew impjant tal-koinċinerazzjoni tal-iskart li jista’ jkollha effetti negattivi sinifikanti fuq is-saħħa tal-bniedem jew l-ambjent;
(9a)
“trasformazzjoni industrijali profonda” tfisser l-implimentazzjoni mill-operaturi industrijali ta’ metodi tekniċi ġodda jew l-aħjar metodi tekniċi disponibbli li jinvolvu bidla kbira fid-disinn jew fit-teknoloġija tal-installazzjoni kollha jew parti minnha jew is-sostituzzjoni ta’ installazzjoni eżistenti b’installazzjoni ġdida, li tippermetti tnaqqis estremament sostanzjali tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra f’konformità mal-objettiv tan-newtralità klimatika u tottimizza l-kobenefiċċji ambjentali, mill-inqas għal-livelli li jistgħu jintlaħqu mill-metodi tekniċi identifikati fil-konklużjonijiet tal-BAT applikabbli, filwaqt li jitqiesu l-effetti transmedjali;
(10)
“l-aħjar metodi tekniċi disponibbli” tfisser l-istadju l-aktar effettiv u avanzat fl-iżvilupp ta’ attivitajiet u l-metodi tagħhom ta’ tħaddim li jindika l-adattabilità prattika ta’ metodi tekniċi partikolari li tipprovdi l-bażi għall-valuri limitu tal-emissjonijiet u kondizzjonijiet oħra tal-permessi maħsuba biex jiġu evitati u, fejn dan ma jkunx prattiku, li jitnaqqsu l-emissjonijiet u l-impatt fuq l-ambjent kollu kemm hu:
(a)
“metodi tekniċi” tinkludi kemm it-teknoloġija użata kif ukoll il-mod li bih l-installazzjoni tkun iddisinjata, mibnija, imħaddma u dekommissjonata;
(b)
“metodi tekniċi disponibbli” tfisser dawk il-metodi tekniċi żviluppati fuq skala li tippermetti l-implimentazzjoni fis-settur industrijali rilevanti, taħt kundizzjonijiet ekonomiċi u teknikament vijabbli, filwaqt li jitqiesu l-kostijiet u l-vantaġġi, indipendentement minn jekk tali metodi tekniċi jintużawx jew jiġux prodotti fl-Unjoni, dment li dawn ikunu raġonevolment aċċessibbli għall-operatur;
(c)
“l-aħjar” tfisser l-aktar effettivi sabiex jintlaħaq livell ġenerali għoli ta’ protezzjoni tal-ambjent b’mod ġenerali, inklużi s-saħħa tal-bniedem u l-protezzjoni tal-klima;
(11)
“dokument ta’ referenza tal-BAT” tfisser dokument, li jirriżulta mill-iskambju ta’ informazzjoni organizzata skont l-Artikolu 13, imfassal għal attivitajiet definiti u li jiddeskrivi, b’mod partikolari, il-metodi tekniċi applikati, l-emissjonijiet preżenti u l-livelli ta’ konsum, il-metodi tekniċi kkunsidrati għad-determinazzjoni tal-aħjar metodi tekniċi disponibbli kif ukoll il-konklużjonijiet tal-BAT u kwalunkwe teknika emerġenti, fejn tingħata konsiderazzjoni speċjali lill-kriterji elenkati fl-Anness III;
(12)
“konklużjonijiet tal-BAT” tfisser dokument li jkun fih il-partijiet ta’ dokument ta’ referenza tal-BAT li jistabbilixxi l-konklużjonijiet dwar l-aħjar metodi tekniċi disponibbli u l-metodi tekniċi emerġenti, id-deskrizzjoni tagħhom, l-informazzjoni biex tiġi vvalutata l-applikabbiltà tagħhom, il-livelli ta’ emissjonijiet assoċjati ma’ dawk il-metodi t-tekniċi, il-livelli ta’ prestazzjoni ambjentali assoċjati ma’ dawk il-metodi tekniċi, il-kontenut ta’ sistema ta’ ġestjoni ambjentali inklużi l-parametri referenzjarji assoċjati mal-aħjar metodi tekniċi disponibbli, il-monitoraġġ assoċjat, il-livelli ta’ konsum assoċjati u, fejn xieraq, il-miżuri rilevanti ta’ rimedju tas-siti;
(12a)
“Regoli operattivi” tfisser ir-regoli inklużi fil-permessi jew ir-regoli ġenerali vinkolanti għall-operat tal-attivitajiet imsemmija fl-Anness Ia, li jistabbilixxu l-valuri limitu tal-emissjonijiet, il-valuri limitu tal-prestazzjoni ambjentali, ir-rekwiżiti ta’ monitoraġġ assoċjati, u fejn rilevanti l-prattiki ta’ tifrix fir-raba’, il-prattiki ta’ prevenzjoni u ta’ mitigazzjoni tat-tniġġis, il-ġestjoni nutrizzjonali, it-tħejjija tal-għalf, l-akkomodazzjoni, il-ġestjoni tad-demel, inklużi l-ġbir, il-ħżin, l-ipproċessar u t-tifrix tad-demel fir-raba’, u l-ħżin ta’ annimali mejta, u li jkunu konsistenti mal-użu tal-aqwa metodi tekniċi disponibbli;
(13)
“il-livelli ta’ emissjonijiet assoċjati mal-aħjar metodi tekniċi disponibbli” tfisser il-firxa ta’ livelli ta’ emissjonijiet miksuba f’kondizzjonijiet normali ta’ tħaddim bl-użu tal-aħjar teknika disponibbli jew taħlita tal-aħjar metodi tekniċi disponibbli, kif deskritt fil-konklużjonijiet tal-BAT, espressa bħala medja fuq perijodu ta’ żmien stabbilit f’kondizzjonijiet ta’ referenza speċifikati;
(13a)
“livelli ta’ prestazzjoni ambjentali assoċjati mal-aħjar metodi tekniċi disponibbli” tfisser il-firxa ta’ livelli ta’ prestazzjoni ambjentali, miksuba f’kundizzjonijiet normali ta’ tħaddim bl-użu ta’ BAT jew taħlita ta’ BATs;”. kif deskritt fil-konklużjonijiet tal-BAT;
(13aa)
“prestazzjoni ambjentali” tfisser il-prestazzjoni fir-rigward tal-livelli ta’ konsum, l-effiċjenza fir-riżorsi fir-rigward tal-materjali, ir-riżorsi tal-ilma u tal-enerġija, l-użu mill-ġdid tal-materjali u tal-ilma, u l-ġenerazzjoni tal-iskart;;
(13b)
“parametri referenzjarji” tfisser il-firxa indikattiva tal-livelli ta’ prestazzjoni ambjentali assoċjati mal-aħjar metodi tekniċi disponibbli, li għandha tintuża bħala referenza fl-EMS;
(14)
“metodu tekniku emerġenti” tfisser teknika ġdida għal attività industrijali li, jekk żviluppata kummerċjalment, tista’ tipprovdi jew livell ġenerali ogħla ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent jew mill-inqas l-istess livell ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent u ffrankar tal-kostijiet akbar mill-aħjar metodi tekniċi disponibbli eżistenti;
(15)
“operatur” tfisser kull persuna fiżika jew ġuridika li topera jew tikkontrolla l-installazzjoni jew impjant ta’ kombustjoni, impjant tal-inċinerazzjoni tal-iskart jew impjant tal-koinċinerazzjoni tal-iskart kollha jew parti minnhom jew, fejn dan hu previst fil-legislazzjoni nazzjonali, li għaliha jkun ġie delegat poter ekonomiku deċiżiv fuq il-funzjonament tekniku tal-installazzjoni jew l-impjant;
(16)
“il-pubbliku” tfisser persuna waħda jew iktar fiżiċi jew ġuridiċi, u, skont il-leġiżlazzjoni jew il-prattika nazzjonali, l-assoċjazzjonijiet, l-organizzazzjonijiet jew il-gruppi tagħhom;
(17)
“il-pubbliku kkonċernat” tfisser il-membri tal-pubbliku affettwati jew li x’aktarx li jiġu affettwati bit-teħid ta’ deċiżjoni dwar il-ħruġ jew l-aġġornament ta’ permess jew ta’ kundizzjonijiet ta’ permess jew li għandhom interess fihom; għall-finijiet ta’ din id-definizzjoni, l-organizzazzjonijiet nongovernattivi li jippromwovu l-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem jew tal-ambjent u li jissodisfaw kwalunkwe rekwiżit skont il-liġi nazzjonali għandhom jitqiesu li għandhom interess;
(18)
“sustanzi perikolużi” tfisser sustanzi jew taħlitiet kif definiti fl-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet ( 4 );
(19)
“rapport ta’ bażi” tfisser informazzjoni dwar il-qagħda tal-kontaminazzjoni tal-ħamrija u l-ilma ta’ taħt l-art minn sustanzi perikolużi rilevanti;
(20)
“ilma ta’ taħt l-art” tfisser ilma ta’ taħt l-art kif definit fil-punt 2 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2000 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma ( 5 );
(21)
“ħamrija” tfisser is-saff ta’ fuq nett tal-qoxra tad-Dinja li jinsab bejn il-qiegħ u l-wiċċ. Il-ħamrija hija magħmula minn partikoli minerali, materja organika, ilma, arja u organiżmi ħajjin;
(22)
“spezzjoni ambjentali” tfisser l-azzjonijiet kollha, inklużi ż-żjarat fil-post, il-monitoraġġ tal-emissjonijiet u l-verifiki tar-rapporti interni u tad-dokumenti ta’ segwitu, il-verifika tal-awtomonitoraġġ, il-verifika tal-metodi tekniċi użati u l-adegwatezza tal-ġestjoni ambjentali tal-installazzjoni, imwettqa mill-awtorità kompetenti jew f’isimha biex tivverifika u tippromwovi l-konformità tal-installazzjonijiet mal-kondizzjonijiet għal permess tagħhom u, fejn meħtieġ, biex tissorvelja l-impatt ambjentali tagħhom;
(23)
“tjur” tfisser it-tjur kif definit fl-Artikolu 4, il-punt (9), tar-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 6 );
(23a)
“majjali” tfisser majjali kif definiti fl-Artikolu 2 tad-Direttiva tal-Kunsill 2008/120/KE ( 7 );
(23b)
“unità ta’ bhejjem” tfisser unità ta’ kejl standard li tippermetti l-aggregazzjoni tad-diversi kategoriji ta’ bhejjem sabiex ikunu jistgħu jitqabblu, u li hija kkalkolata bl-użu ta’ koeffiċjenti għall-kategoriji ta’ unitajiet ta’ bhejjem individwali elenkati fl-Anness Ia;
(24)
“karburant” tfisser kull materjal kombustibbli solidu, likwidu jew li fih il-gass;
(25)
“impjant ta’ kombustjoni” tfisser kull apparat tekniku fejn il-karburanti jiġu ossidizzati sabiex jużaw is-sħana li tiġi ġġenerata;
(26)
“ċumnija” tfisser struttura li fiha tromba waħda jew aktar li jipprovdu passaġġ għall-gassijiet ta’ skart sabiex jiġu skarikati fl-arja;
(27)
“sigħat ta’ tħaddim” tfisser iż-żmien, espress f’sigħat, li matulu impjant ta’ kombustjoni, kollu kemm hu jew parti minnu, ikun qiegħed jiffunzjona u jitfa’ emissjonijiet fl-arja, minbarra l-perijodi tal-bidu u tal-għeluq;
(28)
“rata ta’ tneħħija tal-kubrit” tfisser il-proporzjon, matul perijodu partikolari ta’ żmien, tal-kwantità ta’ kubrit li ma jintefax fl-arja minn impjant ta’ kombustjoni għal kwantità ta’ kubrit li jinsab fil-karburant solidu li hu introdott fil-faċilitajiet tal-impjant ta’ kombustjoni u li jintuża fl-impjant matul l-istess perijodu ta’ żmien;
(29)
“karburant solidu indiġenu” tfisser karburant solidu magħmul b’mod naturali mqabbad f’impjant ta’ kombustjoni mfassal speċifikament għal dak il-karburant u estratt lokalment;
(30)
“karburant determinanti” tfisser il-karburant li, fost il-karburanti kollha f’impjant ta’ kombustjoni multikarburant li juża d-distillazzjoni u r-residwi ta’ konverżjoni mir-raffinament taż-żejt għall-konsum tiegħu proprju, waħdu jew b’karburnati oħrajn, għandu l-ogħla valur limitu tal-emissjonijiet kif stabbilit fil-Parti 1 tal-Anness V, jew, fil-każ ta’ diversi karburanti li għandhom l-istess valur limitu ta’ emissjonijiet, il-karburant li għandu l-ogħla input termiku fost dawk il-karburanti;
(31)
“bijomassa” tfisser kwalunkwe minn dawn:
(a)
prodotti li jikkonsistu minn kwalunkwe materja veġetali mill-agrikoltura jew il-forestrija li tista’ tiġi użata bħala karburant għall-iskop tal-irkuprar tal-kontenut tal-enerġija tagħha;
(b)
l-iskart li ġej:
(i)
skart veġetali mill-agrikoltura u l-forestrija;
(ii)
skart veġetali mill-industrija tal-ipproċessar tal-ikel, jekk is-sħana ġenerata tiġi rkuprata;
(iii)
skart veġetali fibruż mill-produzzjoni tal-polpa verġni u mill-produzzjoni ta’ karta mill-polpa, jekk tiġi koinċinerata fil-post tal-produzzjoni u s-sħana ġenerata tiġi rkuprata;
(iv)
skart tas-sufra;
(v)
skart tal-injam ħlief għall-iskart tal-injam li jista’ jkun fih komposti organiċi aloġenizzati jew metalli tqal bħala riżultat tat-trattament bi preservattiv jew kisi tal-injam u li jinkludi, b’mod partikolari, skart tal-injam bħal dak li joriġina mill-iskart tal-kostruzzjoni u d-demolizzjoni;
(32)
“impjant ta’ kombustjoni multikarburant” tfisser kwalunkwe impjant tal-kombustjoni li jista’ jitqabbad simultanjament jew alternatament b’ żewġ tipi ta’ karburant jew iktar;
(33)
“turbina tal-gass” tfisser kwalunkwe magna li ddur li taqleb l-enerġija termali f’xogħol mekkaniku, li tikkonsisti prinċipalment minn kumpressur, strument termiku fejn il-karburant huwa ossidizzat sabiex isaħħan il-fluwidu operattiv, u turbina;
(34)
“magna tal-gass” tfisser magna ta’ kombustjoni interna li tiffunzjona skont iċ-ċiklu ta’ Otto u li tuża aċċensjoni bi xrar jew, f’każ ta’ magni li jaħdmu b’żewġ tipi ta’ karburant, aċċensjoni bil-kompressjoni biex jinħaraq il-karburant;
(35)
“magna diżil” tfisser magna ta’ kombustjoni interna li tiffunzjona skont iċ-ċiklu tad-diżil u tuża aċċensjoni bil-kompressjoni biex jinħaraq il-karburant;
(36)
“sistema żgħira iżolata” tfisser sistema żgħira iżolata kif definita fil-punt 26 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2003 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku ( 8 );
(37)
“skart” tfisser skart kif definit fil-punt 1 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2008 dwar l-iskart ( 9 );
(38)
“skart perikoluż” tfisser skart perikoluż kif definit fil-punt 2 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/98/KE;
(39)
“skart muniċipali mħallat” tfisser skart mid-djar kif ukoll skart kummerċjali, industrijali u istituzzjonali li, minħabba fin-natura u l-kompożizzjoni tiegħu hu simili għall-iskart mid-djar, iżda li jeskludi l-frazzjonijiet indikati taħt l-intestatura 20 01 tal-Anness għad-Deċiżjoni 2000/532/KE ( 10 ) li jinġabru separatament mis-sors u li teskludi l-iskart l-ieħor imsemmi taħt l-intestatura 20 02 ta’ dak l-Anness;
(40)
“impjant ta’ inċinerazzjoni tal-iskart” tfisser kull apparat u tagħmir tekniku stazzjonarju jew mobbli dedikat għat-trattament ta’ sħana tal-iskart, bi jew mingħajr l-irkupru tas-sħana ġenerata, permezz tal-inċinerazzjoni bl-ossidazzjoni tal-iskart kif ukoll proċessi ta’ trattamenti oħra tas-sħana, bħall-pirolisi, il-gassifikazzjoni jew il-proċess tal-plasma, jekk is-sustanzi li jirriżultaw mit-trattament jiġu sussegwentement inċinerati;
(41)
“impjant ta’ koinċinerazzjoni tal-iskart” tfisser kull unità teknika stazzjonarja jew mobbli li l-iskop ewlieni tagħha hu l-ġenerazzjoni ta’ enerġija jew il-produzzjoni ta’ prodotti materjali u li tuża skart bħala karburant regolari jew addizzjonali jew li fiha l-iskart huwa ttrattat permezz tas-sħana għall-iskop ta’ tneħħija permezz tal-inċinerazzjoni bl-ossidazzjoni tal-iskart kif ukoll proċessi ta’ trattamenti oħra tas-sħana, bħall-pirolisi, il-gassifikazzjoni jew il-proċess tal-plażma, jekk is-sustanzi li jirriżultaw mit-trattament jiġu sussegwentement inċinerati;
(42)
“kapaċità nominali” tfisser it-total tal-kapaċitajiet ta’ inċinerazzjoni tal-ifran li minnhom jiġi kompost impjant ta’ inċinerazzjoni tal-iskart jew impjant ta’ koinċinerazzjoni tal-iskart, kif speċifikat mill-kostruttur u kkonfermat mill-operatur, b’konsiderazzjoni għall-valur kalorifiku tal-iskart, espress bħala kwantità tal-iskart inċinerat fis-siegħa;
(43)
“dijossini u furani” tfisser id-dijossini dibenżo-p-poliklorinati u dibenżofurani kollha elenkati fil-Parti 2 tal-Anness VI;
(44)
“kompost organiku” tfisser kwalunkwe kompost li jkollu fih minn tal-anqas l-element karbonju u wieħed jew aktar ta’ idroġenu, aloġeni, ossiġnu, kubrit, fosfru, silikon jew nitroġenu, bl-eċċezzjoni ta’ ossidi tal-karbonju u karbonati u bikarbonati inorganiċi;
(45)
“kompost organiku volatili” tfisser kull kompost organiku kif ukoll il-frazzjoni tal-krijożot, li jkollu 293,15 K pressjoni ta’ fwar ta’ 0,01 kPa jew aktar, jew li għandu volatilità korrispondenti taħt il-kondizzjonijiet partikolari tal-użu;
(46)
“solvent organiku” tfisser kull kompost organiku volatili li hu użat għal kwalunkwe minn dan li ġej:
(a)
waħdu jew magħqud ma’ aġenti oħra, u mingħajr ma jgħaddi minn tibdil kimiku, biex jinħallu materjali mhux maħduma, prodotti jew materjali tal-iskart;
(b)
bħala aġent tat-tindif biex iħoll kontaminanti;
(c)
bħala sustanza għat-taħlil;
(d)
bħala mezz ta’ dispersjoni;
(e)
bħala mezz għall-aġġustament tal-viskożità;
(f)
bħala mezz għall-aġġustament tat-tensjoni;
(g)
bħala plastiċizzatur;
(h)
bħala preservattiv;
(47)
“kisi” tfisser kisi kif definit fil-punt 8 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/42/CE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ April 2004 dwar il-limitazzjonijiet ta’ emissjonijiet ta’ kompożizzjonijiet organiċi volatili minħabba l-użu ta’ solventi f’ċertu żebgħa u lostri u prodotti ta’ lostru mill-ġdid ta’ vetturi ( 11 );
(48)
“livelli ta’ emissjonijiet assoċjati ma’ metodi tekniċi emerġenti” tfisser il-firxa ta’ livelli ta’ emissjonijiet miksuba f’kundizzjonijiet normali ta’ tħaddim bl-użu ta’ metodu tekniku emerġenti jew b’taħlita ta’ metodi tekniċi emerġenti, kif deskritt fil-konklużjonijiet tal-BAT, espressi bħala medja fuq perjodu ta’ żmien partikolari, f’kundizzjonijiet ta’ referenza speċifikati;
(49)
“livelli ta’ prestazzjoni ambjentali assoċjati ma’ metodi tekniċi emerġenti” tfisser il-firxa ta’ livelli ta’ prestazzjoni ambjentali, miksuba f’kundizzjonijiet normali ta’ tħaddim, bl-użu ta’ metodu tekniku emerġenti jew b’kombinazzjoni ta’ metodi tekniċi emerġenti, kif deskritt fil-konklużjonijiet tal-BAT;
(50)
“assigurazzjoni tal-konformità” tfisser mekkaniżmi biex tiġi żgurata l-konformità bl-użu ta’ tliet kategoriji ta’ intervent: il-promozzjoni tal-konformità; il-monitoraġġ tal-konformità; segwitu u infurzar. 1. Ħarsa ġenerali
1.1 Referenzi1.2 Rekwiżiti identifikati1.3 Standards relatati2. Rekwiżiti identifikati
3. Standards relatati
|