Sal-21 ta’ Diċembru 2019, sabiex jingħata kontribut għall-applikazzjoni konsistenti tal-obbligi ta’ trasparenza, il-BEREC għandu joħroġ, wara konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati, linji gwida dwar il-kriterji minimi għal offerta ta’ referenza u għandu jirrieżaminahom fejn neċessarju sabiex jiġu adattati għall-iżviluppi teknoloġiċi u tas-suq. Meta jipprovdi dawn il-kriterji minimi, il-BEREC għandu jilħaq l-għanijiet tal-Artikolu 3, u għandu jikkunsidra l-ħtiġijiet tal-benefiċjarji tal-obbligi ta’ aċċess u tal-utenti finali li jkunu attivi f’iżjed minn Stat Membru wieħed, kif ukoll għandu jikkunsidra kwalunkwe linja gwida tal-BEREC li tidentifika d-domanda transnazzjonali skont l-Artikolu 66 u kwalunkwe deċiżjoni relatata tal-Kummissjoni.
Minkejja l-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, fejn impriża jkollha obbligi taħt l-Artikolu 72 jew 73 dwar aċċess bl-ingrossa għall-infrastruttura tan-netwerk, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jiżguraw il-pubblikazzjoni ta’ offerta ta’ referenza filwaqt li jieħdu kont bis-sħiħ tal-linji gwida tal-BEREC dwar il-kriterji minimi għal offerta ta’ referenza, għandhom jiżguraw li jkunu speċifikati indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni, fejn rilevanti, kif ukoll il-livelli ta’ servizz korrispondenti, u jimmonitorjaw mill-qrib u jiżguraw il-konformità magħhom. Barra minn hekk, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jistgħu jiddeterminaw minn qabel, fejn neċessarju, il-penali finanzjarji assoċjati f’konformità mad-dritt tal-Unjoni u l-liġi nazzjonali.