+ANNESS V

ANNESS V




ANNESS V

Rekwiżiti essenzjali għal operazzjonijiet bl-ajru

1.   ĠENERALI

1.1.

Titjira ma tridx issir jekk il-membri tal-ekwipaġġ u, kif adatt, kull persunal ta' operazzjonijiet ieħor li huwa involut fil-preparazzjoni u fl-eżekuzzjoni tagħha ma jkunux familjari mal-liġijiet, mar-regolamenti u mal-proċeduri applikabbli, pertinenti għall-eżekuzzjoni ta' dmirijiethom, preskritti għaż-żoni li jridu jiġu ttraversati, l-ajrudromi ppjanati li jintużaw u l-faċilitajiet ta' navigazzjoni fl-ajru relatati magħhom.

1.2.

Titjira trid issir b'tali mod li jiġu segwiti l-proċeduri operazzjonali speċifikati fil-Manwal tat-Titjir jew, fejn meħtieġ fil-Manwal tal-Operat, għall-preparazzjoni u għall-eżekuzzjoni tat-titjira.

1.3.

Qabel kull titjira, ir-rwoli u d-dmirijiet ta' kull membru tal-ekwipaġġ iridu jiġu ddefiniti. Il-bdot fil-kmand irid ikun responsabbli għall-operazzjoni u għas-sikurezza tal-inġenju tal-ajru u għas-sikurezza tal-membri kollha tal-ekwipaġġ, tal-passiġġieri u tal-merkanzija abbord.

1.4.

Oġġetti jew sustanzi, li jistgħu jikkawżaw riskju sinifikanti għas-saħħa, għas-sikurezza, għall-proprjetà jew għall-ambjent, fosthom oġġetti perikolużi, armi u munizzjon, ma jridux jinġarru fuq kwalunkwe inġenju tal-ajru, ħlief jekk proċeduri u struzzjonijiet speċifiċi ta' sikurezza jkunu ġew applikati biex jitnaqqsu r-riskji relatati.

1.5.

Kull data, dokument, rekord u informazzjoni meħtieġa biex jiġi rreġistrat ir-rispett tal-kondizzjonijiet speċifikati fil-punt 5.3 iridu jinżammu għal kull titjira u jibqgħu disponibbli u protetti minn kwalunkwe modifika mhux awtorizzata għal perijodu minimu ta' żmien kompattibbli mat-tip ta' operazzjoni.

2.   TĦEJJIJA GĦAT-TITJIRA

Titjira ma tridx tinbeda jekk ma jkunx ġie aċċertat b'mezz raġonevoli disponibbli li l-kondizzjonijiet kollha li ġejjin ikunu ġew issodisfati:

(a) 

Faċilitajiet adegwati direttament meħtieġa għat-titjira u għall-operazzjoni sikura tal-inġenji tal-ajru, inkluż il-faċilitajiet ta' komunikazzjoni u l-għajnuniet tan-navigazzjoni, huma disponibbli għall-eżekuzzjoni tat-titjira, b'kunsiderazzjoni għad-dokumentazzjoni disponibbli tas-Servizzi ta' Informazzjoni Ajrunawtika;

(b) 

L-ekwipaġġ irid ikun familjari ma' fejn jinsab u kif jintuża t-tagħmir ta' emerġenza rilevanti, u l-passiġġieri jridu jkunu infurmati dwar dan. L-informazzjoni suffiċjenti, relatata mal-operazzjoni u speċifika għat-tagħmir installat, li tirrigwarda l-proċeduri ta' emerġenza u l-użu tat-tagħmir tas-sikurezza tal-kabina trid tkun disponibbli għall-ekwipaġġ u għall-passiġġieri;

(c) 

Il-bdot fil-kmand irid ikun sodisfatt li:

(i) 

l-inġenju tal-ajru huwa ajrunavigabbli skont kif speċifikat fil-punt 6;

(ii) 

jekk meħtieġ, l-inġenju tal-ajru jkun irreġistrat kif suppost u li ċ-ċertifikati adattati kollha fir-rigward tiegħu huma abbord l-inġenju tal-ajru;

(iii) 

strumenti u tagħmir meħtieġa għall-eżekuzzjoni ta' dik it-titjira kif speċifikat fil-punt 5, huma installati fuq l-inġenju tal-ajru u huma operattivi, sakemm mhux eżenti permezz tal-MEL jew ta' dokument ekwivalenti applikabbli;

(iv) 

il-massa tal-inġenju tal-ajru u l-punt taċ-ċentru tal-gravità huma b'tali mod li t-titjira tista' tiġi eżegwita fil-limiti msemmijin fid-dokumentazzjoni tal-ajrunavigabbiltà;

(v) 

il-bagalji tal-kabina, il-bagalji tal-istiva u l-merkanzija kollha huma mgħobbija kif suppost u maqfula sew; u

(vi) 

il-limiti tal-operat tal-inġenju tal-ajru kif speċifikat fil-punt 4 mhux ser jinqabżu fl-ebda ħin matul it-titjira;

(d) 

L-informazzjoni li tirrigwarda l-kondizzjonijiet meteoroloġiċi tat-tluq, tad-destinazzjoni u, fejn applikabbli, tal-ajrudromi alternattivi, kif ukoll il-kondizzjonijiet għal waqt ir-rotta, iridu jkunu disponibbli għall-ekwipaġġ tat-titjira. Trid tingħata attenzjoni speċjali lil kondizzjonijiet atmosferiċi potenzjalment perikolużi;

(e) 

Irid jkun hemm mezzi xierqa ta' mitigazzjoni jew pjanijiet ta' kontinġenza biex jittrattaw kondizzjonijiet atmosferiċi potenzjalment perikolużi li huma mistennija fit-titjira;

(f) 

Għal titjira bbażata fuq regoli viżivi tat-titjir, il-kondizzjonijiet meteoroloġiċi matul ir-rotta tat-titjira jridu jkunu tali li jippermettu l-konformità ma' dawk ir-regoli tat-titjir. Għal titjira bbażata fuq regoli tat-titjir bl-istrumenti, id-destinazzjoni u, fejn hu applikabbli, l-ajrudrom(i) alternattiv(i) fejn l-inġenju tal-ajru jista' jinżel, iridu jintgħażlu, b'kunsiderazzjoni b'mod partikolari għall-kondizzjonijiet meteoroloġiċi mbassra, għad-disponibbiltà ta' servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru, għad-disponibbiltà ta' faċilitajiet tal-art u għall-proċeduri tat-titjir bl-istrumenti approvati mill-Istat fejn jinsab l-ajrudrom tad-destinazzjoni u/jew l-ajrudrom alternattiv;

(g) 

L-ammont ta' fjuwil/enerġija għall-propulsjoni u ta' oġġetti konsumabbli li jkunu abbord irid ikun biżżejjed biex jiġi żgurat li t-titjira ppjanata tista' tiġi kkompletata mingħajr periklu, b'kunsiderazzjoni għall-kondizzjonijiet meteoroloġiċi, kull tip ta' element li jaffettwa l-prestazzjoni tal-inġenju tal-ajru u xi dewmien mistenni fit-titjira. Barra dan, trid tinġarr riżerva ta' fjuwil/enerġija għal li jista' jinqala'. Il-proċeduri għall-ġestjoni tal-fjuwil/tal-enerġija waqt it-titjira jridu jkunu stabbiliti meta rilevanti.

3.   OPERAZZJONIJIET TA' TITJIR

F'dak li għandu x'jaqsam ma' operazzjonijiet ta' titjir, irid ikun hemm konformità mal-kondizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a) 

fejn rilevanti għat-tip tal-inġenju tal-ajru, waqt it-tlugħ u l-inżul, u kull meta jkun meqjus meħtieġ mill-bdot fil-kmand fl-interess tas-sikurezza, kull membru tal-ekwipaġġ irid ikun bilqiegħda fil-post tal-ekwipaġġ u jrid juża s-sistemi ta' rbit ipprovduti;

(b) 

fejn rilevanti għat-tip ta' inġenju tal-ajru, il-membri kollha tal-ekwipaġġ tat-titjira li huma meħtieġa jkunu xogħol fil-kabina tal-ekwipaġġ iridu jkunu fil-post tagħhom u jridu jibqgħu hemm, biċ-ċinturini tas-sikurezza maqfula ħlief tul ir-rotta għal ħtiġijiet fiżjoloġiċi u operazzjonali;

(c) 

fejn rilevanti għat-tip ta' inġenju tal-ajru u għat-tip ta' operazzjoni, qabel it-tlugħ u l-inżul, waqt it-taxiing u kull meta jkun meħtieġ fl-interess tas-sikurezza, il-bdot fil-kmand irid jiżgura li kull passiġġier jkun bilqiegħda u maqful sew;

(d) 

titjira trid issir b'tali mod li tinżamm separazzjoni xierqa minn inġenji tal-ajru oħra u jkun żgurat spazju adegwat ħieles minn ostakli, matul il-fażijiet kollha tat-titjira. Separazzjoni ta' dan it-tip trid tkun minn tal-inqas dik stabbilita mir-regoli tal-ajru applikabbli, kif adatt għat-tip ta' operazzjoni;

(e) 

titjira ma tridx titkompla jekk il-kondizzjonijiet magħrufa ma jibqgħux ikunu almenu ekwivalenti għal dawk fil-punt 2. Barra minn hekk, għal titjira bbażata fuq regoli ta' titjira bl-istrumenti, approċċ lejn ajrudrom ma jridx jitkompla jekk ikun inqas minn ċertu għoli speċifikat jew lil hinn minn ċertu pożizzjoni, jekk il-kriterji ta' viżibbiltà preskritti ma jintlaħqux;

(f) 

f'emerġenza, il-bdot fil-kmand irid jiżgura li l-passiġġieri kollha jingħataw struzzjonijiet xierqa dwar l-azzjoni ta' emerġenza meħtieġa fiċ-ċirkostanzi;

(g) 

bdot fil-kmand irid jieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex inaqqas kemm jista' jkun il-konsegwenzi fuq it-titjira ta' passiġġieri li jġibu ruħhom ħażin;

(h) 

inġenju tal-ajru ma jridx jittajjar fuq iż-żona tal-moviment ta' ajrudrom, jew ir-rotor tiegħu ma jridx jitħaddem, ħlief jekk il-persuna mal-kontrolli tkun kompetenti kif jixraq;

(i) 

il-proċeduri applikabbli ta' ġestjoni tal-fjuwil/tal-enerġija waqt it-titjira jridu jintużaw, meta rilevanti.

4.   LIMITAZZJONIJIET TA' PRESTAZZJONI U TA' OPERAZZJONI TAL-INĠENJI TAL-AJRU

4.1.

Inġenju tal-ajru jrid jitħaddem skont id-dokumentazzjoni tal-ajrunavigabbiltà tiegħu u skont il-proċeduri u l-limitazzjonijiet operazzjonali kollha relatati, kif espressi fil-manwal approvat tat-titjir tiegħu jew f'dokumentazzjoni ekwivalenti, skont il-każ. Il-manwal tat-titjira jew id-dokumentazzjoni ekwivalenti jridu jkunu disponibbli għall-ekwipaġġ u miżmuma aġġornati għal kull inġenju tal-ajru.

4.2.

Minkejja l-punt 4.1., għal operazzjonijiet bil-ħelikopters tista' tiġi permessa titjira momentarja fil-limiti taż-żona ta' veloċità għolja, sakemm tkun żgurata s-sikurezza.

4.3.

L-inġenju tal-ajru jrid jitħaddem skont id-dokumentazzjoni ambjentali applikabbli.

4.4.

Titjira ma tridx tinbeda jew titkompla ħlief jekk il-prestazzjoni ppjanata tal-inġenju tal-ajru, b'kunsiderazzjoni għall-fatturi kollha li jaffettwaw b'mod sinifikanti l-livell tal-prestazzjoni tiegħu, tippermetti li kull fażi tat-titjira tkun eżegwita fil-limiti tad-distanzi/taż-żoni u fi spazji ħielsa minn ostakli applikabbli għall-massa tal-operazzjoni ppjanata. Il-fatturi tal-prestazzjoni li jaffettwaw b'mod sinifikanti t-tlugħ, it-titjira u l-approċċ/l-inżul huma, b'mod partikolari:

(a) 

il-proċeduri tal-operazzjoni;

(b) 

il-pressjoni tal-altitudni tal-ajrudrom;

(c) 

il-kondizzjonijiet tat-temp (temperatura, riħ, preċipitazzjoni u medda tal-viżibbiltà);

(d) 

id-daqs, ix-xaqliba tal-art u l-kondizzjoni taż-żona tat-tlugħ/tal-inżul; u

(e) 

il-kondizzjoni tal-qafas tal-inġenju tal-ajru, tal-impjant tal-enerġija jew tas-sistemi, b'kunsiderazzjoni ta' deterjorazzjoni possibbli.

4.5.

Tali fatturi jridu jiġu kkunsidrati direttament bħala parametri operazzjonali jew indirettament permezz ta' tolleranzi jew ta' marġni, li jistgħu jiġu pprovduti fl-ippjanar tad-data tal-prestazzjoni, skont it-tip ta' operazzjoni.

5.   STRUMENTI, DATA U TAGĦMIR

5.1.

Inġenju tal-ajru jrid ikun mgħammar b'kull tagħmir ta' navigazzjoni u ta' komunikazzjoni u b'tagħmir ieħor meħtieġ għat-titjira ppjanata, b'kunsiderazzjoni għar-regolamenti tat-traffiku tal-ajru u għar-regoli tal-ajru applikabbli waqt kwalunkwe fażi tat-titjira.

5.2.

Meta rilevanti, inġenju tal-ajru jrid ikun mgħammar bit-tagħmir kollu ta' sikurezza, mediku, ta' evakwazzjoni u ta' sopravivenza meħtieġ, b'kunsiderazzjoni għar-riskji marbuta maż-żoni ta' operazzjoni, mar-rotot tat-titjir, mal-altitudni u mat-tul tat-titjira.

5.3.

Id-data kollha meħtieġa mill-ekwipaġġ għall-eżekuzzjoni tat-titjira trid tkun aġġornata u disponibbli abbord l-inġenju tal-ajru, b'kunsiderazzjoni għar-regolamenti dwar it-traffiku tal-ajru, ir-regoli tal-ajru, l-altitudnijiet tat-titjira u ż-żoni ta' operazzjoni applikabbli.

6.   AJRUNAVIGABBILTÀ KONTINWA U KOMPATIBBILTÀ AMBJENTALI TAL-PRODOTTI

6.1.

L-inġenju tal-ajru ma jridx jitħaddem ħlief jekk:

(a) 

l-inġenju tal-ajru jista' jittajjar u hu f'kondizzjoni tajba biex jitħaddem b'mod sikur u li jirrispetta l-ambjent;

(b) 

it-tagħmir operazzjonali u ta' emerġenza meħtieġ għat-titjira ppjanata hu fi stat tajjeb biex jintuża;

(c) 

id-dokument tal-ajrunavigabbiltà u, skont il-każ, iċ-ċertifikat tal-istorbju tal-inġenju tal-ajru huwa validu; u

(d) 

l-manutenzjoni tal-inġenju tal-ajru ssir skont ir-rekwiżiti applikabbli.

6.2.

Qabel kull titjira jew serje ta' titjiriet konsekuttivi, l-inġenju tal-ajru jrid jiġi spezzjonat, permezz ta' kontroll ta' qabel it-titjira, biex jiġi stabbilit jekk huwiex tajjeb għat-titjira ppjanata.

6.3.

L-inġenju tal-ajru ma jridx jitħaddem ħlief jekk jiġi rilaxxat għas-servizz minn persuni jew minn organizzazzjonijiet kwalifikati, wara manutenzjoni. Ir-rilaxx iffirmat għas-servizz irid ikun fih b'mod partikolari, id-dettalji bażiċi tal-manutenzjoni li tkun twettqet.

6.4.

Ir-rekords meħtieġa li juru l-istatus tal-ajrunavigabbiltà u tal-kompatibbiltà ambjentali tal-inġenju tal-ajru jridu jinżammu, u jiġu mħarsa minn modifiki mhux awtorizzati għal perijodu ta' żmien li jikkorrispondi mar-rekwiżiti applikabbli tal-ajrunavigabbiltà kontinwa, sakemm l-informazzjoni li jkun fihom ma tiġix sostitwita b'informazzjoni ġdida ekwivalenti fl-ambitu u fid-dettall imma jkun xi jkun il-każ għal mhux inqas minn 24 xahar.

6.5.

Il-modifiki u t-tiswijiet kollha jridu jikkonformaw mar-rekwiżiti essenzjali tal-ajrunavigabbiltà u, jekk applikabbli, mal-kompatibbiltà ambjentali tal-prodotti. Id-data li ssostni l-konformità mar-rekwiżiti tal-ajrunavigabbiltà u mar-rekwiżiti tal-kompatibbiltà ambjentali tal-prodotti trid tinżamm u tkun protetta minn modifiki mhux awtorizzati.

6.6.

Hija r-responsabbiltà tal-operatur tal-inġenju tal-ajru li jiżgura li parti terza li twettaq il-manutenzjoni tikkonforma mar-rekwiżiti tas-sigurtà u tas-sikurezza tal-operatur.

7.   MEMBRI TAL-EKWIPAĠĠ

7.1.

In-numru u l-kompożizzjoni tal-ekwipaġġ iridu jiġu determinati b'kunsiderazzjoni:

(a) 

għal-limitazzjonijiet taċ-ċertifikazzjoni tal-inġenju tal-ajru, inkluż jekk applikabbli, id-dimostrazzjoni rilevanti ta' evakwazzjoni f'emerġenza;

(b) 

għall-konfigurazzjoni tal-inġenju tal-ajru; u

(c) 

għat-tip u għat-tul tal-operazzjonijiet.

7.2.

Il-bdot fil-kmand irid ikollu l-awtorità li jagħti l-ordnijiet kollha u li jieħu kwalunkwe azzjoni xierqa biex jassigura l-operazzjoni u s-sikurezza tal-inġenju tal-ajru u tal-persuni u/jew tal-proprjetà li jkunu qed jinġarru fih.

7.3.

F'sitwazzjoni ta' emerġenza, li tipperikola l-operazzjoni jew is-sikurezza tal-inġenju tal-ajru u/jew tal-persuni abbord, il-bdot fil-kmand irid jieħu kwalunkwe azzjoni li huwa jikkunsidra meħtieġa fl-interess tas-sikurezza. Meta azzjoni bħal din tinvolvi ksur ta' regolamenti jew ta' proċeduri lokali, il-bdot fil-kmand irid ikollu r-responsabbiltà li jinnotifika lill-awtoritajiet lokali rilevanti mingħajr dewmien.

7.4.

Mingħajr preġudizzju għall-punt 8.12, meta persuni oħra jinġarru abbord, sitwazzjonijiet ta' emerġenza jew anormali jistgħu jiġu simulati biss jekk dawk il-persuni ġew infurmati kif xieraq u huma konxji tar-riskji assoċjati qabel ma jitilgħu fuq it-titjira.

7.5.

L-ebda membru tal-ekwipaġġ ma jista' jippermetti li l-kisba tal-kompiti/it-teħid tad-deċiżjonijiet jiddeterjoraw sal-punt li s-sikurezza tat-titjira tista' tiġi pperikolata minħabba l-effetti ta' għejja, filwaqt li jitqiesu, fost l-oħrajn, l-akkumulazzjoni ta' għejja, in-nuqqas ta' rqad, in-numru ta' setturi ta' titjir, ix-xiftijiet ta' billejl jew it-tibdil taż-żoni ta' ħin. Perijodi ta' mistrieħ iridu jipprovdu ħin suffiċjenti biex il-membri tal-ekwipaġġ ikunu jistgħu jegħlbu l-effetti tad-dmirijiet ta' qabel u jkunu mistrieħa biżżejjed sal-bidu tal-perijodu ta' titjir li jkun imiss.

7.6.

Membru tal-ekwipaġġ ma jridx jesegwixxi d-dmirijiet allokati lilu abbord inġenju tal-ajru meta jkun taħt l-influwenza ta' sustanzi psikoattivi jew ta' alkoħol jew meta ma jkunx f'sikktu minħabba korriment, għejja, medikazzjoni, mard jew raġunijiet oħra simili.

8.   REKWIŻITI ADDIZZJONALI GĦAT-TRASPORT KUMMERĊJALI BL-AJRU U GĦAL OPERAZZJONIJIET OĦRA LI HUMA SOĠĠETTI GĦAL REKWIŻIT TA' ĊERTIFIKAZZJONI JEW TA' DIKJARAZZJONI MWETTQA B'AJRUPLANI, ĦELIKOPTERS JEW INĠENJI TAL-AJRU B'TILT ROTOR

8.1.

L-operazzjoni m'għandhiex issir jekk ma jiġġġux sodisfatti dawn il-kondizzjonijiet:

(a) 

l-operatur tal-inġenju tal-ajru jrid ikollu direttament jew permezz ta' ftehimiet ma' partijiet terzi, il-mezzi meħtieġa skont l-iskala u l-ambitu tal-operazzjonijiet. Dawk il-mezzi jinkludu, iżda mhumiex limitati għal dawn li ġejjin: inġenji tal-ajru, faċilitajiet, struttura ta' ġestjoni, persunal, tagħmir, dokumentazzjoni ta' kompiti, responsabbiltajiet u proċeduri, aċċess għad-data rilevanti u żamma ta' rekords;

(b) 

l-operatur tal-inġenju tal-ajru jrid juża biss persunal kwalifikat u mħarreġ sew u jimplimenta u jżomm programmi ta' taħriġ u ta' kontroll għall-membri tal-ekwipaġġ u għal persunal ieħor rilevanti li huma meħtieġa biex jiżguraw il-validità taċ-ċertifikati, il-klassifikazzjonijiet u l-kwalifiki tagħhom;

(c) 

kif adatt għat-tip ta' attività mwettqa u d-daqs tal-organizzazzjoni, l-operatur tal-inġenju tal-ajru jrid jimplimenta u jżomm sistema ta' ġestjoni sabiex jiżgura l-konformità mar-rekwiżiti essenzjali stabbiliti f'dan l-Anness, jiġġestixxi r-riskji tas-sikurezza u jimmira għal titjib kontinwu ta' din is-sistema;

(d) 

l-operatur tal-inġenju tal-ajru jrid jistabbilixxi sistema ta' rappurtar tal-okkorrenzi, bħala parti mis-sistema ta' ġestjoni skont il-punt (c), sabiex jikkontribwixxi għall-għan ta' titjib kontinwu tas-sikurezza. Is-sistema ta' rappurtar tal-okkorrenzi għandha tkun konformi mal-liġi applikabbli tal-Unjoni.

8.2.

L-operazzjoni trid issir biss skont manwal tal-operazzjonijiet tal-operatur tal-inġenju tal-ajru. Manwal ta' dan it-tip irid ikun fih l-istruzzjonijiet, l-informazzjoni u l-proċeduri kollha meħtieġa għall-inġenji tal-ajru kollha mħaddma u għall-persunal tal-operazzjonijiet biex iwettaq dmirijietu. Iridu jkunu speċifikati l-limitazzjonijiet applikabbli għall-ħin tat-titjira, għall-perjodi ta' xogħol fit-titjiriet u għall-perjodi ta' mistrieħ għall-membri tal-ekwipaġġ. Il-manwal tal-operazzjonijiet u r-reviżjonijiet tiegħu jridu jkunu konformi mal-manwal approvat tat-titjir u jrid jiġi emendat skont il-ħtieġa.

8.3.

L-operatur tal-inġenju tal-ajru għandu jistabbilixxi proċeduri, skont il-każ, biex inaqqas il-konsegwenzi li xi mġiba ħażina tal-passiġġieri jista' jkollha fuq is-sikurezza tal-operazzjonijiet tat-titjir.

8.4.

L-operatur tal-inġenju tal-ajru jrid jiżviluppa u jżomm programmi ta' sigurtà adattati għall-inġenju tal-ajru u għat-tip ta' operazzjoni li jkunu jinkludu partikularment:

(a) 

is-sigurtà tal-kompartiment tal-ekwipaġġ tat-titjira;

(b) 

il-lista ta' kontroll tal-proċedura ta' tfittxija fuq l-inġenju tal-ajru;

(c) 

il-programmi ta' taħriġ; u

(d) 

il-protezzjoni tas-sistemi elettroniċi u tal-kompjuter għall-prevenzjoni ta' interferenza u ta' korruzzjoni intenzjonati u mhux intenzjonati fis-sistemi.

8.5.

Meta l-miżuri ta' sigurtà jistgħu jaffettwaw ħażin is-sikurezza tal-operazzjonijiet, ir-riskji jridu jiġu vvalutati u l-proċeduri adattati jridu jiġu żviluppati biex jitnaqqsu r-riskji ta' sikurezza, dan jista' jirrikjedi l-użu ta' tagħmir speċjalizzat.

8.6.

L-operatur tal-inġenju tal-ajru jrid jaħtar bdot wieħed minn fost l-ekwipaġġ tat-titjira bħala l-bdot fil-kmand.

8.7.

Il-prevenzjoni tal-għejja trid tiġi ġestita permezz ta' sistema ta' ġestjoni tal-għejja. Għal titjira, jew għal serje ta' titjiriet, sistema ta' dan it-tip trid tindirizza l-ħinijiet tat-titjir, il-ħinijiet ta' xogħol fit-titjir, ix-xogħol u l-perjodi ta' mistrieħ adattati. Il-limitazzjonijiet stabbiliti fis-sistema tal-ġestjoni tal-għejja jridu jikkunsidraw il-fatturi kollha rilevanti li jikkontribwixxu għall-għejja bħal mhuma, b'mod partikolari, in-numru ta' setturi tat-titjir, il-qsim ta' żoni tal-ħin, in-nuqqas ta' rqad, it-tfixkil taċ-ċikli bijoloġiċi ta' kuljum, is-sigħat ta' billejl, il-pożizzjonament, l-akkumulazzjoni ta' ħinijiet tax-xogħol għal perjodi speċifiċi, il-kondiviżjoni ta' kompiti allokati fost membri tal-ekwipaġġ, u kif ukoll il-provvediment ta' ekwipaġġi miżjuda.

8.8.

L-operatur tal-inġenju tal-ajru jrid jiżgura li l-kompiti speċifikati fil-punt 6.1 u dawk deskritti fil-punti 6.4 u 6.5 huma kkontrollati minn organizzazzjoni responsabbli għall-ġestjoni tal-ajrunavigabbiltà kontinwa li trid tissodisfa r-rekwiżiti tal-Anness II, il-punt 3.1, u l-Anness III, il-punti 7 u 8.

8.9.

L-operatur tal-inġenju tal-ajru jrid jiżgura li r-rilaxx għas-servizz meħtieġ mill-punt 6.3 jinħareġ minn organizzazzjoni kwalifikata għall-manutenzjoni tal-prodotti, tal-parts u tat-tagħmir mhux installat. Din l-organizzazzjoni trid tissodisfa r-rekwiżiti tal-Anness II, il-punt 3.1.

8.10.

L-organizzazzjoni msemmija fi 8.8 għandha tistabbilixxi manwal tal-organizzazzjoni għall-użu u għall-gwida tal-persunal ikkonċernat li jagħti deskrizzjoni tal-proċeduri ta' ajrunavigabbiltà kontinwa kollha tal-organizzazzjoni.

8.11.

Sistema ta' lista ta' kontroll għandha tkun disponibbli, kif applikabbli, mill-membri tal-ekwipaġġ fil-fażijiet kollha tal-operazzjoni tal-inġenju tal-ajru f'kondizzjonijiet u f'sitwazzjonijiet normali u dawk ta' emerġenza u mhux normali. Iridu jiġu stabbiliti proċeduri għal kwalunkwe sitwazzjoni ta' emerġenza raġonevolment prevedibbli.

8.12.

Ma tridx issir simulazzjoni ta' sitwazzjonijiet ta' emerġenza jew mhux normali waqt li jkunu qed jinġarru passiġġieri jew merkanzija.

1. Ħarsa ġenerali

,
Titlu Regolamentazzjoni

1.1 Referenzi

1.2 Rekwiżiti identifikati

1.3 Standards relatati

2. Rekwiżiti identifikati

Rekwiżiti
Sors Rekwiżit

3. Standards relatati

Standards
Sors Rekwiżit
  • Builddate: 02.08.2026 00:00:00 -Doknr: CELEX:32018R1139
  • EULAW -

    EN: Legal acts of the European Union from EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © European Union. Re-use is authorised by Decision 2011/833/EU, provided the source is acknowledged; the consolidated texts are licensed under CC BY 4.0 (EUR-Lex legal notice). Divided into sections and converted into the GRCA format, the wording unchanged. Only the legislation published in the Official Journal of the European Union is deemed authentic.

    DE: Rechtsakte der Europäischen Union aus EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © Europäische Union. Weiterverwendung nach Beschluss 2011/833/EU mit Quellenangabe gestattet; die konsolidierten Fassungen stehen unter CC BY 4.0 (Rechtlicher Hinweis von EUR-Lex). In Abschnitte aufgeteilt und in das GRCA-Format umgewandelt, der Wortlaut unverändert. Verbindlich sind allein die im Amtsblatt der Europäischen Union veröffentlichten Rechtsakte.