+Artikolu 59 Dmirijiet u setgħat tal-awtoritajiet regolatorji
---+Artikolu 59 1.
---+Artikolu 59 2.
---+Artikolu 59 3.
---+Artikolu 59 4.
---+Artikolu 59 5.
---+Artikolu 59 6.
---+Artikolu 59 7.
---+Artikolu 59 8.
---+Artikolu 59 9.
---+Artikolu 59 10.

Artikolu 59 Dmirijiet u setgħat tal-awtoritajiet regolatorji

1. Ħarsa ġenerali

,
Titlu Regolamentazzjoni
Artikolu 59 1.

L-awtoritajiet regolatorji għandhom ikollhom id-dmirijiet li ġejjin:

(a) 

jiffissaw jew japprovaw, bi qbil mal-kriterji ta' trasparenza, tariffi ta' trażmissjoni jew ta' distribuzzjoni jew il-metodoloġiji tagħhom, jew it-tnejn li huma;

▼M1

(aa) 

iwettqu l-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 3, l-Artikolu 5(7) u l-Artikoli 14 sa 17 tar-Regolament (UE) 2022/869 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 13 );

▼B

(b) 

jiżguraw il-konformità tal-operaturi tas-sistema tat-trażmissjoni u tal-operaturi tas-sistema tad-distribuzzjoni, u, meta dan ikun rilevanti, il-proprjetarji tas-sistema, kif ukoll kwalunkwe impriża tal-elettriku u parteċipanti oħra fis-suq, mal-obbligi tagħhom taħt din id-Direttiva, ir-Regolament (UE) 2019/943, il-kodiċijiet tan-netwerk u l-linji gwida adottati skont l-Artikoli 59, 60 u 61 tar-Regolament (UE) 2019/943, ma' liġijiet rilevanti oħrajn tal-Unjoni, inkluż fir-rigward tal-kwistjonijiet transkonfinali, kif ukoll id-deċiżjonijiet tal-ACER;

▼M3

(c) 

f’koordinazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet regolatorji l-oħrajn, l-iżgurar tal-konformità tal-pjattaforma unika ta’ allokazzjoni stabbilita f’konformità mar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2016/1719 ( 14 ), l-ENTSO tal-Elettriku u l-entità tad-DSO tal-UE mal-obbligi tagħhom skont din id-Direttiva, ir-Regolament (UE) 2019/943, il-kodiċijiet tan-network u l-linji gwida adottati skont l-Artikoli 59, 60 u 61 tar-Regolament (UE) 2019/943, u dritt tal-Unjoni rilevanti ieħor, inkluż fir-rigward ta’ kwistjonijiet transfruntiera, kif ukoll bid-deċiżjonijiet tal-ACER, u l-identifikazzjoni konġunta tan-nuqqas ta’ konformità tal-pjattaforma unika ta’ allokazzjoni, l-ENTSO tal-Elettriku u tal-entità tad-DSO tal-UE mal-obbligi rispettivi tagħhom; meta l-awtoritajiet regolatorji ma jkunux setgħu jilħqu ftehim fi żmien erba’ xhur wara l-bidu tal-konsultazzjonijiet bil-għan li jidentifikaw konġuntement in-nuqqas ta’ konformità, il-kwistjoni għandha tiġi rriferita lill-ACER għal deċiżjoni, skont l-Artikolu 6(10) tar-Regolament (UE) 2019/942;

▼B

(d) 

japprovaw il-prodotti u l-proċess ta' akkwist għal servizzi anċillari mhux tal-frekwenza;

(e) 

jimplimentaw il-kodiċijiet tan-netwerk u l-linji gwida adottati skont l-Artikoli 59, 60 u 61 tar-Regolament (UE) 2019/943 permezz ta' miżuri nazzjonali jew, fejn ikun meħtieġ, miżuri kkoordinati reġjonali jew fl-Unjoni kollha;

(f) 

jikkooperaw dwar kwistjonijiet transkonfinali mal-awtorità jew l-awtoritajiet regolatorji ta' dawk l-Istati Membri u mal-ACER, b'mod partikolari permezz tal-parteċipazzjoni fix-xogħol tal-Bord tar-Regolaturi tal-ACER skont l-Artikolu 21 tar-Regolament (UE) 2019/942;

(g) 

jikkonformaw ma', u jimplimentaw, kwalunkwe deċiżjoni legalment obbligatorja rilevanti tal-Kummissjoni u tal-ACER;

(h) 

jiżguraw li l-operaturi tas-sistemi ta' trażmissjoni, jagħmlu disponibbli kapaċitajiet ta' interkonnessjoni sa fejn ikun possibbli skont l-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) 2019/943;

(i) 

jirrapportaw kull sena lill-awtoritajiet rilevanti tal-Istati Membri, lill-Kummissjoni u lill-ACER dwar l-attività tagħhom u l-qadi ta' dmirijiethom inkluż dwar il-passi kollha li ttieħdu u r-riżultati li nkisbu fir-rigward ta' kull wieħed mill-kompiti elenkati f'dan l-Artikolu;

(j) 

jiżguraw li ma jkunx hemm inter-sussidjarjetà bejn l-attivitajiet ta' trażmissjoni, distribuzzjoni u provvista jew attivitajiet oħra tal-elettriku jew mhux tal-elettriku;

(k) 

jissorveljaw il-pjanijiet ta' investiment tal-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni, u jipprovdu fir-rapport annwali tagħhom valutazzjoni tal-pjan ta' investiment tal-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni fir-rigward tal-konsistenza tiegħu mal-pjan għall-iżvilupp tan-netwerk fl-Unjoni kollha; tali valutazzjoni tista' tinkludi rakkomandazzjonijiet biex jiġu emendati dawk il-pjanijiet ta' investiment;

(l) 

jimmonitorjaw u jivvalutaw il-prestazzjoni tal-operaturi tas-sistemi tat-trażmissjoni u tal-operaturi tas-sistemi ta' distribuzzjoni fir-rigward tal-iżvilupp ta' grilja intelliġenti li tippromwovi l-effiċjenza tal-enerġija u l-integrazzjoni tal-enerġija mis-sorsi rinnovabbli abbażi ta' sett limitat ta' indikaturi, u jippubblikaw rapport nazzjonali kull sentejn, li jkun jinkludi rakkomandazzjonijiet;

(m) 

jistabbilixxu jew japprovaw standards u rekwiżiti għall-kwalità tas-servizz u l-kwalità tal-forniment jew jikkontribwixxu għalihom, flimkien ma' awtoritajiet kompetenti oħra u jissorveljaw il-konformità u jirrevedu l-prestazzjoni fl-imgħoddi tas-sigurtà tan-netwerk u r-regoli ta' affidabilità u;

(n) 

jissorveljaw il-livell ta' trasparenza, inkluż tal-prezzijiet tal-bejgħ bl-ingrossa, u jiżguraw il-konformità mal-obbligi ta' trasparenza min-naħa tal-impriżi tal-elettriku;

(o) 

jissorveljaw il-livell u l-effikaċja ta' ftuħ tas-suq u ta' kompetizzjoni fil-livelli tal-bejgħ bl-ingrossa u bl-imnut, inklużi l-iskambji tal-elettriku, il-prezzijiet għall-klijenti domestiċi inklużi s-sistemi ta' ħlas minn qabel, l-impatt tal-kuntratti dwar prezz dinamiku tal-elettriku u tal-użu tas-sistemi tal-kejl intelliġenti, ir-rati ta' bdil, ir-rati ta' skonnessjoni, it-tariffi għas-servizzi ta' manutenzjoni, t-twettiq ta' servizzi ta' manutenzjoni, ir-relazzjoni bejn il-prezzijiet domestiċi u l-prezzijiet bl-ingrossa, l-evoluzzjoni tat-tariffi u l-imposti tal-grilja u lmenti tal-klijenti domestiċi, kif ukoll kwalunkwe distorsjoni jew restrizzjoni tal-kompetizzjoni, anke billi jipprovdu kwalunkwe informazzjoni rilevanti u jinfurmaw lill-awtoritajiet rilevanti tal-kompetizzjoni dwar kwalunkwe każ rilevanti;

(p) 

jissorveljaw il-prattiċi kuntrattwali restrittivi, inkluż klawżoli ta' esklussività, li jistgħu jimpedixxu konsumaturi milli jagħmlu kuntratt fl-istess ħin ma' aktar minn fornitur wieħed jew li jirrestrinġu l-għażla tagħhom li jagħmlu dan, u fejn xieraq, jinformaw lill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni b'tali prattiċi;

(q) 

jissorveljaw iż-żmien li jittieħed minn operaturi ta' sistemi ta' trażmissjoni u operaturi ta' sistemi ta' distribuzzjoni biex isiru konnessjonijiet u tiswijiet;

(r) 

li jiżguraw, flimkien ma' awtoritajiet rilevanti oħra, li l-miżuri ta' ħarsien tal-konsumaturi, jkunu effettivi u infurzati;

(s) 

jippubblikaw rakkomandazzjonijiet, għall-anqas kull sena, dwar il-konformità tal-prezzijiet tal-provvista mal-Artikolu 5, u jibagħtu dawk ir-rakkomandazzjonijiet lill-awtoritajiet kompetenti, meta dan ikun xieraq;

(t) 

jiżguraw l-aċċess nondiskriminatorju għad-data dwar il-konsum tal-klijent, il-forniment, għal użu fakultattiv, ta' format armonizzat li jinftiehem faċilment fil-livell nazzjonali għad-data dwar il-konsum u l-aċċess malajr għad-data għall-konsumaturi kollha skont l-Artikoli 23 u 24;

(u) 

jissorveljaw l-implimentazzjoni tar-regoli relatati mar-rwoli u r-responsabbiltajiet tal-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni, tal-operaturi tas-sistema ta' distribuzzjoni, tal-fornituri, tal-klijenti u ta' parteċipanti oħrajn fis-suq skont ir-Regolament (UE) 2019/943;

(v) 

jissorveljaw l-investiment fil-kapaċitajiet ta' ġenerazzjoni u ta' ħżin fir-rigward tas-sigurtà tal-provvista;

(w) 

jissorveljaw il-kooperazzjoni teknika bejn l-Unjoni u l-operaturi tas-sistemi ta' trażmissjoni ta' pajjiż terz;

(x) 

jikkontribwixxu għall-kompatibilità ta' proċessi ta' skambju ta' data għall-proċessi tas-suq l-aktar importanti fuq livell reġjonali;

(y) 

jissorveljaw id-disponibbiltà ta' għodod tat-tqabbil, li jissodisfaw il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 14;

▼M3

(z) 

il-monitoraġġ tat-tneħħija ta’ ostakli mhux ġustifikati għall-iżvilupp tal-konsum tal-komunitajiet tal-elettriku awtoġenerat, il-kondiviżjoni tal-enerġija, il-komunitajiet tal-enerġija rinnovabbli u l-komunitajiet tal-enerġija taċ-ċittadin, inkluż l-ostakli u r-restrizzjonijiet li jipprevjenu l-konnessjoni tal-ġenerazzjoni tal-enerġija distribwita flessibbli fi żmien raġonevoli skont l-Artikolu 58, il-punt (d).

▼B

Artikolu 59 2.
Meta Stat Membru jkun ipprovda hekk, id-doveri tas-sorveljanza stipulati fil-paragrafu 1 jistgħu jitwettqu minn awtorità oħra barra l-awtorità regolatorja. F'każ bħal dan, l-informazzjoni li tirriżulta minn dan il-monitoraġġ għandha titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-awtorità regolatorja kemm jista' jkun malajr.

Filwaqt li jżommu l-indipendenza tagħhom, mingħajr preġudizzju għall-kompetenza speċifika tagħhom stess u b'mod konsistenti mal-prinċipji ta' regolamentazzjoni aħjar, l-awtoritajiet regolatorji għandhom, fejn ikun il-każ, jikkonsultaw mal-operaturi tas-sistema tat-trażmissjoni u, fejn ikun il-każ, jikkooperaw mill-qrib ma' awtoritajiet nazzjonali rilevanti oħra fit-twettiq tad-dmirijiet stabbiliti fil-paragrafu 1.

Kwalunkwe approvazzjoni mogħtija minn awtorità regolatorja jew mill-ACER taħt din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe użu futur debitament ġustifikat tas-setgħat tagħhom mill-awtoritajiet regolatorji taħt dan l-Artikolu jew għal kwalunkwe penali imposta minn awtoritajiet rilevanti oħra jew mill-Kummissjoni.

Artikolu 59 3.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet regolatorji jingħatawlhom is-setgħat li jippermettulhom iwettqu l-kompiti msemmija f'dan l-Artikolu b'mod effiċjenti u mingħajr dewmien. Għal dan il-għan, l-awtoritajiet regolatorji għandu jkollhom għall-anqas dawn is-setgħat:

(a) 

li jimponu deċiżjonijiet obbligatorji fuq l-impriżi tal-elettriku;

(b) 

li jwettqu investigazzjonijiet fil-funzjonament tas-swieq tal-elettriku, u li jiddeċiedu u jimponu kwalunkwe miżura meħtieġa u proporzjonata għall-promozzjoni ta' kompetizzjoni effettiva u jiżguraw il-funzjonament korrett tas-suq. Fejn ikun opportun, l-awtoritajiet regolatorji għandhom ikollhom ukoll is-setgħa li jikkooperaw mal-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni u mar-regolaturi tas-swieq finanzjarji jew mal-Kummissjoni fit-twettiq ta' investigazzjoni relatata mal-liġi tal-kompetizzjoni;

(c) 

li jitolbu kwalunkwe informazzjoni mill-impriżi tal-elettriku li tkun rilevanti għall-qadi tad-dmirijiet tagħha, inkluża l-ġustifikazzjoni għal kull rifjut ta' aċċess għall-partijiet terzi, u kull informazzjoni dwar miżuri meħtieġa biex jissaħħaħ in-netwerk;

(d) 

li jimponu penali effettivi, proporzjonati u dissważivi fuq impriżi tal-elettriku li ma jikkonformawx mal-obbligi tagħhom taħt din id-Direttiva, ir-Regolament (UE) 2019/943 jew kwalunkwe deċiżjoni rilevanti legalment obbligatorja tal-awtoritajiet regolatorji jew tal-ACER, jew li jipproponu li qorti kompetenti timponi dawn il-penali, inkluż is-setgħa li jimponu, jew li jipproponu l-impożizzjoni ta' penali sa 10 % tal-fatturat annwali tal-operatur tas-sistema tat-trażmissjoni fuq l-operatur tas-sistema tat-trażmissjoni jew sa 10 % tat-turnover annwali tal-impriża integrata vertikalment fuq l-impriża integrata vertikalment, fejn ikun il-każ, għan-nuqqas ta' konformità mal-obbligi rispettivi tagħhom taħt din id-Direttiva; u

(e) 

drittijiet xierqa ta' investigazzjonijiet u s-setgħat rilevanti ta' istruzzjonijiet għas-soluzzjoni ta' tilwim taħt l-Artikolu 60(2) u (3).

Artikolu 59 4.
L-awtorità regolatorja, li tinsab fl-Istat Membru li fih il-pjattaforma unika ta’ allokazzjoni, l-ENTSO għall-Elettriku jew l-entità DSO tal-UE jkollha s-sede tagħha, għandu jkollha l-awtorità li timponi penali effikaċi, proporzjonati u dissważivi fuq dawk l-entitajiet li ma jikkonformawx mal-obbligi tagħhom fl-ambitu ta’ din id-Direttiva, ir-Regolament (UE) 2019/943 jew kwalunkwe deċiżjoni rilevanti legalment obbligatorja tal-awtoritajiet regolatorji jew tal-ACER, jew li jipproponu li qorti kompetenti timponi dawn il-penali.
Artikolu 59 5.

Addizzjonalment għad-dmirijiet mogħtija lilhom taħt il-paragrafu 1 u 3 ta' dan l-Artikolu, meta operatur ta' sistema indipendenti jkun ġie maħtur taħt l-Artikolu 44, l-awtoritajiet regolatorji għandhom:

(a) 

jissorveljaw il-konformità tal-proprjetarju tas-sistema tat-trażmissjoni u tal-operatur tas-sistema indipendenti mal-obbligi tagħhom skont dan l-Artikolu, u jimponu penali għan-nuqqas ta' konformità skont il-punt (d) tal-paragrafu 3;

(b) 

jissorveljaw ir-relazzjonijiet u l-komunikazzjonijiet bejn l-operatur tas-sistema indipendenti u l-proprjetarju tas-sistema tat-trażmissjoni sabiex tiġi żgurata l-konformità tal-operatur tas-sistema indipendenti mal-obbligi tiegħu, u b'mod partikolari għandhom japprovaw kuntratti u jaġixxu bħala l-awtorità għas-soluzzjoni ta' tilwim bejn l-operatur tas-sistema indipendenti u l-proprjetarju tas-sistema tat-trażmissjoni fir-rigward ta' kwalunkwe lment imressaq minn kwalunkwe wieħed minnhom taħt l-Artikolu 60(2);

(c) 

bla ħsara għall-proċedura skont il-punt (c) tal-Artikolu 44(2), għall-ewwel pjan ta' għaxar snin għall-iżvilupp tan-netwerk, japprovaw l-ippjanar tal-investimenti u l-pjan pluriennali għall-iżvilupp tan-netwerk preżentati tal-anqas darba kull sentejn mill-operatur tas-sistema indipendenti;

(d) 

jiżguraw li t-tariffi tal-aċċess għan-netwerk miġbura minn operaturi tas-sistema indipendenti jkunu jinkludu remunerazzjoni għall-proprjetarju tan-netwerk jew il-proprjetarji tan-netwerk li tipprovdi kumpens adegwat għall-użu tal-assi tan-netwerk u ta' kwalunkwe investiment ġdid fihom, sakemm ikunu magħmula ekonomikament u b'mod effiċjenti;

(e) 

ikollhom s-setgħat li jwettqu spezzjonijiet, inklużi uħud mhux imħabbra fil-bini tal-proprjetarju tas-sistema tat-trażmissjoni u tal-operatur tas-sistema indipendenti; u

(f) 

jissorveljaw l-użu ta' drittijiet ta' konġestjoni miġbura mill-operatur ta' sistema indipendenti taħt l-Artikolu 19(2) tar-Regolament (UE) 2019/943.

Artikolu 59 6.

Addizzjonalment għad-dmirijiet mogħtija u s-setgħat konferiti lilhom taħt il-paragrafi 1 u 3 ta' dan l-Artikolu, meta operatur tas-sistema tat-trażmissjoni jkun inħatar skont it-Taqsima 3 tal-Kapitolu VI, l-awtoritajiet regolatorji għandhom jingħataw għall-anqas id-dmirijiet u s-setgħat li ġejjin:

(a) 

li jimponu penali taħt il-punt (d) tal-paragrafu 3 għal kondotta diskriminatorja favur l-impriża integrata vertikalment;

(b) 

jissorveljaw il-komunikazzjonijiet bejn l-operatur tas-sistema tat-trażmissjoni u l-impriża integrata vertikalment sabiex tkun żgurata l-konformità tal-operatur tas-sistema tat-trażmissjoni mal-obbligi tiegħu;

(c) 

jaġixxu bħala awtoritajiet għas-soluzzjoni ta' tilwim bejn l-impriża integrata vertikalment u l-operatur tas-sistema tat-trażmissjoni fir-rigward ta' kull ilment ippreżentat taħt l-Artikolu 60(2);

(d) 

jissorveljaw ir-relazzjonijiet kummerċjali u finanzjarji inkluż is-self bejn l-impriża integrata vertikalment u l-operatur tas-sistema tat-trażmissjoni;

(e) 

japprovaw kull relazzjoni kummerċjali u finanzjarja bejn l-impriża integrata vertikalment u l-operatur tas-sistema tat-trażmissjoni bil-kondizzjoni li dawn jikkonformaw mal-kondizzjonijiet tas-suq;

(f) 

jeżiġu ġustifikazzjoni mill-impriża integrata vertikalment meta jiġu notifikati mill-uffiċjal għall-konformità taħt l-Artikolu 50(4), tali ġustifikazzjoni inkluż, b' mod partikolari, l-evidenza li turi li ma seħħet ebda kondotta diskriminatorja għall-vantaġġ tal-impriża integrata vertikalment;

(g) 

iwettqu spezzjonijiet, inklużi dawk mhux imħabbra, fuq il-post tal-impriża integrata vertikalment u tal-operatur tas-sistema tat-trażmissjoni; u

(h) 

jassenjaw il-kompiti kollha jew dawk speċifiċi tal-operatur tas-sistema tat-trażmissjoni lil operatur tas-sistema indipendenti maħtur taħt l-Artikolu 44 fil-każ ta' ksur persistenti mill-operatur tas-sistema tat-trażmissjoni tal-obbligi tiegħu taħt din id-Direttiva, partikolarment fil-każ ta' kondotta diskriminatorja ripetuta għall-benefiċċju tal-impriża integrata vertikalment.

Artikolu 59 7.

L-awtoritajiet regolatorji, ħlief fejn l-ACER hija kompetenti biex tistipula u tapprova t-termini u l-kondizzjonijiet jew il-metodoloġiji għall-implimentazzjoni tal-kodiċijiet tan-netwerk u l-linji gwida skont il-Kapitolu VII tar-Regolament (UE) 2019/943 skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament (UE) 2019/942 minħabba n-natura kkoordinata tagħhom, għandhom ikunu responsabbli għall-iffissar jew l-approvazzjoni fi żmien biżżejjed qabel ma jidħlu fis-seħħ għall-inqas tal-metodoloġiji nazzjonali użati sabiex jiġu kkalkulati jew stabbiliti t-termini u l-kondizzjonijiet għal:

(a) 

il-konnessjoni u l-aċċess għan-netwerks nazzjonali, inklużi t-tariffi għat-trażmissjoni u d-distribuzzjoni jew il-metodoloġiji tagħhom, dawk it-tariffi jew il-metodoloġiji għandhom jippermettu li l-investimenti meħtieġa fin-netwerks jsiru b'mod li jippermetti lil dawk l-investimenti jiżguraw il-vijabbiltà tan-netwerks;

(b) 

il-provvediment ta' servizzi anċillari li għandhom jitwettqu bil-mod l-aktar ekonomiku possibbli u jipprovdu inċentivi xierqa biex l-utenti tan-netwerk jibbilanċjaw l-input u l-offtakes tagħhom, fejn tali servizzi anċillari għandhom jingħataw b'mod ġust u mhux diskriminatorju u jkunu msejsa fuq kriterji oġġettivi; u

(c) 

aċċess għal infrastrutturi transkonfinali, inklużi l-proċeduri għall-allokazzjoni ta' kapaċità u l-immaniġġjar tal-konġestjoni.

Artikolu 59 8.
Il-metodoloġiji jew it-termini u l-kondizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 7 għandhom ikunu ppubblikati.
Artikolu 59 9.
Bil-għan li tiżdied it-trasparenza fis-suq u l-partijiet ikkonċernati kollha jkollhom l-informazzjoni, deċiżjonijiet jew proposti meħtieġa għal deċiżjoni dwar it-tariffi ta' trażmissjoni u distribuzzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 60(3), l-awtoritajiet regolatorji għandhom jagħmlu disponibbli għall-pubbliku l-metodoloġija dettaljata u l-ispejjeż sottostanti użati għall-kalkolu tat-tariffi rilevanti tan-netwerk, filwaqt li tinżamm il-kunfidenzjalità ta' informazzjoni kummerċjali sensittiva.
Artikolu 59 10.
L-awtoritajiet regolatorji għandhom jimmonitorjaw l-immaniġġjar tal-konġestjoni tas-sistemi nazzjonali tal-elettriku inklużi l-interkonnessjonijiet, kif ukoll l-implimentazzjoni tar-regoli dwar l-immaniġġjar tal-konġestjoni. Għal dak il-għan, l-operaturi tas-sistemi ta' trażmissjoni jew l-operaturi tas-suq għandhom iressqu r-regoli tagħhom dwar l-immaniġġjar tal-konġestjoni, anke dwar l-allokazzjoni tal-kapaċità, lill-awtoritajiet regolatorji. L-awtoritajiet regolatorji jistgħu jitolbu emendi għal dawn ir-regoli.

1.1 Referenzi

1.2 Rekwiżiti identifikati

1.3 Standards relatati

2. Rekwiżiti identifikati

Rekwiżiti
Sors Rekwiżit

3. Standards relatati

Standards
Sors Rekwiżit
  • Builddate: 12.10.2025 00:00:00 -Doknr: CELEX:32019L0944
  • EULAW -

    EN: Legal acts of the European Union from EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © European Union. Re-use is authorised by Decision 2011/833/EU, provided the source is acknowledged; the consolidated texts are licensed under CC BY 4.0 (EUR-Lex legal notice). Divided into sections and converted into the GRCA format, the wording unchanged. Only the legislation published in the Official Journal of the European Union is deemed authentic.

    DE: Rechtsakte der Europäischen Union aus EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © Europäische Union. Weiterverwendung nach Beschluss 2011/833/EU mit Quellenangabe gestattet; die konsolidierten Fassungen stehen unter CC BY 4.0 (Rechtlicher Hinweis von EUR-Lex). In Abschnitte aufgeteilt und in das GRCA-Format umgewandelt, der Wortlaut unverändert. Verbindlich sind allein die im Amtsblatt der Europäischen Union veröffentlichten Rechtsakte.