3. Fil-każ ta' deċiżjoni negattiva, il-korpi tas-settur pubbliku għandhom jikkomunikaw ir-raġunijiet għar-rifjut lill-applikant skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tar-reġim tal-aċċess f'dak l-Istat Membru jew skont id-dispożizzjonijiet li jittrasponu din id-Direttiva, b'mod partikulari l-punti (a) sa (h) tal-Artikolu 1(2) jew l-Artikolu 3. Meta deċiżjoni negattiva tkun ibbażata fuq il-punt (c) tal-Artikolu 1(2), il-korp tas-settur pubbliku għandu jagħmel referenza għall-persuna fiżika jew ġuridika li tkun id-detentur tad-drittijiet, meta magħrufa, jew inkella għal-liċenzjatur li mingħandu l-korp tas-settur pubbliku jkun kiseb il-materjal rilevanti. Il-libreriji, inkluż il-libreriji universitarji, il-mużewijiet u l-arkivji ma għandhomx ikunu meħtieġa jinkludu din ir-referenza.