+Article 14 Mekkaniżmi ta’ trasparenza u ta’ salvagwardja għas-servizzi tar-roaming bl-imnut tad-data
---+Article 14 1
---+Article 14 2
---+Article 14 3
---+Article 14 4
---+Article 14 5
---+Article 14 6
---+Article 14 7
---+Article 14 8

Article 14 Mekkaniżmi ta’ trasparenza u ta’ salvagwardja għas-servizzi tar-roaming bl-imnut tad-data

1. Ħarsa ġenerali

,
Titlu Regolamentazzjoni
Article 14 1

1.   Il-fornituri tar-roaming għandhom jiżguraw li l-klijenti tar-roaming tagħhom ikunu infurmati kif xieraq, qabel u wara l-konklużjoni ta’ kuntratt bl-imnut, dwar it-tariffi applikabbli għall-użu tagħhom tas-servizzi tar-roaming regolati tad-data, b’mod li jkun eħfef għall-klijenti biex jifhmu l-konsegwenzi finanzjarji ta’ dan l-użu u jkunu jistgħu jimmonitorjaw u jikkontrollaw in-nefqa tagħhom fuq is-servizzi tar-roaming regolati tad-data skont il-paragrafi 2 u 4.

Meta jkun xieraq, il-fornituri tar-roaming għandhom jinfurmaw lill-klijenti tagħhom, qabel il-konklużjoni ta’ kuntratt bl-imnut u b’mod regolari wara dan, dwar ir-riskju ta’ konnessjoni u tniżżil awtomatiku u bla kontroll ta’ servizzi tar-roaming tad-data. Barra minn hekk, il-fornituri tar-roaming għandhom jinnotifikaw lill-klijenti tagħhom, mingħajr ħlas, b’mod ċar u li jista’ jinftiehem faċilment, dwar kif dawk il-konnessjonijiet awtomatiċi tar-roaming tad-data jistgħu jintfew biex jevitaw konsum bla kontroll ta’ servizzi tar-roaming tad-data.

Article 14 2

2.   Messaġġ awtomatiku mill-fornitur tar-roaming għandu jinforma lill-klijenti tar-roaming li dawn tal-aħħar ikunu qed jużaw servizzi tar-roaming regolati tad-data, u għandu jipprovdi informazzjoni personalizzata bażika dwar it-tariffi, bil-munita tal-kont tal-pajjiż tal-oriġini pprovdut mill-fornitur domestiku tal-klijent, applikabbli għall-forniment ta’ servizzi tar-roaming regolati tad-data lil dawk il-klijenti tar-roaming fl-Istat Membru kkonċernat, għajr meta l-klijenti jkunu nnotifikaw lill-fornitur tar-roaming li ma jeħtiġux dik l-informazzjoni.

Dik l-informazzjoni personalizzata bażika dwar it-tariffi għandha tinkludi informazzjoni dwar:

(a)

kwalunkwe politika ta’ użu ġust li l-klijenti tar-roaming huma soġġetti għaliha fl-Unjoni kollha u t-tariffi supplimentari applikabbli għall-użu li jaqbeż kwalunkwe limitu skont dik il-politika ta’ użu ġust; u

(b)

kwalunkwe tariffa supplimentari applikata skont l-Artikolu 6.

L-informazzjoni għandha tintbagħat direttament lill-apparat mobbli tal-klijenti tar-roaming, pereżempju b’messaġġ SMS, b’email, b’messaġġ testwali jew b’pop-up fuq l-apparat mobbli, kull darba li l-klijenti tar-roaming jidħlu fi Stat Membru li mhux dak tal-fornitur domestiku tagħhom u jibdew servizz għall-ewwel darba ta’ roaming tad-data f’dak l-Istat Membru partikolari. Din għandha tintbagħat mingħajr ħlas fil-mument meta l-klijenti tar-roaming jibdew servizz tar-roaming regolat tad-data, permezz ta’ mezz xieraq li jista’ jasal u jinftiehem faċilment.

Il-klijenti li jkunu nnotifikaw lill-fornitur tar-roaming tagħhom li huma ma jeħtiġux l-informazzjoni awtomatika dwar it-tariffi, għandu jkollhom id-dritt li fi kwalunkwe ħin u mingħajr ħlas jitolbu lill-fornitur tar-roaming biex jerġa’ jipprovdi dan is-servizz.

Article 14 3

3.   Il-fornitur tar-roaming għandu jibgħat notifika meta jiġi kkunsmat il-volum kollu ta’ użu ġust applikabbli għas-servizzi tar-roaming regolati tad-data jew meta jintlaħaq kwalunkwe limitu massimu għall-użu applikat skont l-Artikolu 6. Dik in-notifika għandha tindika t-tariffa supplimentari li se tiġi applikata għal kwalunkwe konsum addizzjonali tas-servizzi tar-roaming regolati tad-data min-naħa tal-klijent tar-roaming. Il-klijenti kollha għandu jkollhom id-dritt li jitolbu lill-fornitur tar-roaming biex ma jibqax jibgħat dawn in-notifiki u għandu jkollhom id-dritt li fi kwalunkwe ħin u mingħajr ħlas jitolbu lill-fornitur tar-roaming biex jerġa’ jibda jipprovdi s-servizz.

Article 14 4

4.   Kull fornitur tar-roaming għandu jagħti lill-klijenti tar-roaming kollha tiegħu mingħajr ħlas aċċess għal faċilità li tipprovdi informazzjoni fil-ħin dwar il-konsum akkumulat, espressa bħala volum jew bil-munita tal-fatturar tal-klijent tar-roaming għas-servizzi tar-roaming regolati tad-data u li tiggarantixxi li, mingħajr il-kunsens espliċitu tal-klijent, in-nefqa akkumulata għas-servizzi tar-roaming regolati tad-data tul perjodu speċifikat tal-użu, għajr il-messaġġi MMS iffatturati abbażi ta’ kull unità, ma taqbiżx limitu finanzjarju speċifikat. Il-klijenti jistgħu jinnotifikaw lill-fornitur tar-roaming li ma jeħtiġux aċċess għal tali faċilità.

Għal dak il-għan, il-fornitur tar-roaming għandu jagħmel disponibbli limitu finanzjarju massimu wieħed jew aktar għal perjodi speċifikati tal-użu, diment li l-klijenti jkunu informati minn qabel dwar l-ammonti tal-volum korrispondenti. Wieħed minn dawk il-limiti (il-limitu finanzjarju awtomatiku) għandu jkun viċin u ma għandux jaqbeż il-EUR 50 ta’ tariffi pendenti għal kull perjodu ta’ fatturar ta’ kull xahar, eskluża l-VAT.

Inkella, il-fornitur tar-roaming jista’ jistabbilixxi limiti espressi f’volum, diment li l-klijenti jkunu informati minn qabel dwar l-ammonti finanzjarji korrispondenti. Wieħed minn dawk il-limiti (il-limitu tal-volum awtomatiku) għandu jkollu ammont finanzjarju korrispondenti li ma jaqbiżx il-EUR 50 ta’ tariffi pendenti għal kull perjodu ta’ fatturar ta’ kull xahar, eskluża l-VAT.

Barra minn hekk, il-fornitur tar-roaming jista’ joffri limiti oħra lill-klijenti tar-roaming tiegħu b’limiti massimi finanzjarji differenti ta’ kull xahar, jiġifieri, ogħla jew aktar baxxi.

Il-limiti awtomatiċi msemmija fit-tieni u t-tielet subparagrafi għandu jkun applikabbli għall-klijenti kollha li ma jkunux għażlu limitu ieħor.

Kull fornitur tar-roaming għandu wkoll jiżgura li tintbagħat direttament notifika xierqa lill-apparat mobbli tal-klijent tar-roaming, pereżempju b’messaġġ SMS, b’email, b’messaġġ testwali jew b’pop-up fuq il-kompjuter, meta s-servizzi tar-roaming tad-data jkunu laħqu t-80 % tal-limitu finanzjarju jew tal-volum miftiehem. Il-klijenti kollha għandu jkollhom id-dritt li jitolbu lill-fornitur tar-roaming biex ma jibqax jibgħat notifiki ta’ dan it-tip u għandu jkollhom id-dritt li fi kwalunkwe ħin u mingħajr ħlas jitolbu lill-fornitur tar-roaming biex jerġa’ jibda jipprovdi s-servizz.

Meta l-limitu finanzjarju jew tal-volum jinqabeż mod ieħor, għandha tintbagħat notifika lill-apparat mobbli tal-klijent tar-roaming. Meta klijenti tar-roaming soġġetti għal limitu finanzjarju awtomatiku jew limitu tal-volum awtomatiku kif imsemmi fil-ħames subparagrafu jikkonsmaw aktar minn EUR 100 f’perjodu ta’ fatturazzjoni ta’ kull xahar, eskluża l-VAT, għandha tintbagħat notifika addizzjonali lill-apparat mobbli ta’ dawk il-klijenti tar-roaming. Dawk in-notifiki għandhom jindikaw il-proċedura li trid tintuża jekk il-klijenti jixtiequ jissoktaw il-forniment ta’ dawn is-servizzi u jerfgħu il-kost assoċjat ma’ kull unità addizzjonali kkonsmata. Jekk il-klijenti tar-roaming ma jwiġbux kif mitlub fin-notifika li rċevew, il-fornitur tar-roaming għandu jwaqqaf minnufih il-forniment u l-impożizzjoni tat-tariffi għas-servizzi tar-roaming regolati tad-data lill-klijenti tar-roaming, sakemm il-klijenti tar-roaming ma jkunux talbu li jissokta jew jiġġedded il-forniment ta’ dawn is-servizzi.

Kull meta klijenti tar-roaming jitolbu t-tneħħija jew l-istabbiliment mill-ġdid tal-faċilità ta’ limitu finanzjarju jew tal-volum, il-bidla għandha ssir fi żmien jum wieħed tax-xogħol mill-wasla tat-talba, għandha tkun mingħajr ħlas, u ma għandhiex tinvolvi kundizzjonijiet jew restrizzjonijiet relatati ma’ elementi oħra tal-abbonament.

Article 14 5

5.   Il-paragrafi 2 u 4 ma għandhomx japplikaw għall-apparati minn magna għal magna li jużaw komunikazzjoni mobbli tad-data.

Article 14 6

6.   Il-fornituri tar-roaming għandhom jieħdu l-passi kollha raġonevoli biex jipproteġu lill-klijenti tagħhom milli jħallsu tariffi tar-roaming għal aċċess involontarju għas-servizzi tar-roaming meta jkunu fl-Istat Membru tagħhom. Dan għandu jinkludi informazzjoni lill-klijenti dwar kif effettivament jistgħu jevitaw ir-roaming involontarju fir-reġjuni tal-fruntieri.

Article 14 7

7.   Il-fornituri tar-roaming għandhom jieħdu l-passi raġonevoli kollha biex jipproteġu lill-klijenti tagħhom milli jħallsu tariffi addizzjonali għal servizzi ta’ data għall-konnessjoni involontarja ma’ networks mobbli pubbliċi mhux terrestri, pereżempju billi tingħata l-possibbiltà lill-klijenti tar-roaming li ma jikkonnettjawx ma’ networks mhux terrestri. Meta jiġi offrut mekkaniżmu ta’ rinunzja fakultattiva bħal dan, il-klijenti għandu jkollhom id-dritt li ma jużawx networks mhux terrestri fi kwalunkwe ħin, faċilment u mingħajr ħlas u li jitolbu li l-konnessjoni terġa’ tiġi stabbilita ma’ dawn in-networks.

Article 14 8

8.   Għajr il-paragrafu 2, it-tieni subparagrafu, il-paragrafu 3 u l-paragrafu 6, u soġġett għat-tieni u t-tielet subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, dan l-Artikolu għandu japplika wkoll kemm għas-servizzi tar-roaming tad-data użati mill-klijenti tar-roaming, meta jkunu qed jikkonettjaw ma’ networks pubbliċi ta’ komunikazzjoni mobbli mhux terrestri nazzjonali jew internazzjonali provduti minn fornitur tar-roaming kif ukoll għas-servizzi tar-roaming tad-data użati mill-klijenti tar-roaming li jivvjaġġaw barra mill-Unjoni u pprovduti minn fornitur tar-roaming.

Fir-rigward tal-faċilità msemmija fil-paragrafu 4, l-ewwel subparagrafu, ir-rekwiżiti previsti fil-paragrafu 4 ma għandhomx japplikaw jekk l-operatur tan-network miżjur fil-pajjiż miżjur barra mill-Unjoni ma jkunx jippermetti lill-fornitur tar-roaming jimmonitorja l-użu tal-klijenti tiegħu f’ħin reali.

F’dak il-każ, il-klijenti għandhom jiġi nnotifikati b’messaġġ SMS meta jidħlu f’pajjiż bħal dan, mingħajr dewmien żejjed u mingħajr ħlas, li l-informazzjoni dwar il-konsum akkumulat u l-garanzija li ma jinqabiżx limitu finanzjarju speċifikat, mhijiex disponibbli.

1.1 Referenzi

1.2 Rekwiżiti identifikati

1.3 Standards relatati

2. Rekwiżiti identifikati

Rekwiżiti
Sors Rekwiżit

3. Standards relatati

Standards
Sors Rekwiżit
  • Builddate: 13.04.2022 00:00:00 -Doknr: CELEX:32022R0612
  • EULAW -

    EN: Legal acts of the European Union from EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © European Union. Re-use is authorised by Decision 2011/833/EU, provided the source is acknowledged; the consolidated texts are licensed under CC BY 4.0 (EUR-Lex legal notice). Divided into sections and converted into the GRCA format, the wording unchanged. Only the legislation published in the Official Journal of the European Union is deemed authentic.

    DE: Rechtsakte der Europäischen Union aus EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © Europäische Union. Weiterverwendung nach Beschluss 2011/833/EU mit Quellenangabe gestattet; die konsolidierten Fassungen stehen unter CC BY 4.0 (Rechtlicher Hinweis von EUR-Lex). In Abschnitte aufgeteilt und in das GRCA-Format umgewandelt, der Wortlaut unverändert. Verbindlich sind allein die im Amtsblatt der Europäischen Union veröffentlichten Rechtsakte.