+ANNESS XIV

ANNESS XIV




ANNESS XIV

REKWIŻITI MINIMI GĦAL VJEĠĠI TA’ BATTERIJI UŻATI

1. Sabiex issir distinzjoni bejn il-batteriji użati u l-iskart ta’ batteriji, fejn id-detentur, jiġifieri l-persuna fiżika jew ġuridika fil-pussess tal-batteriji użati jew tal-iskart ta’ batteriji, jiddikjara li għandu l-intenzjoni li jittrasporta jew li qiegħed jittrasporta batteriji użati u mhux skart ta’ batteriji, dak id-detentur għandu jkun meħtieġ li jkollu disponibbli dan li ġej biex jissostanzja dik id-dikjarazzjoni:

(a) 

kopja tal-fattura u tal-kuntratt relatati mal-bejgħ jew mat-trasferiment tas-sjieda tal-batteriji li jiddikjaraw li l-batteriji huma maħsuba għal użu mill-ġdid dirett u li huma kompletament funzjonali;

(b) 

evidenza tal-evalwazzjoni jew l-ittestjar f’forma ta’ kopja tar-reġistri, bħaċ-ċertifikat tal-ittestjar, prova tal-funzjonalità għal kull batterija jew frazzjoni tagħha fil-konsenja, u l-protokoll li jkun fih l-informazzjoni kollu dwar ir-reġistri f’konformità mal-punt 3;

(c) 

dikjarazzjoni li tkun saret mid-detentur li ebda materjal jew tagħmir fil-konsenja mhuwa skart kif definit bl-Artikolu 3, il-punt (1), tad-Direttiva 2008/98/KE; u

(d) 

protezzjoni adatta kontra ħsara waqt it-trasportazzjoni, it-tagħbija u l-ħatt, b’mod partikolari permezz ta’ imballaġġ suffiċjenti u arranġament adatt tat-tagħbija.

2. Il-punt 1(a) u (b) u l-punt 3 ma għandux japplika meta jintwera permezz ta’ provi dokumentati li l-vjeġġ ikun qiegħed isir fil-qafas ta’ ftehim ta’ trasferiment minn negozju għal ieħor u li:

(a) 

il-batterija użata tintbagħat lura lill-produttur jew lil parti terza li taġixxi f’ismu għat-tiswija taħt garanzija bl-intenzjoni tal-użu mill-ġdid; jew

(b) 

jekk il-batterija użata hija għal użu professjonali, tintbagħat lill-produttur jew lil parti terza li taġixxi f’ismu jew faċilità ta’ parti terza f’pajjiżi li għalihom tapplika d-Deċiżjoni C(2001)107/Final tal-Kunsill OECD dwar il-Kontroll ta’ Movimenti Transkonfinali tal-Iskart Destinat għal Operazzjonijiet ta’ Rkupru, għall-manutenzjoni jew it-tiswija skont kuntratt validu bl-intenzjoni tal-użu mill-ġdid; jew

(c) 

jekk il-batterija użata hija għal użu professjonali u hija difettuża, tintbagħat lill-produttur jew lil parti terza li taġixxi f’ismu għall-analiżi tal-kawża prinċipali skont kuntratt validu, f’każijiet fejn tali analiżi tista’ titwettaq biss mill-produttur jew minn partijiet terzi li jaġixxu f’ismu.

3. Sabiex jintwera li l-batteriji li jkunu qed jiġu ttrasportati jikkostitwixxu batteriji użati, u mhux skart ta’ batteriji, id-detentur tagħhom għandu jwettaq il-passi li jmiss għall-ittestjar u ż-żamma ta’ reġistri:

Pass 1: Ittestjar
(a) 

il-batterija għandha tiġi ttestjata għall-istat tas-saħħa tagħha u l-preżenza ta’ sustanzi perikolużi għandha tiġi evalwata;

(b) 

ir-riżultati tal-evalwazzjoni u l-ittestjar imsemmija fil-punt (a) għandhom jiġu rreġistrati.

Pass 2: Reġistru
(a) 

ir-reġistru għandu jitwaħħal b’mod sigur iżda mhux permanenti fuq il-batterija użata stess, jekk il-batterija użata ma tkunx ġiet ippakkjata, jew inkella fuq l-imballaġġ, sabiex ikun jista’ jinqara mingħajr ma jitneħħa l-imballaġġ;

(b) 

ir-reġistru għandu jinkludi l-informazzjoni li ġejja:

— 
l-isem tal-batterija jew il-frazzjoni tagħha,
— 
in-numru tal-identifikazzjoni tal-batterija jew il-frazzjoni tagħha, fejn applikabbli,
— 
is-sena tal-produzzjoni, jekk disponibbli,
— 
l-isem u l-indirizz tal-kumpanija responsabbli għall-ittestjar tal-istat tas-saħħa,
— 
it-tipi ta’ testijiet imwettqa fl-istadju 1,
— 
ir-riżultati tat-testijiet kif imwettqa għall-istadju 1, inkluż id-data tat-testijiet.

4. Minbarra d-dokumentazzjoni meħtieġa fil-punti 1, 2 u 3, kull tagħbija (per eżempju kontejner tat-trasport jew trakk, ta’ batteriji użati għandha tkun akkumpanjata minn:

(a) 

dokument tat-trasport rilevanti; u

(b) 

dikjarazzjoni ta’ responsabbiltà mill-persuna responsabbli għaliha.

5. Fin-nuqqas ta’ prova li oġġett huwa batterija użata u mhux skart ta’ batterija, fil-forma tad-dokumentazzjoni xierqa meħtieġa skont il-punti 1, 2, 3 u 4, u fin-nuqqas ta’ protezzjoni xierqa kontra ħsara matul it-trasportazzjoni, it-tagħbija u l-ħatt, b’mod partikolari permezz tal-imballaġġ suffiċjenti u l-arranġament adatt tat-tagħbija, li huma l-obbligi tad-detentur li jorganizza t-trasport, l-oġġett għandu jitqies skart u għandu jkun preżunt li t-tagħbija hija konsenja illegali. F’tali każijiet, it-tagħbija għandha tiġi ttrattata f’konformità mal-Artikoli 24 u 25 tar-Regolament (KE) Nru 1013/2006.

1. Ħarsa ġenerali

,
Titlu Regolamentazzjoni

1.1 Referenzi

1.2 Rekwiżiti identifikati

1.3 Standards relatati

2. Rekwiżiti identifikati

Rekwiżiti
Sors Rekwiżit

3. Standards relatati

Standards
Sors Rekwiżit
  • Builddate: 13.08.2026 00:00:00 -Doknr: CELEX:32023R1542
  • EULAW -

    EN: Legal acts of the European Union from EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © European Union. Re-use is authorised by Decision 2011/833/EU, provided the source is acknowledged; the consolidated texts are licensed under CC BY 4.0 (EUR-Lex legal notice). Divided into sections and converted into the GRCA format, the wording unchanged. Only the legislation published in the Official Journal of the European Union is deemed authentic.

    DE: Rechtsakte der Europäischen Union aus EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © Europäische Union. Weiterverwendung nach Beschluss 2011/833/EU mit Quellenangabe gestattet; die konsolidierten Fassungen stehen unter CC BY 4.0 (Rechtlicher Hinweis von EUR-Lex). In Abschnitte aufgeteilt und in das GRCA-Format umgewandelt, der Wortlaut unverändert. Verbindlich sind allein die im Amtsblatt der Europäischen Union veröffentlichten Rechtsakte.