1. Meta, f’żona partikolari, ikun hemm ir-riskju li l-livell ta’ sustanzi niġġiesa jaqbeż wieħed jew iktar mil-livelli limitu ta’ allert speċifikati fit-Taqsima 4 tal-Anness I, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu pjanijiet ta’ azzjoni għal żmien qasir li jindikaw il-miżuri ta’ emerġenza li għandhom jittieħdu għal perjodu qasir sabiex jitnaqqsu r-riskju jew id-durata ta’ tali qabża.
Madankollu, meta jkun hemm riskju li l-livell limitu ta’ allert fir-rigward tal-ożonu se jinqabeż, l-Istati Membri jistgħu joqgħodu lura milli jistabbilixxu tali pjanijiet ta’ azzjoni għal żmien qasir meta ma jkun hemm l-ebda potenzjal sinifikanti, filwaqt li jitqiesu l-kundizzjonijiet ġeografiċi, meteoroloġiċi u ekonomiċi nazzjonali, li jitnaqqsu r-riskju, id-durata jew il-gravità ta’ tali qabża.
Meta, għall-materja partikolata (PM10 u PM2,5), il-potenzjal li jitnaqqas ir-riskju ta’ tali qbiż ikun limitat ħafna, filwaqt li jitqiesu l-kundizzjonijiet ġeografiċi u meteoroloġiċi lokali u l-ispeċifiċitajiet tas-sistemi tat-tisħin domestiku, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu pjan ta’ azzjoni għal żmien qasir li jiffoka biss fuq azzjonijiet speċifiċi li jkollhom l-għan li jipproteġu kemm il-pubbliku ġenerali kif ukoll il-popolazzjoni sensittiva u l-gruppi vulnerabbli, kif ukoll informazzjoni li tinftiehem faċilment dwar l-imġiba rakkomandata biex jitnaqqas l-esponiment għall-qbiż imkejjel jew previst.