2. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu u jagħmlu disponibbli permezz ta’ sors pubbliku, b’mod li jinftiehem faċilment, indiċi tal-kwalità tal-arja li jkopri aġġornamenti ta’ kull siegħa dwar mill-inqas id-diossidu tal-kubrit, id-diossidu tan-nitroġenu, il-materja partikolata (PM10 u PM2,5) u l-ożonu, dment li jkun hemm obbligu li dawk is-sustanzi niġġiesa jiġu mmonitorjati skont din id-Direttiva. Dak l-indiċi jista’ jinkludi sustanzi niġġiesa addizzjonali, meta dan ikun rilevanti. Sa fejn ikun possibbli, l-indiċi tal-kwalità tal-arja għandu jkun komparabbli madwar l-Istati Membri kollha u jsegwi r-rakkomandazzjonijiet tal-WHO. L-indiċi tal-kwalità tal-arja għandu jibni fuq l-indiċijiet tal-kwalità tal-arja fuq skala Ewropea pprovduti mill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent u jinkludi informazzjoni rigward l-impatti fuq is-saħħa, inkluża informazzjoni mfassla apposta għall-popolazzjoni sensittiva u l-gruppi vulnerabbli. Inkella, l-Istati Membri jistgħu jużaw l-indiċi tal-kwalità tal-arja pprovdut mill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent biex jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti f’dan il-paragrafu. Jekk Stat Membru jiddeċiedi li ma jużax l-indiċi pprovdut mill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, għandha ssir disponibbli referenza għal dak l-indiċi fil-livell nazzjonali.