+Artikolu 7
---+Artikolu 7 1.
---+Artikolu 7 2.
---+Artikolu 7 3.
---+Artikolu 7 4.
---+Artikolu 7 5.
---+Artikolu 7 6.
---+Artikolu 7 7.
---+Artikolu 7 8.
---+Artikolu 7 9.
---+Artikolu 7 10.
---+Artikolu 7 11.
---+Artikolu 7 12.
---+Artikolu 7 13.

Artikolu 7

1. Ħarsa ġenerali

,
Titlu Regolamentazzjoni
Artikolu 7 1.

L-applikazzjonijiet għar-rikonoxximent ta’ proġett tal-materja prima kritika bħala Proġett Strateġiku għandhom jiġu sottomessi mill-promotur tal-proġett lill-Kummissjoni. L-applikazzjoni għandha tinkludi:

(a) 

evidenza rilevanti relatata mal-issodisfar tal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 6(1);

(b) 

klassifikazzjoni tal-proġett skont il-Klassifikazzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Riżorsi, appoġġata b’evidenza xierqa;

(c) 

skeda taż-żmien għall-implimentazzjoni tal-proġett, inkluż ħarsa ġenerali lejn il-permessi meħtieġa għall-proġett u l-istatus tal-proċess tal-għoti ta’ permessi korrispondenti;

(d) 

pjan b’miżuri li jiffaċilitaw l-aċċettazzjoni pubblika inkluż, meta xieraq, miżuri li jiffaċilitaw l-involviment sinifikanti u l-parteċipazzjoni attiva tal-komunitajiet milquta, l-istabbiliment ta’ kanali tal-komunikazzjoni rikorrenti mal-komunitajiet lokali, inkluż is-sħab soċjali, u l-awtoritajiet rilevanti, u l-implimentazzjoni ta’ kampanji tal-għarfien u tal-informazzjoni, u mekkaniżmi potenzjali ta’ mitigazzjoni u ta’ kumpens;

(e) 

informazzjoni dwar il-kontroll tal-impriżi involuti fil-proġett, kif definit fl-Artikolu 3(2) u (3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 ( 3 ), u, fejn ikunu involuti impriżi multipli, informazzjoni li tispjega l-involviment relattiv ta’ kull impriża fil-proġett;

(f) 

pjan kummerċjali li jevalwa l-vijabbiltà finanzjarja tal-proġett;

(g) 

stima tal-potenzjal tal-proġett li joħloq impjiegi ta’ kwalità u tal-ħtiġijiet tal-proġett mil-lat ta’ ħaddiema kwalifikati, u pjan ta’ ħidma li jappoġġa t-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid u li jippromwovi r-rappreżentazzjoni inklużiva tal-forza tax-xogħol;

(h) 

għall-proġetti f’pajjiżi terzi jew f’PTEEs li jinvolvu l-estrazzjoni, pjan għat-titjib tal-istat ambjentali tas-siti milquta wara tmiem l-isfruttament, bil-ħsieb li jiġi rrestawrat l-istat ambjentali filwaqt li jieħu kont tal-fattibbiltà ekonomika u teknika;

(i) 

għall-proġetti relatati esklużivament mal-ipproċessar jew ir-riċiklaġġ li jinsabu f’żoni protetti skont id-Direttiva 92/43/KEE jew id-Direttiva 2009/147/KE, deskrizzjoni tal-postijiet alternattivi teknikament xierqa, ivvalutati mill-promotur tal-proġett u r-raġunijiet għaliex dawk il-postijiet alternattivi ma jkunux meqjusa bħala postijiet xierqa għall-proġett.

(j) 

għall-proġetti bil-potenzjal li jaffettwaw lill-popli indiġeni, pjan li jkun fih il-miżuri ddedikati għal konsultazzjoni sinifikanti tal-popli indiġeni milquta dwar il-prevenzjoni u l-minimizzazzjoni tal-impatti negattivi fuq id-drittijiet indiġeni u, fejn ikun xieraq, kumpens ġust għal dawk il-popli, kif ukoll miżuri li jindirizzaw l-eżiti tal-konsultazzjoni.

Fejn il-liġi nazzjonali tal-pajjiż li t-territorju tiegħu jkun ikkonċernat minn proġett ikun fiha dispożizzjonijiet għall-konsultazzjoni kif imsemmi fil-punt (j) tal-ewwel subparagrafu u dment li tali konsultazzjoni tkopri l-miri kollha stabbiliti f’dak il-punt, il-pjan jista’ jiġi aġġustat kif xieraq.

Artikolu 7 2.
Sal-24 ta’ Novembru 2024, il-Kummissjoni għandha tadotta att ta’ implimentazzjoni biex tistabbilixxi mudell uniku li għandu jintuża mil-promoturi tal-proġetti għall-applikazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu. Il-mudell uniku jista’ jindika kif għandha tiġi espressa l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat f’konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 39(2).

Il-firxa ta’ dokumentazzjoni meħtieġa biex jimtela l-mudell uniku msemmi fl-ewwel subparagrafu għandha tkun raġonevoli.

Artikolu 7 3.
Il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-applikazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 permezz ta’ sejħa miftuħa b’dati limiti regolari.

L-ewwel tali data limitu għandha tkun mhux aktar tard mill-24 ta’ Awwissu 2024. Il-Kummissjoni għandha tiffissa d-dati limiti mill-inqas erba’ darbiet fis-sena.

Artikolu 7 4.
Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-applikanti fi żmien 30 jum mid-data limitu applikabbli jekk jidhrilha li l-informazzjoni pprovduta fl-applikazzjoni hija kompluta. Jekk l-applikazzjoni ma tkunx kompluta, il-Kummissjoni tista’ tirrikjedi lill-applikant jissottometti l-informazzjoni addizzjonali meħtieġa biex l-applikazzjoni timtela mingħajr dewmien żejjed, filwaqt li tispeċifika liema informazzjoni addizzjonali hija meħtieġa.
Artikolu 7 5.
Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Bord dwar l-applikazzjonijiet kollha li huma meqjusa kompluti f’konformità mal-paragrafu 4.
Artikolu 7 6.
Il-Bord għandu jiltaqa’ regolarment f’konformità mal-Artikolu 36(5) sabiex jiddiskuti u jagħti opinjoni dwar, abbażi ta’ proċess ġust u trasparenti, jekk il-proġetti proposti jissodisfawx il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 6(1).

Il-Kummissjoni għandha tipprovdi lill-Bord bil-valutazzjoni tagħha dwar jekk il-proġetti proposti jissodisfawx il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 6(1) qabel il-laqgħat imsemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu.

Artikolu 7 7.
Il-Kummissjoni għandha tittrażmetti l-applikazzjoni sħiħa lill-Istat Membru, il-pajjiż terz jew il-PTEE li t-territorju tiegħu huwa kkonċernat bil-proġett propost.
Artikolu 7 8.
Abbażi ta’ oġġezzjoni mill-Istat Membru li t-territorju tiegħu jkun ikkonċernat bi proġett propost, il-proġett m’għandux jitqies għal rikonoxximent bħala Proġett Strateġiku. L-Istat Membru kkonċernat għandu jippreżenta raġunijiet sostanzjati għall-oġġezzjoni tiegħu waqt id-diskussjonijiet msemmija fil-paragrafu 6.

Għall-Proġetti Strateġiċi fil-pajjiżi terzi jew il-PTEEs, il-Kummissjoni għandha taqsam l-applikazzjoni riċevuta mal-pajjiż terz jew il-PTEE li t-territorju tiegħu jkun kkonċernat mill-proġett propost. Il-Kummissjoni ma għandhiex tapprova l-applikazzjoni qabel ma tirċievi l-approvazzjoni espliċita ta’ pajjiż terz rilevanti.

Artikolu 7 9.
Il-Kummissjoni għandha, filwaqt li tqis l-opinjoni tal-Bord imsemmija fil-paragrafu 6, tadotta d-deċiżjoni tagħha dwar ir-rikonoxximent tal-proġett bħala Proġett Strateġiku fi żmien 90 jum minn meta tkun irrikonoxxiet li l-applikazzjoni hija kompluta f’konformità mal-paragrafu 4 u għandha tinnotifika lill-applikant dwar dan.

Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni għandha tkun motivata. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi d-deċiżjoni tagħha lill-Bord u lill-Istat Membru jew pajjiż terz li t-territorju tiegħu huwa kkonċernat bil-proġett.

Artikolu 7 10.
F’każijiet eċċezzjonali, fejn in-natura, il-kumplessità jew id-daqs ta’ applikazzjoni jirrikjedu dan jew fejn l-għadd ta’ applikazzjonijiet rċevuti qabel data limitu partikolari jkun kbir wisq għall-ipproċessar ta’ applikazzjonijiet fil-limitu ta’ żmien imsemmi fil-paragrafu 9, il-Kummissjoni tista’, fuq bażi ta’ każ b’każ u mhux aktar tard minn 20 jum qabel l-iskadenza tal-limitu ta’ żmien msemmi fil-paragrafu 9, testendi dak il-limitu ta’ żmien b’massimu ta’ 90 jum. F’dak il-każ, il-Kummissjoni għandha tinforma bil-miktub lill-promotur tal-proġett bir-raġunijiet li jiġġustifikaw l-estensjoniu bil-limitu ta’ żmien għad-deċiżjoni.
Artikolu 7 11.
Fejn il-Kummissjoni ssib li Proġett Strateġiku ma għadux jissodisfa l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 6(1) jew, fejn ir-rikonoxximent tiegħu kien ibbażat fuq applikazzjoni li fiha informazzjoni li hija żbaljata, sal-punt li din taffettwa l-konformità tagħha mal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 6(1), din tista’, filwaqt li tqis l-opinjoni tal-Bord, tirtira r-rikonoxximent ta’ proġett bħala Proġett Strateġiku.

Qabel ma tadotta deċiżjoni biex tirtira rikonoxximent, il-Kummissjoni għandha tipprovdi lill-promotur tal-proġett bir-raġunijiet għad-deċiżjoni tagħha, il-promotur tal-proġett għandu jingħata l-opportunità li jwieġeb u l-Kummissjoni għandha tieħu kont tar-risposta tal-promotur tal-proġett.

Artikolu 7 12.
Il-proġetti li ma jibqgħux rikonoxxuti bħala Proġetti Strateġiċi għandhom jitilfu d-drittijiet kollha marbuta ma’ dak l-istatus skont dan ir-Regolament.
Artikolu 7 13.
Il-Proġetti Strateġiċi li m’għadhomx jissodisfaw il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 6(1) unikament minħabba aġġornament tal-Anness I għandhom jitħallew iżommu l-istatus tagħhom ta’ Proġetti Strateġiċi għal tliet snin mid-data ta’ dak l-aġġornament.

1.1 Referenzi

1.2 Rekwiżiti identifikati

1.3 Standards relatati

2. Rekwiżiti identifikati

Rekwiżiti
Sors Rekwiżit

3. Standards relatati

Standards
Sors Rekwiżit
  • Builddate: 03.05.2024 00:00:00 -Doknr: CELEX:32024R1252
  • EULAW -

    EN: Legal acts of the European Union from EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © European Union. Re-use is authorised by Decision 2011/833/EU, provided the source is acknowledged; the consolidated texts are licensed under CC BY 4.0 (EUR-Lex legal notice). Divided into sections and converted into the GRCA format, the wording unchanged. Only the legislation published in the Official Journal of the European Union is deemed authentic.

    DE: Rechtsakte der Europäischen Union aus EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © Europäische Union. Weiterverwendung nach Beschluss 2011/833/EU mit Quellenangabe gestattet; die konsolidierten Fassungen stehen unter CC BY 4.0 (Rechtlicher Hinweis von EUR-Lex). In Abschnitte aufgeteilt und in das GRCA-Format umgewandelt, der Wortlaut unverändert. Verbindlich sind allein die im Amtsblatt der Europäischen Union veröffentlichten Rechtsakte.