1. Waqt il-preparazzjoni tal-kodiċijiet tan-network, l-abbozz tal-pjan tal-iżvilupp tan-network għall-gass naturali għall-Unjoni kollha u l-programm ta’ ħidma annwali msemmija fl-Artikolu 26(1), (2) u (3), l-ENTSO tal-Gass għandu jwettaq proċess ta’ konsultazzjoni pubblika, fi stadju bikri u b’mod miftuħ u trasparenti, mal-parteċipanti rilevanti kollha fis-suq, u, b’mod partikolari, mal-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lill-partijiet ikkonċernati kollha, f’konformità mar-regoli ta’ proċedura msemmija fl-Artikolu 25(1). Dik il-konsultazzjoni għandha tinvolvi wkoll awtoritajiet regolatorji u awtoritajiet nazzjonali oħrajn, impriżi ta’ provvista u produzzjoni, l-utenti tan-network inklużi l-klijenti, operaturi tas-sistemi ta’ distribuzzjoni, inklużi assoċjazzjonijiet relevanti fl-industrija, korpi tekniċi u pjattaformi ta’ partijiet ikkonċernati u pertinenti. L-ENTSO tal-Gass għandu jippubblika abbozzi tal-kodiċijiet tan-network, tal-pjan tal-iżvilupp tan-network għall-gass naturali għall-Unjoni kollha u tal-programm ta’ ħidma annwali għal kummenti mill-partijiet ikkonċernati u jagħtihom biżżejjed żmien biex jipparteċipaw fil-proċess ta’ konsultazzjoni b’mod effettiv. L-għan ta’ dik il-konsultazzjoni huwa li jiġu identifikati l-fehmiet u l-proposti tal-partijiet interessati rilevanti fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet.