1. Il-funzjonijiet tan-network tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru għandhom iwasslu għall-użu sostenibbli u effiċjenti tal-ispazju tal-ajru u tar-riżorsi skarsi. Għandhom jiżguraw ukoll li l-utenti tal-ispazju tal-ajru jistgħu joperaw trajettorji u profili tat-titjir ottimizzati għall-ambjent u għall-klima filwaqt li jippermettu aċċess ġust u raġonevoli għall-ispazju tal-ajru u għas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru u jimminimizzaw il-konġestjoni. Il-funzjonijiet tan-network stipulati fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu għandhom jappoġġaw l-aċċess bla xkiel għas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru mill-utenti tal-ispazju tal-ajru kif ukoll il-kisba tal-miri ta’ prestazzjoni għall-Unjoni kollha, imsemmija fl-Artikolu 21(3), il-punt (b), u għandhom ikunu bbażati fuq rekwiżiti operazzjonali. L-implimentazzjoni ta’ dawk il-funzjonijiet tan-network għandhom jirrispettaw id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 1, u għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għas-sovranità tal-Istati Membri fuq l-ispazju tal-ajru tagħhom u għar-rekwiżiti tagħhom fir-rigward tal-ordni pubbliku, is-sigurtà pubblika u kwistjonijiet ta’ difiża.