6. Meta l-operatur ekonomiku ma jiħux azzjoni korrettiva fil-perjodu ta' żmien imsemmi fil-paragrafu 3, l-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq għandhom jieħdu l-miżuri proviżorji xierqa kollha biex jipprojbixxu jew jirrestrinġu t-tqegħid tad-deterġent jew l-aġent tensjoattiv fis-suq nazzjonali tagħhom, biex jirtirawh minn dak is-suq jew biex isejħuh lura.
L-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq tal-Istati Membri l-oħra, mingħajr dewmien, bi kwalunkwe miżura li jieħdu skont l-ewwel subparagrafu. Dik l-informazzjoni għandha tinkludi d-dettalji disponibbli kollha, partikolarment id-data neċessarja għall-identifikazzjoni tad-deterġent jew l-aġent tensjoattiv li mhux konformi, l-oriġini ta’ dak id-deterġent jew l-aġent tensjoattiv, in-natura tal-allegat nuqqas ta' konformità u r-riskju involut, in-natura u d-durata tal-miżuri meħuda u l-argumenti mressqa mill-operatur ekonomiku rilevanti.