+Artikolu 104 Inklużjoni fil-portafoll tan-negozjar
---+Artikolu 104 1.
---+Artikolu 104 2.
---+Artikolu 104 3.
---+Artikolu 104 4.
---+Artikolu 104 5.
---+Artikolu 104 6.
---+Artikolu 104 7.
---+Artikolu 104 8.
---+Artikolu 104 9.

Artikolu 104 Inklużjoni fil-portafoll tan-negozjar

-

1. Ħarsa ġenerali

,
Titlu Regolamentazzjoni
Artikolu 104 1.
Istituzzjoni għandu jkollha fis-seħħ politiki u proċeduri ddefiniti b'mod ċar għad-determinazzjoni ta' liema pożizzjonijiet għandhom jiġu inklużi fil-portafoll tan-negozjar sabiex jiġu kkalkulati r-rekwiżiti ta' fondi proprji tagħha, f'konformità mal-Artikolu 102 u ma' dan l-Artikolu, filwaqt li jitqiesu l-kapaċitajiet u l-prattiki tal-ġestjoni tar-riskju tagħha. Istituzzjoni għandha tiddokumenta bis-sħiħ il-konformità tagħha ma' dawn il-politiki u l-proċeduri, għandha tippreżentahom għal awditu intern tal-anqas fuq bażi annwali u għandha tagħmel ir-riżultati ta' dak l-awditu disponibbli għall-awtoritajiet kompetenti.

Istituzzjoni għandu jkollha fis-seħħ funzjoni indipendenti għall-kontroll tar-riskju li għandha tevalwa, fuq bażi kontinwa, jekk l-istrumenti tagħha humiex qed jiġu assenjati kif suppost lill-portafoll tan-negozjar jew lill-portafoll mhux tan-negozjar.

Artikolu 104 2.

L-istituzzjonijiet għandhom jassenjaw il-pożizzjonijiet fl-istrumenti li ġejjin lill-portafoll tan-negozjar:

(a) 

strumenti li jissodisfaw il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 325(6), (7) u (8), għall-inklużjoni fil-portafoll kummerċjali ta' korrelazzjoni alternattiv (ACTP);

(b) 

strumenti li jwasslu għal pożizzjoni ta' kreditu jew ta' ekwità bin-nieqes netta fil-portafoll mhux tan-negozjar, bl-eċċezzjoni tal-obbligazzjonijiet proprji tal-istituzzjoni, sakemm tali pożizzjonijiet ma jissodisfawx il-kriterji msemmija fil-punt (e);

(c) 

strumenti li jirriżultaw minn impenji ta' sottoskrizzjoni tat-titoli, meta dawk l-impenji ta' sottoskrizzjoni jkunu relatati biss ma' titoli li huma mistennija li jkunu mixtrijin mill-istituzzjoni fid-data tas-saldu;

(d) 

strumenti kklassifikati b'mod mhux ambigwu bħala li għandhom għan ta' negozjar skont il-qafas kontabilistiku applikabbli għall-istituzzjoni;

(e) 

strumenti li jirriżultaw minn attivitajiet ta' ġenerazzjoni tas-suq;

(f) 

pożizzjonijiet miżmuma b'intenzjoni ta' negozjar, dment li dawk is-CIUs jissodisfaw mill-inqas waħda mill-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 8;

(g) 

ekwitajiet elenkati;

(h) 

tranżazzjonijiet li jiffinanzjaw it-titoli relatati man-negozjar;

(i) 

opzjonijiet, jew derivati oħrajn, inkorporati fl-obbligazzjonijiet proprji tal-istituzzjoni jew minn strumenti oħrajn fil-portafoll mhux tan-negozjar li jirrigwardjaw ir-riskju ta' kreditu jew ir-riskju ta' ekwità.

Għall-finijiet tal-ewwel subparagrafu, il-punt (b), istituzzjoni għandu jkollha pożizzjoni qasira netta ta' ekwità fejn tnaqqis fil-prezz tal-ekwità jirriżulta fi profitt għall-istituzzjoni. Istituzzjoni għandu jkollha pożizzjoni qasira netta ta' kreditu fejn il-firxa tal-kreditu tiżdied, jew id-deterjorament fl-affidabbiltà kreditizja tal-emittent jew tal-grupp ta' emittenti jirriżulta fi profitt għall-istituzzjoni. L-istituzzjonijiet għandhom jimmonitorjaw kontinwament jekk l-istrumenti jagħtux lok għal pożizzjoni ta' kreditu jew ta' ekwità bin-nieqes netta fil-portafoll mhux tan-negozjar.

Għall-finijiet tal-ewwel subparagrafu, il-punt (i), istituzzjoni għandha taqsam l-għażla inkorporata, jew derivattiv ieħor, mill-obbligazzjoni tagħha stess fil-portafoll mhux tan-negozjar li jirrigwarda r-riskju ta' kreditu jew ir-riskju ta' ekwità. Hija għandha tassenja l-għażla inkorporata, jew derivattiv ieħor, lill-portafoll tan-negozjar u għandha tħalli l-obbligazzjoni tagħha stess fil-portafoll mhux tan-negozjar. Jekk minħabba n-natura tiegħu, ma jkunx possibbli li l-istrument jinqasam, istituzzjoni għandha tassenja l-istrument kollu lill-portafoll tan-negozjar. F'każ bħal dan, hija għandha tiddokumenta debitament ir-raġuni għall-applikazzjoni ta' dak it-trattament.

Artikolu 104 3.

L-istituzzjonijiet ma għandhomx jassenjaw pożizzjonijiet fl-istrumenti li ġejjin lill-portafoll tan-negozjar:

(a) 

strumenti speċifikati għar-realizzazzjoni tat-titolizzazzjoni;

(b) 

strumenti relatati ma' parteċipazzjonijiet ta' proprjetà immobbli;

(c) 

ekwitajiet mhux elenkati;

(d) 

strumenti relatati mal-kreditu fil-livell tal-konsumatur u tal-SMEs;

(e) 

pożizzjonijiet f'CIUs oħrajn għajr dawk imsemmija fil-paragrafu 2, il-punt (f);

(f) 

kuntratti tad-derivattivi u CIUs bi strument sottostanti wieħed jew aktar imsemmija fil-punti minn (a) sa (d) ta' dan il-paragrafu;

(g) 

strumenti miżmumin għall-iħħeġġjar ta' riskju partikolari ta' pożizzjoni waħda jew aktar fi strument imsemmi fil-punti (a) sa (f), (h) u (i) ta' dan il-paragrafu;

(h) 

obbligazzjonijiet proprji tal-istituzzjoni, sakemm tali strumenti ma jissodisfawx il-kriterji msemmija fil-paragrafu 2, il-punt (e), jew il-kriterji msemmija fil-paragrafu 2, it-tielet subparagrafu;

(i) 

strumenti f'fondi spekulattivi.

Artikolu 104 4.
B'deroga mill-paragrafu 2, istituzzjoni tista' tassenja lill-portafoll mhux tan-negozjar pożizzjoni fi strument imsemmi fil-punti (d) sa (i) ta' dak il-paragrafu, soġġetta għall-approvazzjoni tal-awtorità kompetenti tagħha. L-awtorità kompetenti għandha tagħti l-approvazzjoni tagħha meta l-istituzzjoni tkun uriet għas-sodisfazzjon tal-awtorità kompetenti tagħha li l-pożizzjoni ma tkunx miżmuma b'intenzjoni ta' negozjar jew ma tiħħeġġjax pożizzjonijiet miżmumin b'intenzjoni ta' negozjar.
Artikolu 104 5.
B'deroga mill-paragrafu 3, istituzzjoni tista' tassenja lill-portafoll tan-negozjar pożizzjoni fi strument imsemmi fil-punt (i) ta' dak il-paragrafu, soġġetta għall-approvazzjoni tal-awtorità kompetenti tagħha. L-awtorità kompetenti għandha tagħti l-approvazzjoni tagħha meta l-istituzzjoni tkun uriet għas-sodisfazzjon tal-awtorità kompetenti tagħha li l-pożizzjoni hija miżmuma b'intenzjoni ta' negozjar jew tiħħeġġja pożizzjonijiet miżmumin b'intenzjoni ta' negozjar u li l-istituzzjoni tissodisfa mill-inqas waħda mill-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 8 għal dik il-pożizzjoni.
Artikolu 104 6.
Meta istituzzjoni tkun assenjat pożizzjoni fil-portafoll tan-negozjar fi strument għajr l-istrumenti msemmija fil-paragrafu 2, il-punt (a), (b) jew (c), l-awtorità kompetenti tal-istituzzjoni tista' titlob lill-istituzzjoni tipprovdi evidenza sabiex tiġġustifika tali assenjazzjoni. Meta l-istituzzjoni tonqos milli tipprovdi evidenza xierqa, l-awtorità kompetenti tagħha tista' titlob lill-istituzzjoni tassenja mill-ġdid dik il-pożizzjoni għall-portafoll mhux tan-negozjar.
Artikolu 104 7.
Meta istituzzjoni tkun assenjat pożizzjoni fil-portafoll mhux tan-negozjar fi strument għajr l-istrumenti msemmija fil-paragrafu 3, l-awtorità kompetenti tal-istituzzjoni tista' titlob lill-istituzzjoni tipprovdi evidenza li tiġġustifika tali assenjazzjoni. Meta l-istituzzjoni tonqos milli tipprovdi evidenza xierqa, l-awtorità kompetenti tagħha tista' titlob lill-istituzzjoni tassenja mill-ġdid dik il-pożizzjoni għall-portafoll tan-negozjar.
Artikolu 104 8.

Istituzzjoni għandha tassenja lill-portafoll tan-negozjar pożizzjoni f'CIU, għajr il-pożizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 3, il-punt (f), li hija miżmuma b'intenzjoni ta' negozjar, meta l-istituzzjoni tissodisfa kwalunkwe waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a) 

l-istituzzjoni tkun tista' tikseb informazzjoni suffiċjenti dwar l-iskoperturai sottostanti individwali tas-CIU;

(b) 

l-istituzzjoni ma tkunx tista' tikseb informazzjoni suffiċjenti dwar l-iskoperturi sottostanti individwali tas-CIU, iżda l-istituzzjoni jkollha għarfien tal-kontenut tal-mandat tas-CIU u tkun tista' tikseb kwotazzjonijiet tal-prezzijiet ta' kuljum għas-CIU.

Artikolu 104 9.
L-EBA għandha tiżviluppa abbozzi ta' standards tekniċi regolatorji sabiex tispeċifika aktar il-proċess li l-istituzzjonijiet għandhom jużaw sabiex jikkalkulaw u jimmonitorjaw pożizzjonijiet qosra netti ta' kreditu jew qosra netti ta' ekwità fil-portafoll mhux tan-negozjar imsemmi fil-paragrafu 2, il-punt (b).

L-EBA għandha tippreżenta dawk l-abbozzi ta' standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sal-10 ta’ Lulju 2027.

Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tissupplimenta dan ir-Regolament billi tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fit-tieni subparagrafu ta' dan il-paragrafu f'konformità mal-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010.

1.1 Referenzi

1.2 Rekwiżiti identifikati

1.3 Standards relatati

2. Rekwiżiti identifikati

Rekwiżiti
Sors Rekwiżit

3. Standards relatati

Standards
Sors Rekwiżit