|
+ANNESS I REKWIŻITI ESSENZJALI TAĊ-ĊIBERSIGURTÀ |
ANNESS I REKWIŻITI ESSENZJALI TAĊ-ĊIBERSIGURTÀ
ANNESS I REKWIŻITI ESSENZJALI TAĊ-ĊIBERSIGURTÀ Parti I Rekwiżiti ta’ ċibersigurtà relatati mal-proprjetajiet ta’ prodotti b’elementi diġitali (1) Il-prodotti b’elementi diġitali għandhom jiġu ddisinjati, żviluppati u prodotti b’tali mod li jiżguraw livell xieraq ta’ ċibersigurtà abbażi tar-riskji. (2) Abbażi tal-valutazzjoni tar-riskju għaċ-ċibersigurtà msemmija fl-Artikolu 13(2) u fejn ikun applikabbli, il-prodotti b’elementi diġitali għandhom:
(a)
jitqiegħdu għad-dispożizzjoni fis-suq mingħajr vulnerabbiltajiet magħrufa li jistgħu jiġu sfruttati;
(b)
jitqiegħdu għad-dispożizzjoni fis-suq b’konfigurazzjoni ta’ sigurtà prestabbilita, sakemm ma jkunx miftiehem mod ieħor bejn il-manifattur u l-utent kummerċjali fir-rigward ta’ prodott b’elementi diġitali imfassal apposta, inkluża l-possibbiltà li l-prodott jiġi ssettjat mill-ġdid għall-istat oriġinali tiegħu;
(c)
jiżguraw li l-vulnerabbiltajiet ikunu jistgħu jiġu indirizzati permezz ta’ aġġornamenti tas-sigurtà, inkluż, fejn ikun applikabbli, permezz ta’ aġġornamenti tas-sigurtà awtomatiċi li jiġu installati f’perjodu ta’ żmien xieraq attivati bħala konfigurazzjoni prestabbilita, b’mekkaniżmu ta’ esklużjoni fakultattiva li jkun ċar u faċli biex jintuża, permezz tan-notifika tal-aġġornamenti disponibbli lill-utenti, u l-għażla li jiġu posposti temporanjament;
(d)
jiżguraw protezzjoni minn aċċess mhux awtorizzat b’mekkaniżmi ta’ kontroll xierqa, inklużi, iżda mhux biss, sistemi ta’ awtentikazzjoni, ta’ identità jew ta’ ġestjoni tal-aċċess, u jirrapportaw dwar aċċess mhux awtorizzat possibbli;
(e)
jipproteġu l-kunfidenzjalità tad-data maħżuna, trażmessa jew ipproċessata b’mod ieħor, personali jew ta’ tip ieħor, pereżempju billi jikkriptaw id-data rilevanti stazzjonarja jew fi tranżitu b’mekkaniżmi tal-ogħla livell ta’ żvilupp tekniku, u billi jużaw mezzi teknoloġiċi oħra;
(f)
jipproteġu l-integrità tad-data maħżuna, trażmessa jew ipproċessata b’mod ieħor, personali jew ta’ tip ieħor, kmandi, programmi u konfigurazzjoni kontra kwalunkwe manipulazzjoni jew modifika mhux awtorizzata mill-utent, u jirrapportaw dwar il-korruzzjonijiet;
(g)
jipproċessaw biss data, personali jew ta’ tip ieħor, li tkun adegwata, rilevanti u limitata għal dak li huwa meħtieġ fir-rigward tal-iskop maħsub tal-prodott b’elementi diġitali (“minimizzazzjoni tad-data”);
(h)
jipproteġu d-disponibbiltà ta’ funzjonijiet essenzjali u bażiċi, anke wara inċident, inkluż permezz ta’ miżuri ta’ reżiljenza u mitigazzjoni kontra l-attakki ta’ ċaħda tas-servizzi;
(i)
jimminimizzaw l-impatt negattiv mill-prodotti stess jew minn apparati konnessi fuq id-disponibbiltà tas-servizzi pprovduti minn apparati jew networks oħra;
(j)
ikunu ddisinjati, żviluppati u prodotti biex jillimitaw is-superfiċi ta’ attakk, inklużi l-interfaċċi esterni;
(k)
ikunu ddisinjati, żviluppati u prodotti biex jitnaqqas l-impatt ta’ inċident bl-użu ta’ mekkaniżmi u tekniki xierqa ta’ mitigazzjoni tal-isfruttament;
(l)
jipprovdu informazzjoni relatata mas-sigurtà billi jirreġistraw u jimmonitorjaw l-attività interna rilevanti, inkluż l-aċċess għad-data, għas-servizzi jew għall-funzjonijiet, jew il-modifika tagħhom, b’mekkaniżmu ta’ esklużjoni fakultattiva għall-utent;
(m)
jipprovdu l-possibbiltà li l-utenti jneħħu b’mod sigur u faċli fuq bażi permanenti d-data u l-konfigurazzjonijiet kollha u, fejn tali data tista’ tiġi ttrasferita lil prodotti jew lil sistemi oħra, jiżguraw li dan isir b’mod sigur. Parti II Rekwiżiti għall-ġestjoni tal-vulnerabbiltà Il-manifatturi ta’ prodotti b’elementi diġitali għandhom:
(1)
jidentifikaw u jiddokumentaw il-vulnerabbiltajiet u l-komponenti li jinsabu fil-prodotti b’elementi diġitali, inkluż billi jiddisinjaw lista ta’ materjali tas-software f’format użat b’mod komuni u li jinqara minn magna li jkopri mill-anqas id-dipendenzi tal-ogħla livell tal-prodotti;
(2)
fir-rigward tar-riskji maħluqa għall-prodotti b’elementi diġitali, jindirizzaw u jsibu soluzzjoni għall-vulnerabbiltajiet mingħajr dewmien, inkluż billi jipprovdu aġġornamenti tas-sigurtà; fejn ikun teknikament fattibbli, aġġornamenti ġodda tas-sigurtà għandhom jiġu pprovduti separatament mill-aġġornamenti tal-funzjonalità;
(3)
japplikaw testijiet u rieżamijiet effettivi u regolari tas-sigurtà tal-prodott b’elementi diġitali;
(4)
ladarba jkun sar disponibbli aġġornament tas-sigurtà, jikkondividu u jiddivulgaw pubblikament informazzjoni dwar vulnerabbiltajiet fissi, inkluża deskrizzjoni tal-vulnerabbiltajiet, informazzjoni li tippermetti lill-utenti jidentifikaw il-prodott b’elementi diġitali affettwati, l-impatti tal-vulnerabbiltajiet u s-severità tagħhom u informazzjoni ċara u aċċessibbli li tgħin lill-utenti jsibu soluzzjoni għall-vulnerabbiltajiet; f’każijiet debitament ġustifikati, fejn il-manifatturi jqisu li r-riskji għas-sigurtà tal-pubblikazzjoni huma akbar mill-benefiċċji tas-sigurtà, huma jistgħu jdewmu l-pubblikazzjoni tal-informazzjoni dwar vulnerabbiltà fissa sa wara li l-utenti jkunu ngħataw il-possibbiltà li japplikaw is-software korrettiv rilevanti;
(5)
jistabbilixxu u jinforzaw politika dwar id-divulgazzjoni kkoordinata tal-vulnerabbiltajiet;
(6)
jieħdu miżuri biex jiffaċilitaw il-kondiviżjoni ta’ informazzjoni dwar vulnerabbiltajiet potenzjali fil-prodott b’elementi diġitali tagħhom kif ukoll f’komponenti ta’ partijiet terzi li jinsabu f’dak il-prodott, inkluż billi jipprovdu indirizz ta’ kuntatt għar-rapportar tal-vulnerabbiltajiet skoperti fil-prodott b’elementi diġitali;
(7)
jaħsbu għal mekkaniżmi biex l-aġġornamenti għall-prodotti b’elementi diġitali jiġu distribwiti b’mod sikur biex jiġi żgurat li l-vulnerabbiltajiet jiġu ffissati jew immitigati fil-ħin u, fejn ikun applikabbli għall-aġġornamenti tas-sigurtà, b’mod awtomatiku;
(8)
jiżguraw li, meta jkunu disponibbli aġġornamenti tas-sigurtà biex jiġu indirizzati kwistjonijiet ta’ sigurtà identifikati, dawn jiġu disseminati mingħajr dewmien u, sakemm ma jkunx miftiehem mod ieħor bejn manifattur u utent kummerċjali fir-rigward ta’ prodott b’elementi diġitali imfassal apposta, mingħajr ħlas, akkumpanjati minn messaġġi konsultattivi li jipprovdu lill-utenti l-informazzjoni rilevanti, inkluż dwar azzjoni potenzjali li għandha tittieħed. 1. Ħarsa ġenerali
1.1 Referenzi1.2 Rekwiżiti identifikati1.3 Standards relatati2. Rekwiżiti identifikati
3. Standards relatati
Kwistjonijiet marbuta
|