6. L-esperti indipendenti msemmija fil-paragrafu 4, it-tieni subparagrafu, għandhom jinħatru mill-Forum ta’ Sorveljanza minn grupp ta’ esperti magħżula wara proċess ta’ applikazzjoni pubbliku u trasparenti.
L-esperti indipendenti għandhom jinħatru abbażi tal-għarfien espert tagħhom dwar l-istabbiltà finanzjarja, ir-reżiljenza operazzjonali diġitali u kwistjonijiet ta’ sigurtà tal-ICT. Huma għandhom jaġixxu b’mod indipendenti u oġġettiv fl-interess uniku tal-Unjoni kollha kemm hi, u la għandhom jitolbu u lanqas jieħdu struzzjonijiet mill-istituzzjonijiet jew mill-korpi tal-Unjoni, minn kwalunkwe gvern ta’ Stat Membru jew minn kwalunkwe entità pubblika jew privata oħra.