+Preamble: 1

Preamble: 1

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta' istituzzjonijiet ta' kreditu u ditti ta' investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KEE u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/UE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 5(10), l-Artikolu 6(8), l-Artikoli 10(9), 12(6), 15(4), 23(2), 36(14), 55(3), 82(3) u 88(7) tagħha,

Billi:

(1)

Id-dispożizzjonijiet f'dan ir-Regolament huma marbutin mill-qrib ma' xulxin, peress li jittrattaw il-qafas tar-riżoluzzjoni stabbilit mid-Direttiva 2014/59/UE mill-istadju ta' ppjanar tal-irkupru u riżoluzzjoni ta' istituzzjoni, permezz tal-fażi ta' intervent bikri, sa ma jasal żmien l-azzjoni ta' riżoluzzjoni. Sabiex tiġi żgurata koerenza bejn dawk id-dispożizzjonijiet, li għandhom jidħlu fis-seħħ fl-istess ħin u sabiex jiġi ffaċilitat il-proċess ta' riżoluzzjoni, hemm bżonn li l-istituzzjonijiet, l-awtoritajiet u l-parteċipanti fis-suq, inklużi l-investituri li mhumiex residenti tal-Unjoni, ikollhom viżjoni globali u aċċess kompatt għall-obbligi u d-drittijiet tagħhom. Għaldaqstant, xieraq li l-istandards tekniċi regolatorji rilevanti meħtieġa mid-Direttiva 2014/59/UE jkunu inklużi f'Regolament wieħed.

(2)

Minbarra d-definizzjonijiet tad-Direttiva 2014/59/UE, hemm bżonn ta' xi definizzjonijiet speċifiċi għat-termini tekniċi użati.

(3)

Ir-regoli uniformi dwar l-informazzjoni minima li trid tiddaħħal fil-pjanijiet ta' rkupru għandhom iqisu, iżda mhux jipprekludu, is-setgħat tal-awtoritajiet kompetenti sabiex jiddeterminaw obbligi ssimplifikati għal ċerti istituzzjonijiet rigward il-kontenuti u d-dettalji tal-pjanijiet ta' rkupru, skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2014/59/UE.

(4)

Dawn ir-regoli uniformi għandhom jispeċifikaw ukoll, mingħajr ħsara għal kwalunkwe obbligu ssimplifikat stabbilit skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2014/59/UE, l-informazzjoni li trid tkun fi pjan ta' rkupru individwali u, skont l-Artikolu 7(5) u (6) ta' dik id-Direttiva, fi pjan ta' rkupru tal-grupp.

(5)

Huwa essenzjali li l-informazzjoni inkluża fil-pjanijiet ta' rkupru tkun adegwata u speċifika, skont jekk il-pjanijiet ta' rkupru humiex imfasslin minn istituzzjonijiet li mhumiex parti minn grupp soġġett għal superviżjoni kkonsolidata skont l-Artikoli 111 u 112 tad-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), jew huma pjanijiet ta' rkupru individwali, kif stipulat fl-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2014/59/UE, jew pjanijiet ta' rkupru tal-grupp, kif stipulati fil-paragrafi 5 u 6 tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2014/59/UE.

(6)

Sabiex tiġi ffaċilitata l-istruttura interna tal-pjanijiet ta' rkupru, ir-rekwiżiti ta' informazzjoni għandhom jitqiegħdu fi grupp wieħed taħt għadd ta' taqsimiet, li wħud minnhom għandhom jinqasmu f'subtaqsimiet kif stipulat f'dan ir-Regolament.

(7)

Sabiex jiġi żgurat li l-pjanijiet ta' rkupru jkunu jistgħu jiġu implimentati b'mod effettiv, jekk ikun hemm bżonn, meta jasal iż-żmien, huwa essenzjali li dawk il-pjanijiet jinbnew fuq struttura ta' governanza solida. Għaldaqstant, il-pjanijiet ta' rkupru għandhom jinkludu deskrizzjoni tal-arranġamenti ta' governanza speċifiċi involuti. B'mod partikolari, pjan għandu jistabbilixxi kif ġie żviluppat, min approvah, u kif inhu integrat fil-governanza korporattiva ġenerali tal-istituzzjoni jew tal-grupp. Meta dan ikun relevanti, għandhom ikunu deskritti l-miżuri meħudin sabiex tiġi żgurata konsistenza bejn pjan ta' rkupru individwali ta' sussidjarja, jekk applikabbli, u l-pjan ta' rkupru tal-grupp.

(8)

Il-pjanijiet ta' rkupru huma kruċjali għall-valutazzjoni tal-fattibbiltà tal-alternattivi tal-irkupru. Għaldaqstant, pjan ta' rkupru għandu jkun fih informazzjoni dettaljata dwar il-proċess ta' teħid tad-deċiżjonijiet fir-rigward tal-attivazzjoni tiegħu bħala element essenzjali tal-istruttura ta' governanza, fuq il-bażi ta' proċess ta' eskalazzjoni bl-użu ta' indikaturi skont it-tifsira tal-Artikolu 9 tad-Direttiva 2014/59/UE. Peress li kull kriżi hija differenti, il-materjalizzazzjoni ta' indikatur ma tattivax b'mod awtomatiku għażla ta' rkupru speċifika jew, b'mod iktar ġenerali, tniedi qafas awtomatizzat li bih għażla ta' rkupru partikolari jkollha tiġi implimentata skont rekwiżiti proċedurali predeterminati. Minflok, l-indikaturi għandhom jintużaw sabiex jindikaw li għandu jitnieda proċess ta' eskalazzjoni, li jinvolvi analiżi tal-aħjar mod kif tiġi indirizzata sitwazzjoni ta' kriżi. Qabel ma jimmaterjalizzaw dawn l-indikaturi, id-dejta u l-parametri referenzjarji użati fl-immaniġġar regolari tar-riskju għandhom jiġu applikati wkoll sabiex l-istituzzjoni jew il-grupp ikunu infurmati dwar ir-riskju ta' deterjorament tas-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom u dwar l-indikaturi li jkunu qed jiġu attivati. Filwaqt li t-tali sinjali ta' twissija bikrin mhumiex indikaturi skont it-tifsira tad-Direttiva 2014/59/UE u, b'hekk, ma jindikawx dħul fil-fażi ta' rkupru jew jeħtieġu eskalazzjoni barra l-proċessi tas-soltu, jgħinu sabiex jiżguraw konsistenza bejn l-immaniġġar tar-riskju regolari tal-istituzzjoni u l-monitoraġġ tal-indikaturi. Għaldaqstant, il-pjan ta' rkupru għandu jkun fih deskrizzjoni ta' kif l-elementi xierqa tal-immaniġġar tar-riskju tal-istituzzjoni huma marbutin mal-indikaturi.

(9)

L-analiżi strateġika għandha tqis standards internazzjonali għal pjanijiet ta' rkupru bħall-“Key Attributes of Effective Resolution Regimes for Financial Institutions” (“Il-Karatteristiċi Ewlenin tar-Reġimi Effettivi ta' Riżoluzzjoni għall-Istituzzjonijiet Finanzjarji”) tal-Bord għall-Istabilità Finanzjarja. Skont il-Karatteristiċi Ewlenin, l-analiżi strateġika għandha tidentifika l-funzjonijiet essenzjali u sistemikament importanti tal-istituzzjoni u tistabbilixxi l-passi ewlenin sabiex jinżammu f'xenarji ta' rkupru. Kif xieraq, l-analiżi strateġika għandha tkun maqsuma f'żewġ partijiet. L-ewwel parti tal-analiżi strateġika għandha tiddeskrivi l-istituzzjoni jew il-grupp u l-linji operatorji ewlenin u l-funzjonijiet kritiċi tagħhom. Id-deskrizzjoni tal-istituzzjoni jew tal-grupp għandha tagħti ħarsa ġenerali lejn l-istituzzjoni jew il-grupp u l-attivitajiet tagħhom, flimkien ma' deskrizzjoni dettaljata tal-linji operatorji ewlenin u l-funzjonijiet kritiċi tagħhom. Sabiex tiġi ffaċilitata l-valutazzjoni tal-għażliet ta' rkupru bħal divestimenti u bejgħ ta' linji operatorji, importanti li jiġu identifikati l-entitajiet ġuridiċi fejn jinsabu l-linji operatorji ewlenin u l-funzjonijiet kritiċi, u li tiġi analizzata l-interkonnettività fil-grupp. Skont l-Artikolu 6(1) u (2) tad-Direttiva 2014/59/UE, l-istituzzjonijiet huma meħtieġa juru għas-sodisfazzjoni tal-awtorità kompetenti li huwa raġonevolment probabbli li l-pjan ta' rkupru jiġi implimentat bla ma jikkaġuna xi effett avvers sinifikanti fuq is-sistema finanzjarja. Barra minn hekk, l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2014/59/UE jeħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jevalwaw il-punt sa fejn il-pjan ta' rkupru, jew l-għażliet speċifiċi fih, jista' jiġi implimentat bla ma jikkaġuna ebda effett avvers sinifikanti fuq is-sistema finanzjarja. Għaldaqstant, il-pjanijiet ta' rkupru għandhom jinkludu deskrizzjoni tal-interkonnettività esterna.

(10)

It-tieni parti tal-analiżi strateġika għandha tidentifika u tivvaluta l-għażliet ta' rkupru possibbli. L-għażliet ta' rkupru disponibbli għall-istituzzjoni jew il-grupp għandhom ikunu deskritti għall-ewwel mingħajr referenza għal xenarji speċifiċi ta' stress finanzjarju. Dawn huma mezz kif tissaħħaħ il-prontezza ġenerali għal kriżi u kif l-istituzzjoni jew il-grupp ikunu megħjuna sabiex jirreaġixxu b'mod flessibbli għal kriżi. Imbagħad, l-analiżi strateġika għandha tistabbilixxi kif ġew ittestjati l-għażliet ta' rkupru kontra xenarji speċifiċi ta' stress finanzjarju sabiex jiġi vvalutat b'mod tentattiv liema għażliet ta' rkupru jkunu effiċjenti f'kull wieħed minn dawn ix-xenarji, u b'hekk jiġi pprovdut test prattiku tal-effiċjenza tal-għażliet ta' rkupru u tal-adegwatezza tal-indikaturi. L-għażliet ta' rkupru għandhom jinkludu miżuri li jistgħu jittieħdu mill-istituzzjoni meta jkunu ssodisfati l-kundizzjonijiet għal intervent bikri skont l-Artikolu 27 tad-Direttiva 2014/59/UE.

(11)

Il-komunikazzjoni tal-pjan ta' rkupru hija kruċjali sabiex jiġi implimentat b'mod effetti u jiġu evitati effetti avversi fuq is-sistema finanzjarja. Għaldaqstant, pjan ta' rkupru għandu jkun fih ukoll Taqsima dwar il-komunikazzjoni u d-divulgazzjoni sabiex jindirizza kemm il-komunikazzjoni interna lill-korpi interni rilevanti u l-persunal tal-istituzzjoni jew tal-grupp, kif ukoll il-komunikazzjoni esterna.

(12)

Pjan ta' rkupru jista' jimplika bidliet fl-organizzazzjoni kummerċjali tal-istituzzjoni, jew sabiex jiġi ffaċilitat l-aġġornament tal-pjan u l-implimentazzjoni tiegħu fil-ġejjieni, sabiex jiġu ssorveljati l-indikaturi, jew għaliex il-proċess ikun identifika xi impedimenti li kkomplikaw l-implimentazzjoni tal-għażliet ta' rkupru. Dawk l-azzjonijiet preparatorji u ta' segwitu organizzazzjonali li jridu jittieħdu mill-istituzzjoni jew mill-grupp għandhom jiġu deskritti fil-pjan ta' rkupru sabiex tiġi ffaċilitata l-valutazzjoni effettiva ta' jekk l-implimentazzjoni tiegħu hijiex raġonevolment probabbli, u sabiex jiġi ffaċilitat il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tiegħu mill-istituzzjoni jew mill-grupp, u mill-awtoritajiet kompetenti.

(13)

Huwa essenzjali li jiġu speċifikati l-kriterji minimi li awtorità kompetenti trid tqis meta tivvaluta l-pjanijiet ta' rkupru mfasslin mill-istituzzjonijiet kif stipulat fl-Artikolu 6(2) u l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2014/59/UE.

(14)

L-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) jagħti s-setgħa lill-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) sabiex toħroġ linji gwida ħalli tiżgura l-applikazzjoni komuni, uniformi u konsistenti tal-liġi tal-Unjoni u jeħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti u l-istituzzjonijiet finanzjarji li lilhom huma indirizzati dawn il-linji gwida jagħmlu kull sforz sabiex jikkonformaw mat-tali linji gwida. Peress li d-Direttiva 2014/59/UE tawtorizza lill-EBA sabiex toħroġ linji gwida skont l-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010, sabiex tispeċifika iktar ċerti aspetti tad-Direttiva, l-awtoritajiet kompetenti għandhom iqisu b'konformità ma' dak l-Artikolu l-linji gwida dwar ix-xenarji għall-ippjanar tal-irkupru u l-indikaturi li jridu jiddaħħlu fil-pjanijiet ta' rkupru maħruġin mill-EBA billi jagħmlu kull sforz sabiex jikkonformaw ma' dawk il-linji gwida skont l-Artikolu 16(3) tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010.

(15)

L-objettiv tal-ippjanar tal-irkupru, kif stipulat fid-Direttiva 2014/59/UE, huwa li jidentifika l-għażliet għaż-żamma jew ir-restawr tal-vijabilità u l-pożizzjoni finanzjarja ta' istituzzjoni jew grupp meta jkunu soġġetti għal stress serju. Għaldaqstant, il-kriterji għall-valutazzjoni ta' pjan ta' rkupru għandhom jiżguraw li l-pjan ikun xieraq għall-entitajiet li jkopri u li l-pjan u l-għażliet identifikati fih ikunu vijabbli u jistgħu jiġu implimentati meta jasal iż-żmien. Il-kwistjonijiet eżatti li jridu jiġu vvalutati mill-awtorità kompetenti se jiddependu mill-kontenut u l-firxa tal-pjan ta' rkupru. Ir-regoli uniformi dwar il-kriterji minimi li jridu jiġu vvalutati għandhom ikunu stabbiliti sabiex iqisu l-abbiltà tal-awtoritajiet kompetenti li jimponu obbligi ssimplifikati għal ċerti istituzzjonijiet rigward il-kontenuti u d-dettalji tal-pjanijiet ta' rkupru, skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2014/59/UE.

(16)

Meta dan ikun xieraq, għandhom jiġu speċifikati kriterji oħrajn li japplikaw għall-valutazzjoni tal-pjanijiet ta' rkupru tal-grupp sabiex jirriflettu r-rekwiżiti addizzjonali stabbiliti fid-Direttiva 2014/59/UE li japplikaw għat-tali pjanijiet.

(17)

Il-pjanijiet ta' rkupru għandhom ikunu kompluti u jinkludu l-informazzjoni kollha li teħtieġ id-Direttiva 2014/59/UE, inklużi l-elementi ulterjuri speċifikati f'dan ir-Regolament. Il-pjanijiet għandhom ikunu komprensivi wkoll, u jinkludu biżżejjed dettall u firxa ta' għażliet għaċ-ċirkustanzi tal-entità jew l-entitajiet li jkopru.

(18)

Ir-rekwiżiti għall-kontenut tal-pjanijiet ta' riżoluzzjoni għandhom iqisu l-ħidma li tkun qed ssir sabiex jiġu koordinati dawn l-iżviluppi f'livell globali permezz tal-Bord għall-Istabbilità Finanzjarja.

(19)

L-istandards għall-kontenut tal-pjanijiet ta' riżoluzzjoni u l-valutazzjoni tar-riżolvibbiltà għandhom ikunu flessibbli biżżejjed sabiex iqisu ċ-ċirkustanzi tal-istituzzjoni jew tal-grupp li jkunu qed jiġu kkunsidrati, sabiex jiġi żgurat li l-pjanijiet ikunu mmirati u siewja għall-implimentazzjoni tal-istrateġiji ta' riżoluzzjoni.

(20)

L-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni għandhom jivvalutaw jekk il-likwidazzjoni fil-proċeduri normali ta' insolvenza tistax tilħaq b'mod kredibbli u fattibbli l-objettivi tar-riżoluzzjoni. Biex jagħmlu dan, jaf ikollhom bżonn jisfruttaw il-kompetenza relevanti tal-iskemi ta' garanzija tad-depożiti. Il-valutazzjoni ta' jekk il-likwidazzjoni hijiex fattibbli u kredibbli ma teskludix il-bżonn li jiġi vvalutat jekk l-objettivi tar-riżoluzzjoni humiex sejrin jinkisbu bl-istess mod bil-likwidazzjoni fil-proċedimenti nazzjonali ta' insolvenza, inkluż dak li titnaqqas kemm jista' jkun id-dipendenza fuq appoġġ finanzjarju straordinarju.

(21)

Il-valutazzjoni tar-riżolvibbiltà hija proċess iterattiv u possibbli biss fuq il-bażi ta' strateġija ta' riżoluzzjoni ppreferuta identifikata. L-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni jistgħu jikkonkludu fi tmiem il-proċess li strateġija emendata jew differenti għalkollox hija iktar adattata.

(22)

Il-varjanti tal-istrateġija ppreferuta għandhom jiġu kkunsidrati wkoll sabiex jitqiesu ċ-ċirkustanzi li jipprevjenu l-implimentazzjoni tal-istrateġija ta' riżoluzzjoni ppreferuta, bħal meta strateġija ta' punt uniku ta' dħul li tuża l-għodda tar-rikapitalizzazzjoni interna ma tibqax fattibbli iktar jekk it-telf jisboq l-obbligazzjonijiet eliġibbli maħruġin mill-entità prinċipali.

(23)

L-istandards għall-pjanijiet ta' riżoluzzjoni tal-grupp u l-valutazzjoni tar-riżolvibbiltà għandhom jippermettu strateġija ta' riżoluzzjoni bbażata fuq wieħed mill-approċċi stilizzati pprovduti mill-Bord għall-Istabbilità Finanzjarja u msemmijin fil-premessa (80) tad-Direttiva 2014/59/UE. Jiġifieri, l-istrateġiji ta' riżoluzzjoni jistgħu jinvolvu awtorità ta' riżoluzzjoni waħda li tapplika l-għodod ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-kumpanija holding jew prinċipali ta' grupp (punt uniku tad-dħul), jinvolvu iktar minn awtorità ta' riżoluzzjoni waħda li tapplika l-għodod ta' riżoluzzjoni fir-rigward ta' iktar minn subgrupp jew entità reġjonali jew funzjonali individwali fi grupp transfruntier (punt multiplu tad-dħul); jew jistgħu jgħaqqdu aspetti tat-tnejn.

(24)

Fi kwalunkwe każ, l-ippjanar tar-riżoluzzjoni u u l-valutazzjoni tar-riżolvibbiltà għandhom iqisu kwalunkwe azzjoni ta' appoġġ meħtieġ mill-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni għajr dawk li jieħdu azzjoni ta' riżoluzzjoni, pereżempju bil-forniment ta' informazzjoni, il-forniment issoktat ta' servizzi kondiviżi kritiċi, jew deċiżjonijiet li ma titteħdidx azzjoni ta' riżoluzzjoni, filwaqt li jitqies id-dritt ta' awtoritajiet ta' riżoluzzjoni oħrajn li jaġixxu fuq inizjattiva tagħhom stess jekk ikun hemm bżonn sabiex jiksbu l-istabbiltà finanzjarja domestika fin-nuqqas ta' azzjoni effettiva mill-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni ewlenin.

(25)

It-Taqsima C tal-Anness għad-Direttiva 2014/59/UE tispeċifika għadd ta' kwistjonijiet li jridu jiġu kkunsidrati fil-valutazzjoni tar-riżolvibbiltà ta' istituzzjoni jew grupp, iżda mhijiex eżawstiva u teħtieġ li tiġi speċifikata iktar.

(26)

Skont l-Artikolu 32 tad-Direttiva 2014/59/UE, azzjoni ta' riżoluzzjoni għandha tittieħed biss meta l-istralċ ta' istituzzjoni jew grupp fi proċedimenti normali ta' insolvenza ma jkunx fl-interess pubbliku, u għalhekk il-valutazzjoni tar-riżolvibbiltà għandha tikkunsidra t-tali stralċ bħala alternattiva għall-azzjoni ta' riżoluzzjoni.

(27)

L-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2014/59/UE jistabbilixxi bosta kundizzjonijiet li jridu jiġu ssodisfati sabiex istituzzjoni prinċipali, istituzzjoni prinċipali tal-Unjoni u ċerti entitajiet oħrajn fi grupp u s-sussidjarji tagħhom fi Stati Membri jew pajjiżi terzi oħrajn li huma istituzzjonijiet jew istituzzjonijiet finanzjarji, fuq il-bażi ta' ftehim ta' appoġġ finanzjarju tal-grupp ipprovdut fil-Kapitolu III ta' dik id-Direttiva, sabiex jipprovdu appoġġ finanzjarju fil-forma ta' self, forniment ta' garanziji jew assi għall-użu bħala kollateral lil entità oħra tal-grupp li tissodisfa l-kundizzjonijiet għal intervent bikri. Skont l-Artikolu 25(2) tad-Direttiva 2014/59/UE, l-awtorità kompetenti tal-entità tal-grupp li tipprovdi l-appoġġ tista' tipprojbixxi jew tillimita l-forniment tal-appoġġ finanzjarju.

(28)

Fir-rigward tad-diffikultajiet finanzjarji tal-entità riċeventi u l-kundizzjoni li jrid ikun hemm prospett raġonevoli li l-appoġġ finanzjarju jirrimedja dawn id-diffikultajiet finanzjarji, għandha ssir analiżi dettaljata tal-ħtiġijiet ta' kapital u likwidità tal-entità riċeventi u analiżi tal-kawżi interni u esterni għad-diffikultajiet finanzjarji u tal-kundizzjonijiet tas-suq fl-imgħoddi, fil-preżent u fil-ġejjieni. Din l-analiżi għandha tinkludi miżuri ppjanati għall-indirizzar tal-kawżi tal-problemi tal-entità riċeventi li jistgħu jgħinu b'mod effiċjenti fir-restawr tas-sitwazzjoni finanzjarja tagħha.

(29)

Il-valutazzjoni tal-kundizzjonijiet varji hija r-responsabbiltà tal-entità li tipprovdi l-appoġġ (l-entità provditur) u tal-awtorità kompetenti responsabbli għall-istituzzjoni provditur. Il-valutazzjoni għandha tqis ir-riskju ta' żviluppi avversi potenzjali. Għal valutazzjoni komprensiva tal-kundizzjonijiet li huma marbutin mal-entità provditur, l-awtorità kompetenti responsabbli għall-entità provditur għandha tqis ukoll l-informazzjoni u l-valutazzjonijiet ipprovduti mill-awtorità kompetenti responsabbli għall-entità fil-grupp li tirċievi l-appoġġ finanzjarju.

(30)

Il-kundizzjoni li t-termini tal-forniment huma konformi mal-Artikolu 19(7) tad-Direttiva 2014/59/UE għandha tqis ir-riskju ta' inadempjenza tal-entità riċeventi u t-telf għall-entità provditur fid-dawl ta' inadempjenza tal-entità riċeventi, fuq il-bażi ta' paragun tas-sitwazzjonijiet wara l-appoġġ jew, rispettivament, mingħajr l-għoti tagħha, u wara divulgazzjoni sħiħa tal-informazzjoni rilevanti. Dawk it-termini għandhom jirriflettu l-aħjar interess tal-entità provditur kif deskritt fil-punt (b) tal-Artikolu 19(7), li jistipula li jista' jiġi kkunsidrat kwalunkwe benefiċċju dirett jew indirett li jista' jkun dovut lil parti minħabba l-forniment tal-appoġġ finanzjarju. Dan għandu jiġi vverifikat permezz ta' analiżi dettaljata tal-kostijiet u l-benefiċċji għall-entità provditur u l-grupp kollu kemm hu f'dawn iż-żewġ xenarji.

(31)

Il-ftehimiet ta' appoġġ finanzjarju u l-forniment tal-appoġġ finanzjarju lill-grupp jistgħu jtejbu r-riżolvibbiltà ta' grupp, pereżempju jekk ikunu konformi mal-mekkaniżmu ta' assorbiment tat-telf ipprovdut mill-istrateġija ta' riżoluzzjoni. Madankollu, jistgħu jxekklu wkoll il-fattibbiltà tal-implimentazzjoni tal-istrateġija ta' riżoluzzjoni magħżula, pereżempju jekk dik l-istrateġija tipprevedi separazzjoni tal-partijiet differenti tal-grupp. Għaldaqstant, il-valutazzjoni tal-impatt fuq ir-riżolvibbiltà għandha tkun imsejsa fuq il-valutazzjoni tar-riżolvibbiltà, fuq il-pjan ta' riżoluzzjoni individwali, u, fejn applikabbli, fuq il-pjan ta' riżoluzzjoni tal-grupp kif stipulat mid-deċiżjoni konġunta tal-kulleġġi ta' riżoluzzjoni.

(32)

Meta jwettqu l-kompiti ta' valutazzjoni tagħhom għall-finijiet tal-Artikolu 36, inkluż l-Artikolu 49(3), u l-Artikolu 74 tad-Direttiva 2014/59/UE, hemm bżonn li jiġi żgurat li l-valutaturi indipendenti ma jkunux qed jiġu influwenzati, u ma jkunux perċepiti bħala influwenzati, mill-awtoritajiet pubbliċi, inkluża l-awtorità ta' riżoluzzjoni, jew mill-istituzzjoni jew l-entità msemmija fil-punt (b), (c) jew (d) tal-Artikolu 1(1) ta' dik id-Direttiva.

(33)

Għaldaqstant, ir-regoli uniformi għandhom japplikaw sabiex jiġu stabbiliti ċ-ċirkustanzi li fihom persuna titqies bħala indipendenti mill-awtoritajiet pubbliċi rilevanti, inkluża l-awtorità ta' riżoluzzjoni, u mill-istituzzjoni jew l-entità msemmija fil-punt (b), (c) jew (d) tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2014/59/UE. Dawn ir-regoli għandhom jinkludu rekwiżiti dwar il-kompetenza u r-riżorsi tal-persuna kkonċernata u r-rabta tagħha mal-awtoritajiet pubbliċi rilevanti, inkluża l-awtorità ta' riżoluzzjoni, u mal-istituzzjoni jew l-entità msemmija fil-punt (b), (c) jew (d) tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2014/59/UE.

(34)

L-indipendenza tista' tkun imsaħħa minn kundizzjonijiet li jiżguraw l-adegwatezza tal-kompetenza u r-riżorsi tal-valutatur indipendenti. B'mod iktar speċifiku, għandu jkun żgurat li l-valutatur indipendenti jkollu l-kwalifiki, l-għarfien u l-kompetenza meħtieġa fis-suġġetti relevanti kollha, b'mod partikolari l-valwazzjoni u l-kontabbiltà fil-kuntest tal-industrija bankarja. Għandu jiġi żgurat ukoll li l-valutatur indipendenti jkollu biżżejjed riżorsi umani u tekniċi, jew ikollu aċċess għalihom, sabiex jagħmel il-valutazzjoni. Għal dan il-għan, jista' jkun xieraq li jiġu aċċessati biżżejjed riżorsi umani u tekniċi billi jitqabbdu membri tal-persunal jew kuntratturi mingħand speċjalisti oħrajn fil-valwazzjoni jew mingħand kumpaniji tas-servizzi legali jew sorsi oħrajn, b'rabta mat-twettiq tal-valwazzjoni. Meta jitqabbdu membri tal-persunal jew kuntratturi sabiex jappoġġaw it-twettiq tal-valwazzjoni, dawn għandhom ikunu soġġetti għal verifika ta' kunflitti ta' interess sabiex jiġi żgurat li l-indipendenza tagħhom ma tkunx imxekkla. Fil-każijiet kollha, il-valutatur indipendenti għandu jibqa' responsabbli mill-eżitu tal-valwazzjoni.

(35)

Barra minn hekk, għandu jiġi żgurat ukoll li l-valutatur indipendenti huwa kapaċi jwettaq il-valwazzjoni b'mod effettiv mingħajr dipendenza żejda fuq xi awtorità pubblika rilevanti oħra, inkluża l-awtorità ta' riżoluzzjoni, u l-istituzzjoni jew l-entità msemmija fil-punt (b), (c) jew (d) jew l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2014/59/UE. Madankollu, l-għoti tal-istruzzjonijiet jew il-gwida meħtieġa sabiex jiġi sostnut it-twettiq tal-valwazzjoni, pereżempju b'rabta mal-metodoloġija pprovduta skont il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-valwazzjoni għall-finijiet marbutin mar-riżoluzzjoni, ma għandux jitqies li jikkostitwixxi dipendenza żejda meta t-tali struzzjonijiet ikunu, jew il-gwida tkun, meħtieġa għas-sostenn tat-twettiq tal-valwazzjoni. Barra minn hekk, l-għoti ta' assistenza, bħall-forniment mill-istituzzjoni jew l-entità kkonċernata s-sistemi, id-dikjarazzjonijiet finanzjarji, ir-rapporti regolatorji, dejta dwar is-suq, rekords oħrajn jew assistenza oħra lill-valutatur indipendenti ma għandhomx ikunu preklużi meta, fil-valutazzjoni tal-awtorità tal-ħatra jew xi awtorità oħra bħal din li tista' tingħata s-setgħa li twettaq dan il-kompitu fl-Istat Membru kkonċernat, dan jitqies li huwa neċessarju għas-sostenn tat-twettiq tal-valwazzjoni. Skont kwalunkwe proċedura li tista' tkun implimentata, il-forniment ta' struzzjonijiet, gwida u forom oħrajn ta' appoġġ għandu jkun miftiehem fuq il-bażi ta' każ b'każ jew b'mod raggruppat.

(36)

Il-ħlas ta' remunerazzjoni raġonevoli u r-rimborż tal-ispejjeż raġonevoli b'rabta mal-valwazzjoni ma għandhomx ikunu pprojbiti.

(37)

L-indipendenza tista' tkun imxekkla jekk il-valwazzjoni ssir minn persuna li taħdem jew tkun affiljata ma' xi awtorità pubblika rilevanti, inkluża l-awtorità ta' riżoluzzjoni, u l-istituzzjoni jew l-entità msemmija fil-punt (b), (c) jew (d) tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2014/59/UE anki f'każijiet li fihom tkun ġiet stabbilita separazzjoni strutturali sħiħa għall-indirizzar ta' theddidiet bħall-awtovalutazzjoni, awtointeress, rakkomandazzjoni, familjarità, fiduċja jew intimidazzjoni. Għaldaqstant, hemm bżonn li jiġ żgurat li tiġi żgurata separazzjoni legali xierqa b'tali mod li l-valutatur indipendenti ma jkunx impjegat ta' xi awtorità pubblika rilevanti jew kuntrattur tagħha, u lanqas fi grupp magħha, inkluż l-awtorità ta' riżoluzzjoni, jew l-istituzzjoni jew l-entità kkonċernata.

(38)

Hemm bżonn li jiġi żgurat ukoll li l-valutatur indipendenti ma jkollux xi interess materjali li jkun komuni jew f'kunflitt ma' xi awtorità pubblika relevanti, inkluża l-awtorità ta' riżoluzzjoni, u l-istituzzjoni jew l-entità msemmija fil-punt (b), (c) jew (d) jew l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2014/59/UE, inkluż il-maniġment superjuri tagħha, l-azzjonisti kontrollanti, l-entitajiet tal-grupp u l-kredituri sinifikanti, skont kif jista' jkun il-każ meta l-valutatur indipendenti jkun kreditur sinifikanti tal-istituzzjoni jew tal-entità kkonċernata. B'mod simili, relazzjonijiet personali jistgħu jkunu jirrappreżentaw interess materjali.

(39)

Kif xieraq, l-awtorità tal-ħatra, jew kwalunkwe awtorità oħra bħal din li tista' tingħata s-setgħa li twettaq il-kompitu fl-Istat Membru kkonċernat, għandha tivvaluta jekk hemmx xi interess materjali komuni jew f'kunflitt. Għall-finijiet ta' din il-valutazzjoni, il-valutatur indipendenti għandu jinnotifika lill-awtorità tal-ħatra, jew kwalunkwe awtorità oħra bħal din li tista' tingħata s-setgħa li twettaq dan il-kompitu fl-Istat Membru kkonċernat, dwar kwalunkwe interess attwali jew potenzjali li l-persuna tqis li jista', fil-valutazzjoni ta' dik l-awtorità, jitqies li huwa interess materjali u tipprovdi kwalunkwe informazzjoni li tista' tintalab b'mod raġonevoli mill-awtorità sabiex tinforma din il-valutazzjoni. Fil-każ ta' persuni ġuridiċi, l-indipendenza għandha tiġi vvalutata b'referenza għall-kumpanija jew is-sħubija sħiħa iżda filwaqt li titqies kwalunkwe separazzjoni strutturali u arranġamenti oħrajn li jistgħu jkunu implimentati biex jiddifferenzjaw bejn dawk il-membri tal-persunal li jistgħu jkunu involuti fil-valwazzjoni u membri oħrajn tal-persunal, sabiex jiġu indirizzati theddidiet bħall-awtoanaliżi, awtointeress, rakkomandazzjoni, familjarità, fiduċja jew intimidazzjoni. Jekk is-sinifikat ta' dan it-theddid meta mqabbel mas-salvagwardja applikata jkun tali li l-indipendenza tal-persuna tkun f'riskju, il-kumpanija jew is-sħubija ma għandhomx ikunu l-valutatur indipendenti.

(40)

Awditur statutorju li jkun awditja l-istituzzjoni jew l-entità msemmija fil-punt (b), (c) jew (d) tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2014/59/UE fis-sena ta' qabel il-valutazzjoni tal-valutatur indipendenti għall-eliġibblità sabiex jaġixxi bħala valutatur ma għandu jitqies bħala indipendenti fl-ebda ċirkustanza. Fir-rigward tas-servizzi tal-awditjar jew valwazzjoni pprovduti lill-istituzzjoni jew l-entità kkonċernata fis-snin immedjatament qabel id-data li fiha trid tiġi vvalutata l-indipendenza, dawn għandhom jiġu supponuti li jippreżentaw interess materjali komuni jew f'kunflitt sakemm ma jintweriex, għas-sodisfazzjoni tal-awtorità tal-ħatra, jew kwalunkwe awtorità oħra bħal din li tista' tingħata s-setgħa li twettaq dan il-kompitu fl-Istat Membru kkonċernat, li dan mhuwiex il-każ fir-rigward taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha, inkluż kwalunkwe separazzjoni strutturali jew arranġamenti oħra fis-seħħ.

(41)

Wara l-ħatra, huwa essenzjali li l-valutatur indipendenti jżomm aġġornati l-politiki ul- proċeduri skont il-kodiċijiet applikabbli tal-etika u l-istandards professjonali sabiex jidentifika kwalunkwe interess attwali jew potenzjali li l-valutatur iqis li jista' jkun interess materjali komuni jew f'kunflitt. L-awtorità tal-ħatra, jew kwalunkwe awtorità oħra bħal din li tista' tiġi identifikata fl-Istat Membru kkonċernat, għandha tiġi nnotifikata minnufih dwar kwalunkwe interess attwali jew potenzjali u għandha tqis jekk dan ikunx interess materjali, f'liema każ il-ħatra tal-valutatur indipendenti għandha tintemm u jinħatar valutatur ġdid.

(42)

Id-Direttiva 2014/59/UE teħtieġ li l-Istati Membri jagħtu lill-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni tagħhom firxa ta' setgħat, inklużi s-setgħat ta' valwazzjoni negattiva u konverżjoni kif definiti fil-punt (66) tal-Artikolu 2(1) ta' dik id-Direttiva li tista' tiġi applikata b'mod indipendenti minn, jew flimkien ma' azzjoni ta' riżoluzzjoni.

(43)

Importanti li jiġi żgurat li s-setgħat ta' valwazzjoni negattiva u konverżjoni jkunu jistgħu jiġu applikati b'rabta mal-obbligazzjonijiet kollha li mhumiex esklużi mill-Artikolu 44(2) tad-Direttiva 2014/59/UE. Għall-obbligazzjonijiet irregolati mil-liġi ta' pajjiż terz, għajr dawk li jaqgħu taħt il-lista ta' obbligazzjonijiet li għalihom tapplika l-esklużjoni fl-Artikolu 55(1) tad-Direttiva 2014/59/UE, għandu jiddaħħal terminu kuntrattwali sabiex jappoġġa l-applikazzjoni tas-setgħat ta' valwazzjoni negattiva u konverżjoni għat-tali obbligazzjonijiet.

(44)

It-termini kuntrattwali msemmijin fl-Artikolu 55(1) tad-Direttiva 2014/59/UE għandhom jiddaħħlu fil-ftehimiet li joħolqu obbligazzjoni li għaliha japplika dak l-Artikolu, li tkun daħlet fis-seħħ wara d-data ta' applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet adottati għat-traspożizzjoni tat-Taqsima 5 tal-Kapitolu IV tat-Titolu IV tad-Direttiva 2014/59/UE.

(45)

B'mod partikolari, it-terminu kuntrattwali msemmi fl-Artikolu 55(1) tad-Direttiva 2014/59/UE għandu jkun inkluż fil-ftehimiet rilevanti dwar obbligazzjoni li, malli tinħoloq, ma tkunx kompletament garantita jew tkun garantita għalkollox iżda t-termini kuntrattwali li jirregolaw l-obbligazzjoni ma jobbligawx lid-debitur iżomm kollateral li jiggarantixxi l-obbligazzjoni għalkollox fuq bażi kontinwa b'konformità mar-rekwiżiti regolatorji speċifikati fil-liġi tal-Unjoni jew il-liġi ekwivalenti fil-pajjiżi terzi.

(46)

Għall-ftehimiet rilevanti li jidħlu fis-seħħ qabel id-data ta' applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet adottati għat-traspożizzjoni tat-Taqsima 5 tal-Kapitolu IV tat-Titolu IV tad-Direttiva 2014/59/UE, għandu jiddaħħal it-terminu kuntrattwali meta l-obbligazzjonijiet jinħolqu minn dak il-ftehim wara d-data ta' traspożizzjoni.

(47)

Barra minn hekk, għal ftehimiet rilevanti li jidħlu fis-seħħ qabel id-data ta' applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet adottati għat-traspożizzjoni tat-Taqsima 5 tal-Kapitolu IV tat-Titolu IV tad-Direttiva 2014/59/UE, emendi materjali li jaffettwaw id-drittijiet u l-obbligi sostantivi ta' parti għall-ftehim għandhom jinvolvu l-obbligu li jiddaħħal it-terminu kuntrattwali msemmi fl-Artikolu 55(1) tad-Direttiva 2014/59/UE. Emendi mhux materjali li ma jaffettwawx id-drittijiet u l-obbligi sostantivi ta' parti għal ftehim relevanti ma għandhomx ikunu biżżejjed sabiex jattivaw ir-rekwiżit li jiddaħħal it-terminu kuntrattwali; fil-każijiet kollha l-oħrajn, għandu jiddaħħal it-terminu kuntrattwali.

(48)

Sabiex ikun hemm livell xieraq ta' konverġenza filwaqt li jiġi żgurat li d-differenzi fis-sistemi legali jew dawk li jirriżultaw mill-għamla jew il-forma tal-obbliggazzjoni jkunu jistgħu jiġu kkunsidrati mill-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni, l-istituzzjonijiet u l-entitajiet imsemmijin fil-punti (b), (c) u (d) tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2014/59/UE, xieraq li jiġi stabbilit il-kontenut obbligatorju għat-terminu kuntrattwali.

(49)

Bil-għan li jinkiseb approċċ uniformi madwar l-Unjoni li jiżgura koordinazzjoni effettiva bejn l-awtoritajiet rilevanti u sabiex l-awtorità ta' riżoluzzjoni tkun tista' tieħu deċiżjonijiet ta' riżoluzzjoni informati b'mod adegwat u veloċi, dan ir-Regolament jistabbilixxi l-proċeduri u l-kontenut tan-notifiki stabbiliti fil-paragrafi 1, 2 u 3 tal-Artikolu 81 tad-Direttiva 2014/59/UE.

(50)

In-notifiki għandhom isiru permezz ta' komunikazzjonijiet elettroniċi siguri, u jirriflettu l-urġenza u l-importanza tas-suġġett. Sabiex tiġi promossal-koordinazzjoni bejn il-partijiet, il-komunikazzjoni orali minn qabel u l-konferma sussegwenti tar-riċevuta huma kkontemplati fil-proċess.

(51)

In-notifiki għandhom jipprovdu informazzjoni adegwata lir-riċevitur sabiex iwettaq il-kompiti tiegħu minnufih, u għalhekk jiġi stabbilit kontenut speċifiku fir-rigward in-notifika li trid tiġi sottomessa lill-awtorità kompetenti mill-korp maniġerjali ta' istituzzjoni jew entità msemmija fil-punt (b), (c) jew (d) tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2014/59/UE meta tkun qed tfalli jew aktarx li se tfalli. B'mod simili, il-komunikazzjoni tat-tali notifika mill-awtorità kompetenti lill-awtorità ta' riżoluzzjoni għandha tinkludi dik l-informazzjoni li tippermetti lil din tal-aħħar twettaq il-kompiti tagħha. Għandhom jiġu pprovduti wkoll rekwiżiti speċifiċi tal-kontenut fir-rigward tan-notifika tal-valutazzjoni li istituzzjoni jew entità msemmija fil-punt (b), (c) jew (d) tal-Artikolu 1(1) qed tfalli jew aktarx li se tfalli, meta t-tali valutazzjoni tinbeda mill-awtorità kompetenti jew l-awtorità ta' riżoluzzjoni rispettivament. F'dan il-każ, in-notifika għandha tispeċifika wkoll il-kundizzjonijiet rilevanti stabbiliti fil-punti (a) u (b) tal-Artikolu 32(1) tad-Direttiva 2014/59/UE.

(52)

Bil-għan li jipprovdi approċċ armonizzat madwar l-Unjoni sabiex jinforma b'mod adegwat lill-partijiet interessati bl-azzjonijiet ta' riżoluzzjoni, dan ir-Regolament jistabbilixxi l-proċeduri u l-kontenut tal-avviż li jiġbor fil-qosor l-effetti tal-azzjoni ta' riżoluzzjoni, inkluża d-deċiżjoni ta' sospensjoni jew restrizzjoni tal-eżerċizzju ta' ċerti drittijiet skont l-Artikoli 69, 70 u 71 tad-Direttiva 2014/59/UE.

(53)

Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-kontenut tat-tali avviż, fir-rigward ta' ċerta informazzjoni kritika li trid tintbagħat lil konsumaturi u operaturi u kredituri; fir-rigward tal-elementi li mhumiex speċifikati f'dan ir-Regolament, l-avviż għandu jkun konsistenti mal-istrateġija ġenerali ta' komunikazzjoni żviluppata bħala parti mill-pjan ta' riżoluzzjoni u indirizzata fil-Kapitolu II, it-Taqsimiet I u II ta' dan ir-Regolament. Hemm bżonn li jiġu adottati standards tekniċi regolatorji sabiex jiġu stabbiliti regoli dettaljati u uniformi fir-rigward tal-istabbiliment u l-proċeduri li jridu jiġu segwiti mill-kulleġġi ta' riżoluzzjoni meta jitwettqu l-funzjonijiet u l-kompiti stabbiliti fl-Artikolu 88 tad-Direttiva 2014/59/UE minħabba l-impatt qawwi li l-ippjanar tar-riżoluzzjoni tal-grupp u r-riżoluzzjoni jista' jkollhom f'iktar minn Stat Membru wieħed.

(54)

Meta jiġi stabbilit kulleġġ ta' riżoluzzjoni, hemm bżonn li jiġi evitat xogħol doppju li diġà jkun għamel is-superviżur konsolidatur u l-kulleġġ superviżorju. Huwa importanti wkoll li jiġi żgurat li din il-ħidma tiġi aġġustata sabiex twieġeb għall-ħtiġijiet tal-funzjonament tal-kulleġġ. B'mod partikolari, xieraq li jiġi żgurat li l-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp tieħu f'kunsiderazzjoni, taġġorna u taġġusta kif xieraq il-ħidma rilevanti kollha li jagħmel is-superviżur konsolidatur fil-kuntest tal-kulleġġ superviżorju, b'mod partikolari fir-rigward tal-identifikazzjoni tal-entitajiet tal-grupp rilevanti u, konsegwentement, tal-awtoritajiet li għandhom ikunu mistednin isiru membri jew osservaturi tal-kulleġġ (“proċess ta' mmappjar”).

(55)

Ir-referenza għal gruppi jew kulleġġi oħrajn bl-istess kompiti u funzjonijiet skont l-Artikolu 88(6) tad-Direttiva 2014/59/UE għandhom jinftiehmu li jinkludu, iżda mhux limitati għal, gruppi ta' mmaniġġar ta' kriżijiet stabbiliti skont il-prinċipji u l-approċċi komuni żviluppati mill-Bord għall-Istabbilità Finanzjarja u l-G20. Għalhekk huwa importanti li jkun previst li l-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp, meta jivvalutaw l-obbligu tagħhom li jistabbilixxu kulleġġ ta' riżoluzzjoni, jivvalutaw ukoll jekk dawn il-gruppi jew il-kulleġġi l-oħrajn joperawx skont id-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament.

(56)

L-involviment ta' awtoritajiet ta' riżoluzzjoni ta' pajjiżi terzi bħala osservaturi fil-kulleġġ ta' riżoluzzjoni diġà huwa previst fl-Artikolu 88(3) tad-Direttiva 2014/59/UE. Għalhekk hemm bżonn li jiġi pprovdut għall-proċess ta' organizzazzjoni tal-parteċipazzjoni tagħhom fil-kulleġġ ta' riżoluzzjoni u l-involviment tagħhom fil-bosta kompiti tal-kulleġġ.

(57)

Sabiex jinkiseb ippjanar effettiv tar-riżoluzzjoni, hemm bżonn ta' interazzjoni u kooperazzjoni effiċjenti u fil-ħin bejn il-kulleġġ ta' riżoluzzjoni u l-grupp bankarju, b'mod partikolari bejn l-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp u l-impriża prinċipali fl-Unjoni. Għal dak il-għan, l-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp hija mistennija tinforma lill-impriża prinċipali fl-Unjoni dwar l-istabbiliment tal-kulleġġ ta' riżoluzzjoni, il-kompożizzjoni tiegħu u dwar kwalunkwe bidla f'din il-kompożizzjoni. Madankollu, interazzjoni u kooperazzjoni effiċjenti u fil-ħin bejn l-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp u l-impriża prinċipali fl-Unjoni ma għandhomx jinjoraw il-veloċità tal-azzjoni meħtieġa sabiex tinżamm l-istabbiltà finanzjarja jew l-għamla preparatorja jew preventiva u l-valutazzjoni ekonomika kumplessa meħtieġa fl-ippjanar tar-riżoluzzjoni.

(58)

L-arranġamenti bil-miktub u l-proċeduri tal-kulleġġ ta' riżoluzzjoni għandhom jinkludu d-dispożizzjonijiet tal-organizzazzjoni meħtieġa sabiex jiġu żgurati proċessi effiċjenti u effettivi ta' teħid ta' deċiżjonijiet. B'mod partikolari, il-kulleġġ ta' riżoluzzjoni għandu jagħraf il-bżonn li jiġu stabbiliti substrutturi flessibbli fi ħdan il-kulleġġ ta' riżoluzzjoni sabiex jitwettqu l-funzjonijiet tal-kulleġġ u jiġi żgurat li l-membri jistgħu jikkontribwixxu b'mod xieraq f'kull waħda mill-funzjonijiet tal-kulleġġ. B'mod partikolari, meta jitqies xieraq li l-awtoritajiet, għajr il-membri tal-kulleġġ, jieħdu sehem fil-kulleġġ bħala osservaturi, hemm bżonn li l-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp tiżgura li l-patti u l-kundizzjonijiet tal-parteċipazzjoni jiġu stabbiliti fl-arranġamenti bil-miktub u li ma jkunux iktar favorevoli minn dawk stabbiliti f'dan ir-Regolament għall-membri tal-kulleġġ.

(59)

L-arranġamenti bil-miktub u l-proċeduri tal-kulleġġ ta' riżoluzzjoni għandhom jinkludu wkoll id-dispożizzjonijiet operattivi meħtieġa sabiex jiġi żgurat li l-kulleġġ jippermetti lill-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni kemm li jikkoordinaw il-kontribut tagħhom lill-kulleġġ ta' riżoluzzjoni kif ukoll li jorganizzaw l-analiżi, il-kunsiderazzjoni u l-evalwazzjoni tal-kontribut li l-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni jirċievu mingħand il-kulleġġ superviżorju. Għaldaqstant, idealment, l-arranġamenti bil-miktub għandhom jinkludu proċess ta' komunikazzjoni bejn il-kulleġġ superviżorju kif ukoll ta' riżoluzzjoni, speċjalment bjen l-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp u s-superviżur konsolidatur. L-arranġamenti bil-miktub għandhom jistabbilixxu wkoll il-proċessi li jridu jiġu segwiti fil-kulleġġ ta' riżoluzzjoni biex jintlaħaq fehim komuni, fil-każijiet kollha fejn tkun meħtieġa l-koordinazzjoni fil-prattika, iżda ma hemmx bżonn ta' deċiżjoni konġunta skont id-Direttiva 2014/59/UE.

(60)

L-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp għandu jkollha aċċess għall-informazzjoni neċessarja kollha għat-twettiq tal-kompiti u r-responsabbiltajiet tagħha u għandha taġixxi bħala l-koordinatur għall-ġbir u t-tixrid tal-informazzjoni riċevuta minn kwalunkwe membri tal-kulleġġ, jew minn kwalunkwe entità fil-grupp soġġetta għad-dispożizzjonijiet dwar il-kunfidenzjalità u dispożizzjonijiet li jkopru l-iskambju ta' informazzjoni kunfidenzjali stabbilita fid-Direttiva 2014/59/UE.

(61)

Sabiex jiġi żgurat li l-proċeduri operattivi jkunu effettivi sabiex jindirizzaw każ ta' emerġenza, l-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp għandha tagħmel testijiet għall-funzjonament tal-kulleġġ ta' riżoluzzjoni u, fejn tqis li huwa xieraq, għandha titħalla tinvolvi lill-impriża prinċipali fl-Unjoni fit-twettiq ta' dawn it-testijiet.

(62)

Ippjanar f'waqtu u realistiku għall-proċessi ta' deċiżjoni konġunta kollha huwa essenzjali. Kull awtorità ta' riżoluzzjoni involuta f'dawn il-proċessi għandha tagħti lill-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp il-kontribuzzjoni tagħha fid-deċiżjoni konġunta rispettiva f'waqtha u b'mod effiċjenti u skont l-iskedi ta' żmien relevanti għad-deċiżjoni konġunta.

(63)

Hemm bżonn li jiġi żgurat li d-deċiżjonijiet konġunti jittieħdu b'mod veloċi u fil-ħin. Dan huwa ta' importanza partikolari għal deċiżjonijiet dwar ir-riżoluzzjoni iżda rilevanti wkoll għall-ippjanar tar-riżoluzzjonijiet. Fl-istess ħin, għandu jiġi żgurat li l-awtoritajiet kollha involuti fil-proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet konġunti jingħataw biżżejjed żmien sabiex jesprimu l-fehma tagħhom. Sabiex issib il-bilanċ xieraq bejn iż-żewġ objettivi, l-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp għandha tingħata s-setgħa li tissottometti l-abbozz tal-proposta tagħha lill-awtoritajiet l-oħrajn involuti fil-proċess filwaqt li fl-istess ħin tistabbilixxi limitu ta' żmien adegwat li wara li jiskadi għandu jiġi supponut li l-awtoritajiet li ma joġġezzjonawx jagħtu l-kunsens tagħhom għal dik il-proposta. Meta jiġi stabbilit il-limitu ta' żmien rilevanti, l-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp għandha tqis il-perjodu ta' żmien attwali tal-proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet kif stipulat mid-dispożizzjonijiet tal-liġi jew kif stabbilit qabel mill-kulleġġ innifsu.

(64)

Sabiex jiġi żgurat li jiġi stabbilit proċess effettiv, l-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp għandu jkollha r-responsabbiltà finali li tistabbilixxi s-sekwenzjar tal-istadji li jridu jiġu segwiti. Għandhom jiġu stabbiliti l-istadji biex tintlaħaq kwalunkwe deċiżjoni konġunta, filwaqt li jiġi rikonoxxut li wħud minn dawn l-istadji jistgħu jitwettqu b'mod parallel u oħrajn b'mod sekwenzjali.

(65)

Skont l-Artikolu 13(3) tad-Direttiva 2014/59/UE, il-pjanijiet ta' riżoluzzjoni tal-grupp għandhom jiġu riveduti u aġġornati tal-inqas darba fis-sena. Madankollu, hemm bżonn li jiġi żgurat li l-pjanijiet ta' riżoluzzjoni tal-grupp jiġu riveduti u aġġornati wkoll fuq bażi ad hoc, jekk jinqala' dan il-bżonn fid-dawl tal-informazzjoni li jirċievi l-kulleġġ superviżorju jew fuq inizjattiva tal-kulleġġ ta' riżoluzzjoni stess.

(66)

Sabiex tissaħħaħ it-trasparenza tal-funzjonament tal-kulleġġi ta' riżoluzzjoni, f'dan ir-Regolament għandhom jiġu stabbiliti kundizzjonijiet uniformi ċari ta' komunikazzjoni tad-deċiżjonijiet konġunti lill-impriża prinċipali fl-Unjoni u lill-entitajiet l-oħrajn tal-grupp rilevanti. Sabiex tiġi żgurata komparabbiltà tal-proċessi u l-eżiti, biex b'hekk tinkiseb konverġenza, hemm bżonn li jiġu stabbiliti regoli uniformi ċari dwar il-proċess u d-dokumentazzjoni meħtieġa għat-teħid ta' deċiżjonijiet konġunti fi ħdan il-kulleġġi ta' riżoluzzjoni.

(67)

Għandu jiġi żgurat koordinament tad-deċiżjonijiet individwali meħudin mill-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp u l-awtorità ta' riżoluzzjoni tas-sussidjarji fin-nuqqas ta' deċiżjoni konġunta sabiex il-kulleġġ ta' riżoluzzjoni jkun jista' jwettaq dmiru kif stipulat fl-Artikolu 88(1) tad-Direttiva 2014/59/UE. B'hekk, hemm bżonn li jiġi stabbilit il-proċess tal-funzjonament tal-kulleġġ bħala qafas għall-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp u l-awtoritajiet l-oħrajn sabiex jinkiseb ippjanar effiċjenti u li jista' jinħadem ta' riżoluzzjoni tal-grupp, anki fin-nuqqas ta' deċiżjonijiet konġunti.

(68)

Meta jiġu biex isibu hemmx bżonn ta' skema ta' riżoluzzjoni ta' grupp, l-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni rilevanti li jieħdu sehem fil-kulleġġ ta' riżoluzzjoni għandhom jikkunsidraw, b'konformità mal-Artikoli 91 u 92 tad-Direttiva 2014/59/UE, jekk hemmx dimensjoni tal-grupp għar-riżoluzzjoni inkwistjoni. Għal dak l-għan, l-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp għandha tieħu impenn li tidentifika l-entitajiet kollha tal-grupp li huma jew li jistgħu jkunu affettwati f'każ li entità mill-grupp jew l-impriża prinċipali fl-Unjoni tissodisfa l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 32 jew 33 tad-Direttiva 2014/59/UE.

(69)

Sabiex jiġu żgurati l-aħjar kundizzjonijiet għal riżoluzzjoni, hemm bżonn li ssir ħidma effiċjenti u effettiva fi ħdan perjodu qasir ta' żmien. Għaldaqstant, importanti li jkun previst li meta l-kulleġġ ta' riżoluzzjoni jikkunsidra hemmx bżonn ta' skema ta' riżoluzzjoni ta' grupp, dan għandu jqis ukoll il-ħtieġa li jiġu mutwalizzati l-arranġamenti finanzjarji nazzjonali. B'mod partikolari, fir-rigward tal-pjanijiet ta' finanzjament u l-applikazzjoni tad-Direttiva 2014/59/UE, il-kulleġġ ta' riżoluzzjoni għandu jqis jekk hemmx bżonn tal-mutwalizzazzjoni tal-arranġamenti finanzjarji nazzjonali. Fin-nuqqas ta' mutwalizzazzjoni, il-kontenut u l-proċess tal-pjan ta' finanzjament għandhom jiġu rranġati kif xieraq. Sabiex tiġi żgurata effiċjenza, l-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp għandha titħalla tibdel il-valutazzjoni pożittiva finali tagħha fuq il-ħtieġa ta' skema ta' riżoluzzjoni ta' grupp mal-proposta tagħha dwar dik l-iskema.

(70)

Safejn possibbli u xieraq, l-iskema ta' riżoluzzjoni ta' grupp għandha tqis u ssegwi l-pjan ta' riżoluzzjoni tal-grupp sakemm l-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni, wara li jqisu ċ-ċirkustanzi tal-każ, ma jqisux li l-objettivi tar-riżoluzzjoni jinkisbu b'mod iktar effettiv billi jieħdu azzjonijiet li humiex stipulati fil-pjan ta' riżoluzzjoni.

(71)

Hemm bżonn li dawk kollha affettwati mir-riżoluzzjoni ta' istituzzjoni jkunu jifhmu bis-sħiħ il-fehmiet u l-azzjonijiet ta' awtorità ta' riżoluzzjoni li ma taqbilx mad-deċiżjoni konġunta dwar l-iskema ta' riżoluzzjoni ta' grupp għall-finijiet ta' koordinazzjoni. Għaldaqstant, kwalunkwe awtorità li ma taqbilx għandha tipprovdi raġunament ċar lill-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp għan-nuqqas ta' qbil tagħha.

(72)

Dan ir-Regolament huwa msejjes fuq l-abbozz ta' standards tekniċi regolatorji ppreżentat mill-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) lill-Kummissjoni.

(73)

Għall-finijiet tal-istandards tekniċi regolatorji dwar il-kontenut tal-pjanijiet ta' riżoluzzjoni għal istituzzjonijiet li mhumiex parti minn grupp soġġett għal superviżjoni konsolidata skont l-Artikoli 111 u 112 tad-Direttiva 2013/36/UE, u l-kontenuti tal-pjanijiet ta' riżoluzzjoni meħtieġa għall-gruppi, b'konformità, rispettivament, mal-Artikoli 10 u 13 tad-Direttiva 2014/59/UE, u għall-istandards tekniċi regolatorji marbutin mal-kriterji li jridu jiġu eżaminati għall-valutazzjoni tar-riżolvibbiltà tal-istituzzjonijiet jew il-gruppi, previsti, rispettivament, fl-Artikolu 15(4) u l-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 2014/59/UE, l-EBA kkonsultat lill-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku.

(74)

L-EBA wettqet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji li fuqu huwa bbażat dan ir-Regolament, analizzat il-kostijiet u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbet l-opinjoni tal-Grupp tal-Partijiet Bankarji Interessati stabbilit skont l-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmula fi Brussell, it-23 ta' Marzu 2016.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER

1. Ħarsa ġenerali

,
Titlu Regolamentazzjoni

1.1 Referenzi

1.2 Rekwiżiti identifikati

1.3 Standards relatati

2. Rekwiżiti identifikati

Rekwiżiti
Sors Rekwiżit

3. Standards relatati

Standards
Sors Rekwiżit
  • Builddate: 08.07.2016 00:00:00 -Doknr: CELEX:32016R1075
  • EULAW_ET -

    EULAW_ET