7. Il-Kummissjoni għandha tirrieżamina l-atti delegati msemmijin fil-paragrafu 2 fuq bażi regolari sabiex tiżgura li l-kontromiżuri speċifiċi identifikati skont il-paragrafu 5 iqisu l-bidliet fil-qafas AML/CFT tal-pajjiż terz u jkunu proporzjonati u adegwati għar-riskji.
Malli tirċievi notifika skont il-paragrafu 6, il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-informazzjoni riċevuta biex tiddetermina jekk dawk ir-riskji speċifiċi li jirriżultaw minn dak il-pajjiż jaffettwawx l-integrità tas-suq intern tal-Unjoni. Fejn xieraq, il-Kummissjoni għandha tirrieżamina l-atti delegati msemmija fil-paragrafu 2, billi żżid il-kontromiżuri meħtieġa biex jittaffew dawk ir-riskji addizzjonali. Fejn il-Kummissjoni tqis li l-miżuri addizzjonali speċifiċi applikati minn Stat Membru skont il-paragrafu 6 mhumiex meħtieġa biex itaffu riskji speċifiċi li jirriżultaw minn dak il-pajjiż terz, hija tista’ tiddeċiedi, permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni, li l-Istat Membru għandu jtemm il-kontromiżura addizzjonali speċifika.