11. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-entità responsabbli għar-reġistru ċentrali jkollha s-setgħa li twettaq, direttament jew billi tirrikorri għal awtorità oħra, inkluż awtoritajiet ġudizzjarji, kontrolli, inkluż spezzjonijiet fuq il-post fil-bini tan-negozju jew fl-uffiċċju rreġistrat ta' entitajiet ġuridiċi, sabiex tiġi stabbilita s-sjieda benefiċjarja attwali tal-entità u biex jiġi vverifikat li l-informazzjoni ppreżentata lir-reġistru ċentrali tkun akkurata, adegwata u aġġornata. Id-dritt tal-entità responsabbli għar-reġistru ċentrali li tivverifika l-informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja m'għandux ikun limitat, ostakolat jew prekluż.
Meta l-fiduċjarju jew il-persuna li jkollha pożizzjoni ekwivalenti tkun entità marbuta b'obbligu kif imsemmija fl-Artikolu 3, il-punt (3)(a), (b) jew (c), tar-Regolament (UE) 2024/1624, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-entità responsabbli għar-reġistru ċentrali jkollha wkoll is-setgħa li twettaq kontrolli, inkluż spezzjonijiet fuq il-post fil-bini tan-negozju jew fl-uffiċċju rreġistrat tal-fiduċjarju jew tal-persuna f'pożizzjoni ekwivalenti. Dawk il-kontrolli għandhom jaderixxu tal-anqas mas-salvagwardji li ġejjin:
|
(a)
|
fir-rigward ta' persuni fiżiċi, meta l-bini tan-negozju jew l-uffiċju reġistrat ikun l-istess bħar-residenza privata tal-persuna fiżika, l-ispezzjoni fuq il-post għandha tkun soġġetta għal awtorizzazzjoni ġudizzjarja minn qabel;
|
|
(b)
|
kwalunkwe salvagwardja proċedurali fis-seħħ fl-Istat Membru biex jiġi protett il-privileġġ legali għandha tiġi rispettata u m'għandha tiġi aċċessata l-ebda informazzjoni protetta mill-privileġġ legali.
|
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-entitajiet responsabbli għar-reġistri ċentrali jkollhom is-setgħa li jitolbu informazzjoni minn reġistri oħra, inkluż f'pajjiżi terzi, sal-punt li tali informazzjoni tkun meħtieġa biex iwettqu l-funzjonijiet ta’ tali entitajiet.