4. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-reġistri ċentrali jżommu rekords tal-persuni li jaċċessaw l-informazzjoni skont dan l-Artikolu u jkunu jistgħu jiddivulgawhom lis-sidien benefiċjarji meta jippreżentaw talba skont l-Artikolu 15(1), il-punt (c), tar-Regolament (UE) 2016/679.
Madankollu, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni pprovduta mir-reġistri ċentrali ma twassalx għall-identifikazzjoni ta’ kwalunkwe persuna li tikkonsulta r-reġistru fejn tali persuni jkunu:
|
(a)
|
persuni li jaġixxu għall-fini ta' ġurnaliżmu, rappurtar jew kwalunkwe forma oħra ta' espressjoni fil-media li jkunu marbuta mal-prevenzjoni jew il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus, ir-reati predikati tiegħu jew il-finanzjament tat-terroriżmu;
|
|
(b)
|
organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jkunu marbuta mal-prevenzjoni jew il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus, ir-reati predikati tiegħu jew il-finanzjament tat-terroriżmu.
|
Barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-entitajiet responsabbli għar-reġistri ċentrali jżommu lura milli jiddivulgaw l-identità ta’ kwalunkwe kontroparti ta' pajjiż terz tal-awtoritajiet kompetenti tal-Unjoni fil-qasam tal-AML/CFT imsemmija fl-Artikolu 2(1), il-punt 44(a) u (c), tar-Regolament (UE) 2024/1624, sakemm ikun meħtieġ biex jiġu protetti l-analiżijiet jew l-investigazzjonijiet ta' dik l-awtorità.
B'rabta mal-persuni msemmija fil-punti (a) u (b) tat-tieni subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li meta s-sidien benefiċjarji jippreżentaw talba skont l-Artikolu 15(1), il-punt (c), tar-Regolament (UE) 2016/679, dawn jingħataw informazzjoni dwar il-funzjoni jew l-okkupazzjoni tal-persuni li jkunu kkonsultaw l-informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja tagħhom.
Għall-finijiet tat-tielet subparagrafu, meta jitolbu aċċess għall-informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja skont dan l-Artikolu, l-awtoritajiet għandhom jindikaw il-perjodu li għalih jitolbu lir-reġistri ċentrali biex iżommu lura mid-divulgazzjoni, li m'għandux jaqbeż il-5 snin, u r-raġunijiet għal dik ir-restrizzjoni, inkluż kif l-għoti tal-informazzjoni jipperikola l-iskop tal-analiżi u l-investigazzjonijiet tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta r-reġistri ċentrali ma jiddivulgawx l-identità tal-entità li tkun ikkonsultat l-informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja, kwalunkwe estensjoni ta' dak il-perjodu għandha tingħata biss abbażi ta' talba ġustifikata mill-awtorità fil-pajjiż terz, għal perjodu massimu ta' sena, li warajh għandha tiġi ppreżentata talba ġustifikata ġdida għal estensjoni minn dik l-awtorità.