Artikolu 10
Punti ta’ kampjunament
1. Il-post tal-punti ta’ kampjunament għall-kejl ta’ l-ożonu għandu jiġi determinat bl-użu tal-kriterji stabbiliti fl-Anness VIII.
2. Il-punti ta’ kampjunament għall-kejl fiss ta’ l-ożonu f’kull żona jew agglomerazzjoni li fihom il-kejl ikun is-sors waħdieni ta’ l-informazzjoni għall-valutazzjoni tal-kwalità ta’ l-arja m’għandux ikun anqas min-numru minimu tal-punti ta’ kampjunament speċifikat fit-Taqsima A ta’ l-Anness IX.
3. Għal żoni u agglomerazzjonijiet li fihom l-informazzjoni minn punti ta’ kampjunament għall-kejl fiss tiġi supplimentata bl-informazzjoni mill-mudellar u/jew kejl indikattiv, in-numru ta’ punti ta’ kampjunament speċifikat fit-Taqsima A ta’ l-Annessi IX jista’ jitnaqqas jekk jintlaħqu l-kondizzjonijiet li ġejjin:
(a) il-metodi supplimentari jipprovdu informazzjoni suffiċjenti għall-valutazzjoni tal-kwalità ta’ l-arja fir-rigward tal-valuri mmirati, l-objettivi għal perijodu fit-tul, u l-limiti ta’ l-informazzjoni u l-allert;
(b) in-numru ta’ punti ta’ kampjunament li jiġu installati u r-riżoluzzjoni ġeografika ta’ metodi tekniċi oħra ikunu biżżejjed sabiex il-konċentrazzjoni ta’ l-ożonu tiġi stabbilita skond l-objettivi tal-kwalità tad-data speċifikati fit-Taqsima A ta’ l-Anness I u għandu jippermetti li r-riżultati tal-valutazzjoni josservaw il-kriterji speċifikati fit-Taqsima B ta’ l-Anness I;
(ċ) in-numru ta’ punti ta’ kampjunament f’kull żona jew agglomerazzjoni jammonta għal ta’ l-anqas punt wieħed ta’ kampjunament kull żewġ miljun abitant jew punt wieħed ta’ kampjunament kull 50 000 km2 skond liema jipproduċi l-akbar numru ta’ punti ta’ kampjunament, iżda ma m’għandux ikun anqas minn punt wieħed ta’ kampjunament f’kull żona jew agglomerazzjoni;
(d) id-dijossidu tan-nitroġenu jitkejjel fil-punti kollha ta’ kampjunament ħlief fl-istazzjonijiet bi sfond rurali kif imsemmi fit-Taqsima A ta’ l-Anness VIII.
Għandu jittieħed kont tar-riżultati tal-mudellar u/jew tal-kejl indikattiv għall-valutazzjoni tal-kwalità ta’ l-arja fir-rigward tal-valuri mmirati.
4. Id-dijossidu tan-nitroġenu għandu jitkejjel f’minimu ta’ 50 % tal-punti ta’ kampjunament ta’ l-ożonu meħtieġa fit-Taqsima A ta’ l-Annessi IX. Dak il-kejl għandu jkun kontinwu ħlief fl-istazzjonijiet bi sfond rurali, kif imsemmi fit-Taqsima A ta’ l-Anness VIII, fejn metodi oħra ta’ kejl jistgħu jintużaw.
5. F’żoni u agglomerazzjonijiet fejn, matul kull waħda mill-ħames snin ta’ qabel ta’ kejl, il-konċentrazzjonijiet huma taħt l-għanijiet għal perijodu fit-tul, l-għadd ta’ punti ta’ kampjunament għall-kejl fiss għandu jkun determinat skond it-Taqsima B ta’ l-Anness IX.
6. Kull Stat Membru għandu jiżgura li ta’ l-anqas punt wieħed ta’ kampjunament jkun installat u mħaddem fit-territorju tiegħu sabiex jipprovdi data dwar konċentrazzjonijiet tas-sustanzi prekursuri ta’ l-ożonu elenkati fl-Anness X. Kull Stat Membru għandu jagħżel in-numru u l-lokalità ta’ l-istazzjonijiet fejn is-sustanzi prekursuri ta’ l-ożonu jitkejlu, wara li jitqiesu l-objettivi u l-metodi stabbiliti fl-Anness X.