Artikolu 29
Pjanijiet esterni ta’ rispons għal emerġenza u tħejjija għal emerġenza
1. L-Istati Membri għandhom iħejju pjanijiet esterni ta’ rispons għal emerġenza li jkopru l-installazzjonijiet kollha taż-żejt u tal-gass offshore jew infrastrutturi konnessi u ż-żoni potenzjalment affettwati fil-ġurisdizzjoni tagħhom. L-Istati Membri għandhom jispeċifikaw ir-rwol u l-obbligu finanzjarju tad-detenturi tal-liċenzji u l-operaturi fil-pjanijiet ta' rispons estern għal emerġenza.
2. Il-pjanijiet esterni ta' rispons għal emerġenza għandhom jitħejjew mill-Istat Membru f'kooperazzjoni mal-operaturi u s-sidien rilevanti u, kif adatt, mad-detenturi tal-liċenzji u mal-awtorità kompetenti, u għandhom iqisu l-pjanijiet interni ta' rispons għal emerġenza l-aktar aġġornati tal-installazzjonijiet eżistenti jew ippjanati jew l-infrastruttura konnessa fiż-żona koperta mill-pjan estern ta' rispons għam emerġenza.
3. Il-pjanijiet esterni ta’ rispons għal emerġenza għandhom jitħejjew f'konformità mal-Anness VII, u għandhom isiru disponibbli għall-Kummissjoni, għal Stati Membri oħra potenzjalment affettwati u għall-pubbliku. Meta jagħmlu disponibbli l-pjanijiet esterni ta' rispons għal emerġenza tagħhom l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni mogħtija ma toħloqx riskji għas-sikurezza u s-sigurtà tal-installazzjonijiet taż-żejt u tal-gass offshore u l-operazzjoni tagħhom u ma tkunx ta' ħsara għall-interessi ekonomiċi tal-Istati Membri jew is-sikurezza u l-benessri personali tal-uffiċjali tal-Istati Membri.
4. L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri xierqa sabiex jilħqu livell għoli ta’ kompatibbiltà u interoperabbiltà fit-tagħmir u l-għarfien espert għar-rispons bejn l-Istati Membri kollha f’reġjun ġeografiku, u aktar ’il bogħod meta jkun adatt. L-Istati Membri għandhom jinkoraġġixxu lill-industrija biex tiżviluppa tagħmir ta’ rispons u servizzi kuntrattati li jkunu kompatibbli u interoperabbli fir-reġjun ġeografiku kollu.
5. L-Istati Membri għandhom iżommu dokumentazzjoni tat-tagħmir u s-servizzi ta' rispons għal emerġenza skont l-Anness VIII, punt 1. Din id-dokumentazzjoni għandha tkun disponibbli għall-Istati Membri l-oħra potenzjalment affettwati u għall-Kummissjoni u, fuq bażi reċiproka, għall-pajjiżi terzi ġirien.
6. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-operaturi u s-sidien għandhom regolarment jittestjaw it-tħejjija tagħhom biex jirrispondu b'mod effettiv għal inċidenti kbar f'kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet rilevanti tal-Istati Membri.
7. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jew, fejn adatt, il-punti ta' kuntatt jiżviluppaw xenarji ta' kooperazzjoni għal sitwazzjonijiet ta' emerġenza. Tali xenarji jistgħu jiġu vvalutati regolarment u aġġornati kif meħtieġ.