Artikolu 22
Kooperazzjoni u informazzjoni
1. Meta jikkonformaw mal-obbligi tagħhom taħt dan ir-Regolament, l-Istati Membri għandhom jagħmlu kull sforz biex jiżguraw koordinazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri kollha kkonċernati u, fejn ikun prattiku u adatt, jużaw l-istrutturi eżistenti derivanti minn ftehimiet reġjonali jew internazzjonali. B'mod partikolari, l-Istati Membri kkonċernati għandhom jistinkaw sabiex jiżguraw koordinazzjoni mal-Istati Membri l-oħra li jikkondividu:
(a) l-istess subreġjuni tal-baħar f'konformità mal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2008/56/KE, fir-rigward ta' speċijiet tal-baħar;
(b) l-istess reġjun bijoġeografiku f'konformità mal-punt (iii) tal-punt (ċ) tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 92/43/KEE, fir-rigward ta' speċijiet mhux tal-baħar;
(d) l-istess baċir ta' xmara f'konformità mal-punt (13) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/60/KE, fir-rigward ta' speċijiet tal-ilma ħelu; jew
(e) kwalunkwe kwistjoni oħra komuni ta' tħassib.
Fuq talba tal-Istati Membri involuti, il-Kummissjoni għandha tieħu azzjoni biex tiffaċilita l-koordinazzjoni.
2. Meta jikkonformaw mal-obbligi tagħhom taħt dan ir-Regolament, l-Istati Membri għandhom jistinkaw biex jikkooperaw ma' pajjiżi terzi, kif ikun meħtieġ, inkluż bl-użu ta' strutturi eżistenti derivanti minn ftehimiet reġjonali jew internazzjonali, għall-finijiet li jinkisbu l-objettivi ta' dan ir-Regolament.
3. L-Istati Membri jistgħu wkoll japplikaw dispożizzjonijiet bħal dawk imsemmijin fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, biex jiżguraw koordinazzjoni u kooperazzjoni ma' Stati Membri oħra rilevanti fir-rigward ta' speċijiet aljeni invażivi li huma sors ta' tħassib għall-Istat Membru identifikati f'listi nazzjonali adottati f'konformità mal-Artikolu 12(1). L-Istati Membri jistgħu wkoll jistabbilixxu mekkaniżmi għal kooperazzjoni fil-livell adatt għal dawk l-ispeċijiet aljeni invażivi. Mekkaniżmi bħal dawn jistgħu jinkludu skambju ta' informazzjoni u data, pjanijiet ta' azzjoni dwar mogħdijiet u skambju tal-aħjar prattika dwar ġestjoni, kontroll u qerda ta' speċijiet aljeni invażivi, sistemi ta' twissija bikrija u programmi marbuta mal-kuxjenza pubblika jew l-edukazzjoni.