+Preamble: 1

Preamble: 1

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 192(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkonsultaw il-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Id-Direttiva tal-Kunsill 1999/32/KE (3) ġiet emendata kemm-il darba (4) b'mod sostanzjali. Għal iktar ċarezza u razzjonalità, dik id-Direttiva għandha tiġi kkodifikata.

(2)

Il-politika ambjentali tal-Unjoni, kif stabbilita fil-programmi ta' azzjoni dwar l-ambjent u b'mod partikolari fis-Sitt Programm ta' Azzjoni Ambjentali li ġie adottat bid-Deċiżjoni Nru 1600/2002/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) u fis-Seba' Programm ta' Azzjoni Ambjentali li ġie adottat bid-Deċiżjoni Nru 1386/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6), għandha bħala wieħed mill-għanijiet tagħha l-kisba ta' livelli ta' kwalità tal-arja li ma joħolqux impatti negattivi sinifikanti fuq is-saħħa tal-bniedem u l-ambjent u li ma jkunux ta' riskju għalihom.

(3)

L-Artikolu 191(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprovdi li l-politika tal-Unjoni dwar l-ambjent għandha timmira biex ikun hemm livell għoli tal-protezzjoni li tqis id-diversità tas-sitwazzjonijiet fid-diversi reġjuni tal-Unjoni.

(4)

Din id-Direttiva tistabbilixxi l-kontenut massimu permess ta' kubrit fiż-żejt karburant tqil, fil-gażojl, fil-gażojl ghal użu marittimu u fiż-żejt diżil ghal użu marittimu użati fl-Unjoni.

(5)

L-emissjonijiet mit-trasport marittimu minħabba l-kombustjoni ta' karburanti għal użu marittimu b'kontenut għoli ta' kubrit jikkontribwixxu għat-tniġġis tal-arja fil-forma ta' diossidu tal-kubrit u materja partikulata, li jagħmlu ħsara lis-saħħa tal-bniedem u lill-ambjent u jikkontribwixxu għad-depożitu aciduż. Mingħajr il-miżuri stipulati f'din id-Direttiva, l-emissjonijiet mill-bastimenti kienu jkunu fi żmien qasir ogħla mill-emissjonijiet mis-sorsi l-oħra kollha bbażati fuq l-art.

(6)

L-aċidifikazzjoni u d-diossidu tal-kubrit atmosferiku jagħmlu ħsara lill-ekosistemi sensittivi, inaqqsu l-biodiversità u jnaqqsu l-valuri tal-amenitajiet u jaffettwaw ħażin il-produzzjoni tal-uċuħ u t-tkabbir ta' foresti. Ix-xita aċida li tinżel fl-ibliet tista' tikkawża ħsarat sinifikanti għall-bini u wirt arkitettoniku. It-tniġġiż mill-aċidu solforiku jista' wkoll ikollu effett sinifikanti fuq is-saħħa tal-bniedem, b'mod partikolari fost dawk is-setturi tal-popolazzjoni li jsofru minn mard respiratorju.

(7)

L-aċidifikazzjoni hija fenomenu li jaqsam il-fruntieri li jeħtieġ kemm soluzzjonijiet tal-Unjoni kif ukoll soluzzjonijiet nazzjonali jew lokali.

(8)

L-emissjonijiet ta' diossidu tal-kubrit jikkontribwixxu għall-formazzjoni ta' materja partikolari fl-atmosfera.

(9)

It-tniġġis tal-arja kkawżat minn bastimenti rmiġġati huwa kawża maġġuri ta' tħassib għal ħafna bliet li għandhom portijiet fil-kuntest tal-isforzi tagħhom biex jirrispettaw il-valuri ta' limitu tal-Unjoni għall-kwalità tal-arja.

(10)

L-Istati Membri għandhom jinkoraġġixxu l-użu tal-elettriku minn sorsi terrestri, billi l-elettriku ghall-bastimenti ta' llum normalment jiġi pprovdut minn magni awżiljarji.

(11)

L-Unjoni u l-Istati Membri individwali huma Partijiet Kontrattwali għall-Konvenzjoni tal-UN-ECE tat-13 ta' Novembru 1979 dwar Tniġġiż tal-Arja Transkonfini fuq Distanza Twila. It-tieni Protokoll tal-UN-ECE dwar tniġġiż transkonfini bid-diossidu tal-kubrit jistipula li l-Partijiet Kontrattwali għandhom inaqqsu l-emissjonijiet ta' diossidu tal-kubrit bi 30 % jew iktar tat-tnaqqis speċifikat fl-ewwel Protokoll, u t-tieni Protokoll tal-UN-ECE huwa bbażat fuq il-premessa li ż-żidiet u livelli kritiċi se jkomplu jkunu maqbuża f'ċerti żoni sensittivi. Miżuri oħra biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta' diossidu tal-kubrit jibqgħu jkunu meħtieġa. Il-Partijiet Kontrattwali għandhom għalhekk jagħmlu aktar tnaqqis sinifikanti fl-emissjonijiet ta' diossidu tal-kubrit.

(12)

Il-kubrit, li huwa preżenti b'mod naturali fi kwantitajiet żgħar fiż-żejt u l-faħam, ilu għal għexieren ta' snin rikonoxxut bħala s-sors dominanti ta' emissjonijiet ta' diossidu tal-kubrit, li huma waħda mill-kawżi prinċipali tax-“xita aċida” u waħda mill-kawżi maġġuri tat-tniġġis tal-arja li jinħass f'ħafna żoni industrijali u tal-ibliet.

(13)

Studji wrew li l-benefiċċji mit-tnaqqis ta' emissjonijiet ta' diossidu tal-kubrit bit-tnaqqis tal-kontenut ta' kubrit fil-karburanti spiss ikunu ferm akbar mill-ispejjeż stmati għall-industrija f'din id-Direttiva. It-tekonoloġija teżisti u hija stabbbilita sewwa biex jitnaqqas il-livell ta' kubrit tal-karburanti likwidi.

(14)

B'konformità mal-Artikolu 193 tat-TFUE, din id-Direttiva m'għandhiex iżżomm lil kwalunkwe Stat Membru milli jżomm jew jintroduċi miżuri protettivi iktar stretti sabiex jinkoraġġixxi l-implimentazzjoni bikrija fir-rigward tal-kontenut massimu tal-kubrit fil-karburanti għal użu marittimu, pereżempju bl-użu ta' metodi ta' tnaqqis tal-emissjonijiet barra Żoni ta' Kontroll għall-Emissjonijiet ta' SOx. Tali miżuri huma meħtieġa li jkunu kompatibbli mat-Trattati u għandhom jiġu notifikati lill-Kummissjoni.

(15)

Stat Membru, qabel ma jintroduċi miżuri ġodda, aktar stretti, għandu jinnotifika bl-abbozz tagħhom lill-Kummissjoni skont id-Direttiva (UE) 2015/1535 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7).

(16)

It-TFUE jirrikjedi li tingħata konsiderazzjoni lill-karatteristiċi speċjali tar-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni, ċioé d-dipartimenti barranin Franċiżi, l-Ażores, Madeira u l-Gżejjer Kanari.

(17)

Fir-rigward tal-limitu tal-kontenut ta' kubrit fiż-żejt karburant tqil, huwa xieraq li jsiru dispożizzjonijiet għal derogi fi Stati Membri u reġjuni fejn il-kondizzjonijiet ambjentali jippermettu.

(18)

Fir-rigward tal-limitu fuq il-kontenut tal-kubrit fiż-żejt karburant tqil, huwa wkoll xieraq li jsiru dispożizzjonijiet għal derogi għall-użu tagħhom fl-impjanti ta' kombustjioni li jikkonformaw mal-valuri limiti ta' emissjoni stabbiliti fid-Direttiva 2001/80/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8), jew fl-Anness V tad-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9).

(19)

Għal impjanti ta' kombustjoni tar-raffineriji esklużi mill-ambitu tal-punt (d) tal-Artikolu 3(2) jew il-punt (c) tal-Artikolu 3(3) ta' din id-Direttiva, l-emissjoni ta' diossidu tal-kubrit bħala medja fuq tali impjanti m'għandhiex teċċedi il-limiti stipulati fid-Direttiva 2001/80/KE, jew fl-Anness V għad-Direttiva 2010/75/UE, jew f'xi reviżjoni futura ta' dawk id-Direttivi. Fl-applikazzjoni ta' din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jiftakru li s-sostituzzjoni b'karburanti barra minn dawk imsemmija fl-Artikolu 2 m'għandhiex tipproduċi żieda fl-emissjonijiet ta' tniġġiż li jġib l-aċidità.

(20)

Fl-2008, l-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO) adottat riżoluzzjoni sabiex jiġi emendat l-Anness VI tal-Protokoll tal-1997 biex jemenda l-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Prevenzjoni tat-Tniġġis minn Vapuri, tal-1973, kif modifikata mill-Protokoll tal-1978 relatat magħha (MARPOL), li tinkludi regolamenti għall-prevenzjoni tat-tniġġis tal-arja minn vapuri. L-Anness VI rivedut tal-MARPOL daħal fis-seħħ fl-1 ta' Lulju 2010.

(21)

L-Anness VI rivedut tal-MARPOL jintroduċi, fost l-oħrajn, limiti aktar stretti għall-kubrit tal-karburanti għal użu marittimu fiż-Żoni ta' Kontroll għall-Emissjonijiet ta' SOx (1,00 % mill-1 ta' Lulju 2010 u 0,10 % mill-1 ta' Jannar 2015) kif ukoll fiż-żoni tal-baħar barra ż-Żoni ta' Kontroll għall-Emissjonijiet ta' SOx (3,50 % mill-1 ta' Jannar 2012 u, bħala prinċipju, 0,50 % mill-1 ta' Jannar 2020). Il-maġġoranza tal-Istati Membri huma obbligati, f'konformità mal-impenji internazzjonali tagħhom, jesiġu li l-vapuri jużaw karburant b'kontenut massimu ta' kubrit ta' 1,00 % fiż-Żoni ta' Kontroll għall-Emissjonijiet ta' SOx mill-1 ta' Lulju 2010. Sabiex tiġi żgurata l-koerenza mal-liġi internazzjonali kif ukoll sabiex jiġi żgurat infurzar korrett tal-istandards il-ġodda għall-kubrit li ġew stabbiliti b'mod globali fl-Unjoni, din id-Direttiva għandha tkun allinjata mal-Anness VI rivedut tal-MARPOL. Sabiex tiġi żgurata kwalità minima tal-karburant użat minn vapuri għal konformità abbażi tal-karburant jew abbażi tat-teknoloġija, ma għandux jitħalla jintuża fl-Unjoni karburant għal użu marittimu li l-kontenut ta' kubrit tiegħu jeċċedi l-istandard ġenerali ta' 3,50 %, ħlief għall-karburanti forniti lil vapuri li jużaw metodi ta' tnaqqis tal-emissjonijiet li joperaw b'mod magħluq.

(22)

L-emendi għall-Anness VI tal-MARPOL fir-rigward taż-Żoni ta' Kontroll għall-Emissjonijiet ta' SOx huma possibbli taħt proċeduri tal-IMO. Fil-każ li iktar tibdiliet, inklużi eżenzjonijiet, jiġu introdotti fir-rigward tal-applikazzjoni ta' limiti għal Żoni ta' Kontroll għall-Emissjonijiet ta' SOx fl-Anness VI tal-MARPOL, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra kwalunkwe tali tibdil u, fejn ikun xieraq, mingħajr dewmien tagħmel il-proposta meħtieġa skont it-TFUE sabiex iġġib din id-Direttiva f'konformità mar-regoli tal-IMO fir-rigward taż-Żoni ta' Kontroll għall-Emissjonijiet ta' SOx.

(23)

L-introduzzjoni ta' kwalunkwe żona ġdida ta' kontroll tal-emissjonijiet għandha tkun suġġetta għall-proċess tal-IMO taħt l-Anness VI tal-MARPOL u għandha tkun ibbażata fuq każ fundat tajjeb għal raġunijiet ambjentali u ekonomiċi u appoġġata minn data xjentifika.

(24)

Skont ir-Regolament 18 tal-Anness VI rivedut tal-MARPOL, l-Istati Membri għandhom jaħdmu biex jiżguraw id-disponibilità ta' karburanti għal użu marittimu li jkunu konformi ma' din id-Direttiva.

(25)

Fil-perspettiva tad-dimensjoni globali tal-politiki ambjentali u l-emissjonijiet mill-bastimenti, għandhom jiġu stabbiliti standards ambizzjużi għall-emissjonijiet fuq livell globali.

(26)

L- Unjoni se tkompli tinsisti għal protezzjoni aktar effettiva ta' żoni sensittivi għall-emissjonijiet ta' SOx u tnaqqis fil-valur limitu normali għaż-żejt karburant tal-bunker fl-IMO.

(27)

Il-vapuri tal-passiġġieri joperaw l-aktar fil-portijiet jew qrib zoni tal-kosta u l-impatti tagħhom fuq is-saħħa tal-bniedem u l-ambjent huma sinifikanti. Sabiex tittejjeb il-kwalità tal-arja madwar il-portijiet u ż-żoni tal-kosta, dawk il-vapuri huma mehtiega jużaw karburant ghal użu marittimu b'kontenut massimu ta' kubrit ta' 1,50 % sa meta standards aktar stretti jkunu japplikaw ghall-bastimenti kollha fl-ibħra territorjali, żoni ekonomici esklużivi u ż-żoni ta' kontroll tat-tniġġiż tal-Istati Membri.

(28)

Sabiex tigi ffaċilitata t-tranżizzjoni għal teknoloġiji ġodda tal-magni bil-potenzjal għal aktar tnaqqis sinifikanti tal-emissjonijiet fis-settur marittimu, il-Kummissjoni għandha tesplora iktar opportunitajiet sabiex taġevola u tinkoraġġixxi l-użu ta' magni li joperaw bil-gass fil-bastimenti.

(29)

Sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta' din id-Direttiva huwa meħtieġ l-infurzar korrett tal-obbligi fir-rigward tal-kontenut ta' kubrit fil-karburanti għal użu marittimu. L-esperjenza mill-implimentazzjoni tad-Direttiva 1999/32/KE wriet li hemm bżonn ta' sistema aktar b'saħħitha ta' monitoraġġ u infurzar sabiex tigi żgurata l-implimentazzjoni korretta ta' din id-Direttiva. Għal dak il-ghan, huwa meħtieg li l-Istati Membri jiżguraw teħid ta' kampjuni suffiċjentement frekwenti u preċiżi ta' karburant għal użu marittimu li jitqiegħed fis-suq jew li jintuża abbord il-vapuri kif ukoll verifika regolari tar-reġistri li jinżammu abbord il-vapuri u tan-noti ta' kunsinna tal-bunker. Jeħtieg ukoll li l-Istati Membri jistabbilixxu sistema ta' penali effettivi, proporzjonati u dissważivi għan-nuqqas ta' konformità mad-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva. Sabiex tkun żgurata informazzjoni iktar trasparenti, huwa xieraq ukoll li ssir dispożizzjoni biex ir-reġistru tal-fornituri lokali ta' karburant għal użu marittimu jkun disponibbli b'mod pubbliku.

(30)

Il-konformità mal-limiti baxxi ta' kubrit fil-karburanti għal użu marittimu, b'mod partikolari fiż-Żoni ta' Kontroll għall-Emissjonijiet ta' SOx, tista' twassal għal żieda sinifikanti fil-prezz ta' tali karburanti, għall-inqas fuq perjodu qasir, u jista' jkollha effett negattiv fuq il-kompetittività tat-trasport marittimu fuq distanzi qosra meta mqabbel ma' modi oħra tat-trasport, kif ukoll fuq il-kompetittività tal-industriji fil-pajjiżi li jikkonfinaw ma' Żoni ta' Kontroll għall-Emissjonijiet ta' SOx. Huma meħtieġa soluzzjonijiet xierqa sabiex jitnaqqsu l-ispejjeż tal-konformità għall-industriji affettwati, tali l-possibilità li jkunu jistgħu jintużaw metodi alternattivi ta' konformità li jkunu iżjed effettivi f'termini ta' spejjeż mill-konformità fuq il-bażi tal-karburanti u jiġi pprovdut appoġġ, fejn meħtieġ. Il-Kummissjoni għandha, abbażi inter alia ta' rapporti mill-Istati Membri, tissorvelja mill-qrib l-impatti tal-konformità tas-settur tat-trasport marittimu mal-istandards il-ġodda tal-kwalità tal-karburanti, b'mod partikolari fir-rigward tal-possibilità ta' tranżizzjoni modali mit-trasport bil-baħar lura għal dak fuq l-art, u għandha, jekk ikun xieraq, tipproponi miżuri xierqa biex tikkontrobatti tali tendenza.

(31)

Huwa importanti li t-tranżizzjoni modali minn trasport fuq il-baħar għal trasport fuq l-art tkun limitata peress li jekk dejjem jiżdied is-sehem ta' merkanzija li tinġarr bit-triq, dan f'ħafna każijiet ikun jmur kontra l-objettivi tal-Unjoni fir-rigward tat-tibdil fil-klima u jżid il-konġestjoni.

(32)

L-ispejjeż tar-rekwiżiti ġodda biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tad-diossidu tal-kubrit jistgħu jirriżultaw fi tranżizzjoni modali minn trasport fuq il-baħar għal trasport fuq l-art u jista' jkollhom effetti negattivi fuq il-kompetittività tal-industriji. Il-Kummissjoni għandha tagħmel użu sħiħ minn strumenti bħall-Marco Polo u n-network tat-trasport trans-Ewropew biex tipprovdi għajnuna mmirata biex jitnaqqas ir-riskju tat-tranżizzjoni modali. L-Istati Membri jistgħu jqisu li jkun meħtieġ li jipprovdu appoġġ lill-operaturi affettwati minn din id-Direttiva skont ir-regoli applikabbli dwar l-għajnuna mill-Istat.

(33)

Skont il-linji gwida eżistenti dwar l-għajnuna mill-Istat għall-ħarsien ambjentali, u mingħajr preġudizzju għall-bidliet futuri li jsiru fihom, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu għajnuna mill-Istat favur operaturi affettwati minn din id-Direttiva, inkluża għajnuna għall-operazzjonijiet ta' retrofitting ta' bastimenti eżistenti, jekk tali miżuri ta' għajnuna jitqiesu bħala kompatibbli mas-suq intern taħt l-Artikoli 107 u 108 tat-TFUE, b'mod partikolari fid-dawl tal-linji gwida applikabbli dwar l-għajnuna mill-Istat għall-ħarsien ambjentali. F'dan il-kuntest, il-Kummissjoni tista' tqis li l-użu ta' ċerti metodi ta' tnaqqis ta' emissjonijiet imorru lil hinn mir-rekwiżiti ta' din id-Direttiva billi jnaqqsu mhux biss l-emissjonijiet tad-diossidju tal-kubrit iżda wkoll emissjonijiet oħrajn.

(34)

Għandu jiġi ffaċilitat l-aċċess għal metodi ta' tnaqqis tal-emissjonijiet. Dawk il-metodi jistgħu jipprovdu tnaqqis fl-emissjonijiet tal-anqas ekwivalenti għal, jew saħansitra ikbar minn, dak li jista' jinkiseb bl-użu ta' karburanti b'livell baxx ta' kubrit, sakemm huma ma jkollhomx effetti negattivi sinifikanti fuq l-ambjent, bħall-ekosistemi tal-baħar, u sakemm jiġu żviluppati suġġett għal mekkaniżmi adegwati ta' approvazzjoni u kontroll. Il-metodi alternattivi diġà magħrufa, bħall-użu ta' sistemi abbord għat-tindif tal-gass tal-exhaust, it-taħlita ta' karburant u gass naturali likwifikat jew l-użu tal-bijokarburanti, għandhom jiġu rikonoxxuti fl-Unjoni. Huwa importanti li jiġi promoss l-ittestjar u l-iżvilupp ta' metodi ġodda għat-tnaqqis tal-emissjonijiet, sabiex, fost raġunijiet oħra, tkun limitata t-tranżizzjoni modali minn trasport fuq il-baħar għal trasport fuq l-art.

(35)

Il-metodi ta' tnaqqis tal-emissjonijiet għandhom il-potenzjal għal tnaqqis sinifikanti tal-emissjonijiet. Il-Kummissjoni għandha għalhekk tippromwovi l-ittestjar u l-iżvilupp u ta' tali teknoloġiji, inter alia billi tikkunsidra t-twaqqif ta' programm konġunt kofinanzjat mal-industrija ibbażat fuq prinċipji minn programmi simili, bħall-Programm Clean Sky.

(36)

Il-Kummissjoni, f'kooperazzjoni mal-Istati Membri u partijiet interessati, għandha tkompli tiżviluppa miżuri identifikati fid-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni tas-16 ta' Settembru 2011 intitolat “Tnaqqis ta' emissjonijiet inkwinanti mit-trasport marittimu u għodda għal trasport fuq l-ilma sostenibbli”.

(37)

Fil-każ ta' disgwid fil-forniment ta' żejt mhux maħdum, prodotti taż-żejt jew idrokarburi oħra, il-Kummissjoni tista' tawtorizza l-applikazzjoni ta' limitu ogħla ġewwa t-territorju ta' Stat Membru.

(38)

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-mekkaniżmi xierqa biex jissorveljaw il-konformità mad-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva. Għandhom jiġu ppreżentati rapporti dwar il-kontenut tal-kubrit tal-karburanti likwidi lill-Kummissjoni.

(39)

Jinħtieġ li din id-Direttiva tinkludi indikazzjonijiet dettaljati dwar il-kontenut u l-format tar-rapport sabiex ikun żgurat rappurtar iżjed armonizzat.

(40)

Is-setgħa li tadotta atti skont l-Artikolu 290 tat-TFUE għandha tiġi delegata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-emendar tal-valuri ekwivalenti ta' emissjoni għal, u l-kriterji tal-użu ta', il-metodi ta' tnaqqis ta' emissjonijiet stabbiliti fl-Annessi I u II ta' din id-Direttiva, sabiex jiġu adattati ghall-progress xjentifiku u tekniku b' mod li jiżgura konsistenza stretta mal-istrumenti rilevanti tal-IMO, u fir-rigward tal-emendar tal-punti (a) sa (e) u (p) tal-Artikolu 2, il-punt (b)(i) tal-Artikolu 13(2) u l-Artikolu 13(3) ta' din id-Direttiva sabiex dawk id-dispożizzjonijiet jiġu adattati għall-progress xjentifiku u tekniku. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni jkollha konsultazzjonijiet xierqa matul il-ħidma preparatorja tagħha, inklużi dawk fil-livell ta' esperti. Il-Kummissjoni, meta tipprepara u tfassal atti ta' delega, għandha tiżgura trażmissjoni simultanja, f'waqtha u adatta tad-dokumenti rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

(41)

Sabiex jiġu żgurati l-istess kundizzjonijiet għall-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva, il-Kummissjoni għandha tingħata setgħat ta' implimentazzjoni. Dawk is-setgħat għandhom ikunu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal- Kunsill (10).

(42)

Huwa xieraq li l-Kumitat dwar l-Ibħra Protetti u l-Prevenzjoni ta' Tniġġis minn Bastimenti li twaqqaf bir-Regolament (KE) Nru 2099/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11) jgħin lill-Kummissjoni fl-approvazzjoni tal-metodi tat-tnaqqis tal-emissjonijiet li mhumiex koperti bid-Direttiva tal-Kunsill 96/98/KE (12).

(43)

Penali effettivi, proporzjonati u disważivi huma importanti għall-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva. L-Istati Membri għandhom jinkludu f'dawk il-penali multi kkalkulati b'mod li jiżguraw li l-multi għall-inqas iċaħħdu lil dawk responsabbli mill-benefiċċji ekonomiċi miksuba mill-ksur tagħhom u li dawk il-multi jiżdiedu gradwalment fil-każ ta' ksur ripetut. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bid-dispożizzjonijiet dwar il-penali.

(44)

Din id-Direttiva għandha tkun bla ħsara għall-obbligi tal-Istati Membri rigward il-limiti ta' żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali tad-Direttivi msemmija fl-Anness III, Parti B,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Magħmul fi Strasburgu, il-11 ta' Mejju 2016.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

J.A. HENNIS-PLASSCHAERT

1. Ħarsa ġenerali

,
Titlu Regolamentazzjoni

1.1 Referenzi

1.2 Rekwiżiti identifikati

1.3 Standards relatati

2. Rekwiżiti identifikati

Rekwiżiti
Sors Rekwiżit

3. Standards relatati

Standards
Sors Rekwiżit
  • Builddate: 21.05.2016 00:00:00 -Doknr: CELEX:32016L0802
  • EULAW -

    EN: Legal acts of the European Union from EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © European Union. Re-use is authorised by Decision 2011/833/EU, provided the source is acknowledged; the consolidated texts are licensed under CC BY 4.0 (EUR-Lex legal notice). Divided into sections and converted into the GRCA format, the wording unchanged. Only the legislation published in the Official Journal of the European Union is deemed authentic.

    DE: Rechtsakte der Europäischen Union aus EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © Europäische Union. Weiterverwendung nach Beschluss 2011/833/EU mit Quellenangabe gestattet; die konsolidierten Fassungen stehen unter CC BY 4.0 (Rechtlicher Hinweis von EUR-Lex). In Abschnitte aufgeteilt und in das GRCA-Format umgewandelt, der Wortlaut unverändert. Verbindlich sind allein die im Amtsblatt der Europäischen Union veröffentlichten Rechtsakte.