|
+ANNESS IV |
ANNESS IV
ANNESS IV TAĦRIĠ U ĊERTIFIKAZZJONI TAL-INSTALLATURI U D-DISINJATURI TA’ INSTALLAZZJONIJIET TAL-ENERĠIJA RINNOVABBLI L-iskemi ta’ ċertifikazzjoni jew l-iskemi ta’ kwalifikazzjoni ekwivalenti u l-programmi ta’ taħriġ imsemmija fl-Artikolu 18(3) għandhom ikunu bbażati fuq il-kriterji li ġejjin:
1.
Il-proċess ta’ ċertifikazzjoni jew ta’ kwalifikazzjoni ekwivalenti għandu jkun trasparenti u definit b’mod ċar mill-Istati Membri jew mill-korp amministrattiv maħtur minnhom.
1a.
Iċ-ċertifikati maħruġa mill-korpi taċ-ċertifikazzjoni għandhom ikunu definiti b’mod ċar u faċli biex jiġu identifikati l-ħaddiema u l-professjonisti li jkunu jixtiequ jiksbu ċ-ċertifikazzjoni.
1b.
Il-proċess ta’ ċertifikazzjoni għandu jippermetti lill-installaturi jiksbu l-għarfien teoriku u prattiku meħtieġ u jiggarantixxi l-eżistenza tal-ħiliet meħtieġa biex jiġu stabbiliti installazzjonijiet ta’ kwalità għolja li joperaw b’mod affidabbli.
2.
L-installaturi ta’ sistemi li jużaw bijomassa, pompi tas-sħana, sistemi ġeotermiċi tal-wiċċ u sistemi solari fotovoltajċi u solari termiċi, inklużi l-ħżin tal-enerġija u l-punti tal-irriċarġjar, għandhom ikunu ċċertifikati minn programm ta’ taħriġ jew minn fornitur tat-taħriġ akkreditat jew minn skemi ta’ kwalifikazzjoni ekwivalenti.
3.
L-akkreditament tal-programm ta’ taħriġ jew tal-fornitur għandu jsir mill-Istati Membri jew mill-korp amministrattiv maħtur minnhom. Il-korp ta’ akkreditament għandu jiżgura li l-programmi ta’ taħriġ, ta’ titjib tal-ħiliet u ta’ tiġdid tal-ħiliet offruti mill-fornitur tat-taħriġ ikunu inklużivi u jkollhom kontinwità u kopertura reġjonali jew nazzjonali. Il-fornitur tat-taħriġ għandu jkollu faċilitajiet tekniċi adegwati biex jipprovdi taħriġ prattiku, inkluż biżżejjed tagħmir tal-laboratorju jew faċilitajiet korrispondenti biex jipprovdi taħriġ prattiku. Minbarra t-taħriġ bażiku, il-fornitur tat-taħriġ għandu joffri korsijiet iqsar ta’ aġġornament u titjib tal-ħiliet organizzati f’moduli ta’ taħriġ li jippermettu lill-installaturi u lid-disinjaturi jżidu kompetenzi ġodda, iwessgħu u jiddiversifikaw il-ħiliet tagħhom f’diversi tipi ta’ teknoloġija u l-kombinamenti tagħhom. Il-fornitur tat-taħriġ għandu jiżgura l-adattament tat-taħriġ għal teknoloġija tal-enerġija rinnovabbli ġdida fil-kuntest tal-bini, l-industrija u l-agrikoltura. Il-fornituri tat-taħriġ għandhom jirrikonoxxu l-ħiliet rilevanti miksuba. Il-programmi u l-moduli ta’ taħriġ għandhom jitfasslu b’tali mod li jippermettu t-tagħlim tul il-ħajja f’installazzjonijiet tal-enerġija rinnovabbli u li jkunu kompatibbli mat-taħriġ vokazzjonali għal dawk li jkunu jfittxu impjieg għall-ewwel darba u l-adulti li jkunu qed ifittxu tiġdid tal-ħiliet jew impjieg ġdid. Il-programmi ta’ taħriġ għandhom jitfasslu sabiex jiffaċilitaw il-kisba ta’ kwalifiki li jkopru tipi differenti ta’ teknoloġija u soluzzjonijiet u jevitaw speċjalizzazzjoni limitata f’marka jew teknoloġija speċifika. Il-fornitur tat-taħriġ jista’ jkun il-manifattur tat-tagħmir jew tas-sistema, jew istitut jew assoċjazzjoni.
4.
It-taħriġ li jwassal għaċ-ċertifikazzjoni jew il-kwalifika ta' installatur għandu jinkludi partijiet teoretiċi u prattiċi. Fi tmiem it-taħriġ, l-installatur għandu jkollu l-ħiliet meħtieġa biex jistalla t-tagħmir u s-sistemi rilevanti biex jilħqu l-ħtiġijiet ta' prestazzjoni u affidabbiltà tal-klijent, jinkludi sengħa ta' kwalità, u jikkonforma mal-kodiċijiet u standards applikabbli kollha, inklużi tikkettar tal-enerġija u ekotikkettar.
5.
Il-kors ta’ taħriġ għandu jintemm b’eżami li jwassal għal ċertifikat jew kwalifika. L-eżami għandu jinkludi prova prattika li tivvaluta l-installazzjoni korretta ta’ bojlers jew stufi tal-bijomassa, pompi tas-sħana, sistemi ġeotermiċi tal-wiċċ, sistemi solari fotovoltajċi jew termiċi, inklużi l-ħżin tal-enerġija jew l-punti tal-irriċarġjar, li jippermettu r-rispons għad-domanda.
6.
L-iskemi ta' ċertifikazzjoni jew l-iskemi ta' kwalifikazzjoni ekwivalenti msemmija fl-Artikolu 18(3) għandhom jieħdu kont debitu tal-linji gwida li ġejjin:
(a)
Programmi ta' taħriġ akkreditati għandhom ikunu offruti lil installaturi b'esperjenza tax-xogħol, li għamlu, jew li qed jagħmlu, it-tip ta' taħriġ li ġej:
(i)
fil-każ ta'installaturi ta' bojlers u stufi tal-bijomassa: taħriġ bħala plumber, fitter tal-pajpijiet, inġinier tas-sħana jew tekniku ta' tagħmir sanitarju jew ta' tisħin jew ta' tkessiħ bħala prerekwiżit;
(ii)
fil-każ ta' installaturi tal-pompi tas-sħana: taħriġ bħala plumber jew inġinier tas-sistemi tat-tkessiħ u jkollu ħiliet bażiċi fl-elettriku u s-sistemi tal-ilma (qtugħ ta' pajpijiet, issaldjar ta' ġonot tal-pajpijiet, inkullar ta' ġonot tal-pajpijiet, tqegħid ta' iżolant, issiġillar ta' fittings, ittestjar għan-nixxijiet u installazzjoni ta' sistemi ta' tisħin u tkessiħ) bħala prerekwiżit;
(iii)
fil-każ ta' installatur ta' sistemi fotovoltajċi solari u termali solari: taħriġ bħala plumber jew elettriċista, u jkollu ħiliet dwar sistemi tal-ilma, elettriċi u ta' tisqif; inkluż għarfien fl-issaldjar ta' ġonot tal-pajpijiet, l-inkullar ta' ġonot tal-pajpijiet, issiġillar ta' fittings, ittestjar għan-nixxijiet fis-sistemi tal-ilma, l-abbiltà li jgħaddi sistemi ta' wajers, familjarità mal-materjali bażiċi tas-soqfa, metodi ta' ifflaxxjar u ssiġillar bħala prerekwiżit; jew
(iv)
skema ta' taħriġ vokazzjonali biex tipprovdi installatur bil-ħiliet adegwati li jikkorrispondu għal tliet snin edukazzjoni fil-ħiliet imsemmija fil-punt (a), (b) jew (c), inklużi kemm it-tagħlim fil-klassi kif ukoll fuq il-post tax-xogħol.
(b)
Il-parti teoretika tat-taħriġ għall-installatur ta' stufi u bojlers tal-bijomassa għandha tagħti idea tas-sitwazzjoni fis-suq tal-bijomassa, u tkopri aspetti ekoloġiċi, karburanti mill-bijomassa, loġistika, protezzjoni min-nirien, sussidji relatati, tekniki tal-kombustjoni, sistemi tan-nar, soluzzjonijiet idrawliċi ottimali, tqabbil bejn spiża u potenzjal ta' profitt kif ukoll id-disinn, l-installazzjoni u l-manutenzjoni ta' bojlers u stufi tal-bijomassa. It-taħriġ għandu jipprovdi wkoll għarfien dwar kull standard Ewropew għat-teknoloġija u l-karburanti mill-bijomassa, bħal gerbub, u liġi nazzjonali u tal-Unjoni relatata mal-bijomassa.
(c)
Il-parti teorika tat-taħriġ tal-installatur tal-pompa tas-sħana għandha tagħti stampa ġenerali tas-sitwazzjoni fis-suq tal-pompi tas-sħana u tkopri sorsi ġeotermiċi tal-enerġija u temperaturi tas-sorsi mill-art ta’ reġjuni differenti, identifikazzjoni ta’ ħamrija u blat għall-konduttività termika, regolamenti dwar l-użu ta’ sorsi ġeotermiċi tal-enerġija, fattibbiltà tal-użu ta’ pompi tas-sħana fil-bini u d-determinazzjoni tal-aħjar sistema ta’ pompi tas-sħana, u għarfien dwar ir-rekwiżiti tekniċi tagħhom, is-sikurezza, il-filtraġġ tal-arja, il-konnessjoni mas-sors ta’ sħana u t-tqassim tas-sistema u l-integrazzjoni mas-soluzzjonijiet tal-ħżin tal-enerġija, anki f’kombinament ma’ installazzjonijiet solari. It-taħriġ għandu jipprovdi wkoll għarfien tajjeb dwar kull standard Ewropew għall-pompi tas-sħana, u dwar il-liġi nazzjonali u tal-Unjoni rilevanti. L-installatur għandu juri l-kompetenzi ewlenin li ġejjin:
(i)
konoxxenza bażika tal-prinċipji fiżiċi u ta' operazzjoni ta' pompa tas-sħana, inkluż il-karatteristiċi taċ-ċirku tal-pompa tas-sħana: il-kuntest bejn temperaturi baxxi tas- ►C2 dissipatur tas-sħana ◄ , temperaturi għoljin tas-sors tas-sħana, u l-effiċjenza tas-sistema, id-determinazzjoni tal-koeffiċjent tal-prestazzjoni u l-fattur tal-prestazzjoni staġjonali (SPF);
(ii)
konoxxenza bażika tal-komponenti u l-funzjoni tagħhom fi ħdan ċirku ta' pompa tas-sħana, inkluż il-kompressur, il-valv ta' espansjoni, l-evaporatur, il-kondensatur, tagħmir għall-iffittjar u fittings, żejt lubrifikant, refriġerant, superheating jew sub-cooling u possibbiltajiet ta' tkessiħ bil-pompi tas-sħana; u
(iii)
il-kapaċità li jagħżel u jkejjel il-komponenti f’sitwazzjonijiet tipiċi ta’ installazzjoni, inkluża d-determinazzjoni tal-valuri tipiċi tat-tagħbija tas-sħana ta’ bini differenti u għall-produzzjoni ta’ ilma sħun ibbażat fuq il-konsum ta’ enerġija, id-determinazzjoni tal-kapaċità tal-pompa tas-sħana fuq it-tagħbija tas-sħana għall-produzzjoni tal-ilma sħun, fuq il-massa inerzjali tal-bini u fuq il-provvista interrompibbli tal-kurrent; jiddetermina s-soluzzjoni tal-ħżin tal-enerġija, anki permezz tal-komponent tat-tank protettur u l-volum tiegħu u l-integrazzjoni tat-tieni sistema ta’ tisħin;
(iv)
konoxxenza tal-istudji tal-fattibbiltà u tad-disinn;
(v)
konoxxenza tat-tħaffir, f’każ ta’ pompi tas-sħana ġeotermika.
(d)
Il-parti teorika tat-taħriġ tal-installatur tas-sistemi solari fotovoltajċi u tas-sistemi solari termiċi għandha tagħti stampa ġenerali tas-sitwazzjoni tas-suq tal-prodotti solari u tqabbil tal-ispiża u l-potenzjal ta’ profitt, u tkopri l-aspetti ekoloġiċi, il-komponenti, il-karatteristiċi u d-daqsijiet tas-sistemi solari, l-għażla ta’ sistemi preċiżi u l-kejl tad-daqs tal-komponenti, id-determinazzjoni tad-domanda għas-sħana, l-għażliet għall-integrazzjoni ta’ soluzzjonijiet tal-ħżin tal-enerġija, il-protezzjoni min-nirien, is-sussidji relatati, kif ukoll id-disinn, l-installazzjoni u l-manutenzjoni tal-installazzjonijiet solari fotovoltajċi u termiċi. It-taħriġ għandu jipprovdi wkoll għarfien tajjeb ta’ kull standard Ewropew għat-teknoloġija, u ċertifikazzjoni bħal “Solar Keymark”, u l-liġi nazzjonali u tal-Unjoni relatata. L-installatur għandu juri l-kompetenzi ewlenin li ġejjin:
(i)
l-abbiltà li jaħdem b'mod sigur bl-użu tal-għodda u t-tagħmir meħtieġ u li jimplimenta kodiċijiet u standards tas-sigurtà u li jidentifika perikli fis-sistema tal-ilma, l-elettriku u oħrajn assoċjati ma' installazzjonijiet impjanti solari;
(ii)
il-kapaċità li jidentifika sistemi u l-komponenti speċifiċi tagħhom tas-sistemi attivi u passivi, inkluż id-disinn mekkaniku, u li jiddetermina l-post tal-komponenti, it-tqassim tas-sistemi u l-konfigurazzjoni, u l-għażliet għall-integrazzjoni ta’ soluzzjonijiet tal-ħżin tal-enerġija, anki permezz tal-kombinament ma’ stazzjonijiet tal-irriċarġjar;
(iii)
l-abbiltà li jiddetermina l-post meħtieġ għall-installazzjoni, l-orjentazzjoni u l-angolu tas-sistema fotovoltajka solari u tal-ħijter tal-ilma, billi jikkunsidra d-dell, l-aċċess għax-xemx, l-integrità strutturali, kemm l-installazzjoni hija xierqa għall-bini jew għall-klima u li jidentifika metodi ta' installazzjoni differenti adatti għat-tipi ta' soqfa u l-bilanċ tat-tagħmir tas-sistema meħtieġ għall-installazzjoni; u
(iv)
b'mod partikolari għas-sistemi fotovoltajċi solari, l-abbiltà li jiġi adattat id-disinn elettriku, inkluża d-determinazzjoni tal-kurrenti tad-disinn, bl-għażla ta' kondutturi xierqa u ratings għal kull ċirkwit elettriku, li jiddetermina d-daqs xieraq, ir-ratings u l-postijiet għat-tagħmir u s-sottosistemi kollha assoċjati u l-għażla ta' punt ta' interkonnessjoni xieraq.
(e)
Iċ-ċertifikazzjoni tal-installatur għandha tkun limitata fiż-żmien, bil-għan li jkun meħtieġ seminar jew attività ta' aġġornament għal ċertifikazzjoni kontinwa. 1. Ħarsa ġenerali
1.1 Referenzi1.2 Rekwiżiti identifikati1.3 Standards relatati2. Rekwiżiti identifikati
3. Standards relatati
|