+ANNESS VII

ANNESS VII




ANNESS VII

Rekwiżiti essenzjali għall-ajrudromi

1.   KARATTERISTIĊI FIŻIĊI, INFRASTRUTTURA U TAGĦMIR

1.1.   Żona ta' moviment

1.1.1.

L-ajrudromi għandu jkollhom żona apposta għat-tlugħ u għall-inżul tal-inġenji tal-ajru, li tissodisfa l-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a) 

iż-żona tat-tlugħ u tal-inżul għandu jkollha dimensjonijiet u karatteristiċi xierqa għall-inġenji tal-ajru maħsuba biex jużaw il-faċilità;

(b) 

iż-żona tat-tlugħ u tal-inżul, fejn applikabbli, għandha tkun b'saħħitha biżżejjed biex tiflaħ għal operazzjonijiet ripetittivi tal-inġenju tal-ajru li huwa ppjanat li jintuża. Dawk iż-żoni li mhumiex maħsuba għal operazzjonijiet ripetittivi jridu jkunu biss kapaċi jifilħu l-inġenju tal-ajru;

(c) 

iż-żona tat-tlugħ u tal-inżul għandha tkun iddisinjata b'tali mod li l-ilma jiskula minnha u li ilma qiegħed ma jkunx jista' jsir riskju inaċċettabbli għall-operazzjonijiet tal-inġenji tal-ajru;

(d) 

ix-xaqliba u l-bidliet fix-xaqliba ta' din iż-żona ma għandhomx joħolqu riskju inaċċettabbli għall-operazzjonijiet tal-inġenji tal-ajru;

(e) 

il-karatteristiċi tas-superfiċe taż-żona tat-tlugħ u tal-inżul għandhom ikunu xierqa għall-użu mill-inġenju tal-ajru li huwa ppjanat li jintuża; u

(f) 

ż-żona għat-tlugħ u tal-inżul għandha tkun ħielsa minn oġġetti li jistgħu joħolqu riskju inaċċettabbli għall-operazzjonijiet tal-inġenji tal-ajru.

1.1.2.

Fejn ikun hemm bosta żoni tat-tlugħ u tal-inżul deżinjati, dawn għandhom ikunu tali li ma joħolqux riskju inaċċettabbli għall-operazzjonijiet tal-inġenji tal-ajru.

1.1.3.

Iż-żona deżinjata tat-tlugħ u tal-inżul għandha tkun imdawra b'żoni definiti. Dawk iż-żoni huma maħsuba biex iħarsu l-inġenji tal-ajru li jtiru minn fuqhom waqt operazzjonijiet ta' tlugħ jew ta' nżul, jew biex itaffu l-konsegwenzi ta' nżul li jsir qabel tibda r-runway, il-ħruġ mill-ġenb tar-runway jew moviment lil hinn mil-limiti taż-żona tat-tlugħ u tal-inżul, u għandhom jissodisfaw il-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a) 

dawk iż-żoni għandu jkollhom dimensjonijiet xierqa għall-operazzjonijiet antiċipati tal-inġenji tal-ajru;

(b) 

ix-xaqliba u l-bidliet fix-xaqliba ta' dawk iż-żoni ma għandhomx joħolqu riskju inaċċettabbli għall-operazzjonijiet tal-inġenji tal-ajru;

(c) 

dawk iż-żoni għandhom ikunu ħielsa minn oġġetti li jistgħu joħolqu riskju inaċċettabbli għall-operazzjonijiet tal-inġenji tal-ajru. Dan ma għandux jipprekludi li jkun hemm tagħmir fraġli f'dawk iż-żoni, jekk ikun meħtieġ biex jassisti l-operazzjonijiet tal-inġenji tal-ajru; u

(d) 

kull waħda minn dawk iż-żoni għandha tkun b'saħħitha biżżejjed biex taqdi l-iskop tagħha.

1.1.4.

Dawk iż-żoni ta' ajrudrom, bil-madwar immedjat assoċjat tagħhom, li jridu jintużaw għat-taxiing jew għall-ipparkjar ta' inġenji tal-ajru, għandhom ikunu ddisinjati b'tali mod li jippermettu l-operazzjoni sikura tal-inġenju tal-ajru li mistenni juża l-faċilità partikolari fil-kondizzjonijiet kollha li sar pjan għalihom, u għandhom jissodisfaw il-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a) 

dawk iż-żoni għandhom ikunu b'saħħithom biżżejjed biex jifilħu għall-operazzjonijiet ripetittivi tal-inġenju tal-ajru li huwa ppjanat li jintuża, ħlief iż-żoni fejn hu mistenni biss użu okkażjonali u li jeħtieġu biss ikunu jifilħu l-inġenju tal-ajru;

(b) 

dawk iż-żoni għandhom ikunu ddisinjati biex l-ilma jiskula minnhom u biex l-ilma qiegħed ma jkunx jista' jsir riskju inaċċettabbli għall-operazzjonijiet tal-inġenji tal-ajru;

(c) 

ix-xaqliba u l-bidliet fix-xaqliba ta' dawk iż-żoni ma għandhomx joħolqu riskju inaċċettabbli għall-operazzjonijiet tal-inġenji tal-ajru;

(d) 

il-karatteristiċi tas-superfiċe ta' dawk iż-żoni għandhom ikunu xierqa għall-użu mill-inġenju tal-ajru li ser jintuża; u

(e) 

dawk iż-żoni għandhom ikunu ħielsa minn oġġetti li jistgħu joħolqu riskju inaċċettabbli għall-inġenji tal-ajru. Dan ma għandux jipprekludi tagħmir għall-parkeġġ meħtieġ għal dik iż-żona f'pożizzjonijiet jew f'żoni speċifikament identifikati.

1.1.5.

Infrastruttura oħra maħsuba biex tintuża minn inġenji tal-ajru għandha tkun iddisinjata b'tali mod li l-użu ta' dik l-infrastruttura ma joħloqx riskju inaċċettabbli għall-inġenji tal-ajru li jużawha.

1.1.6.

Kostruzzjonijiet, binjiet, tagħmir jew imħażen għandhom ikunu f'postijiet u ddisinjati b'tali mod li ma joħolqux riskju inaċċettabbli għall-operazzjonijiet tal-inġenji tal-ajru.

1.1.7.

Għandhom jiġu pprovduti mezzi xierqa li jżommu lil persuni mhux awtorizzati, vetturi jew annimali mhux awtorizzati li jkunu kbar biżżejjed li joħolqu riskju inaċċettabbli għall-operazzjonijiet tal-inġenji tal-ajru milli jidħlu fiż-żona tal-moviment, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet nazzjonali u internazzjonali dwar il-ħarsien tal-annimali.

1.2.   Separazzjoni mill-ostakli

1.2.1.

Sabiex jiġu protetti l-inġenji tal-ajru li jkunu resqin lejn ajrudrom għall-inżul, jew għat-tluq tagħhom minn ajrudrom, għandhom jiġu stabbiliti rotot jew żoni ta' wasla u ta' tluq. Rotot jew żoni bħal dawn għandhom jipprovdu l-inġenji tal-ajru bis-separazzjoni meħtieġa mill-ostakli li jkunu qegħdin fiż-żona madwar l-ajrudrom wara li jitqiesu l-karatteristiċi fiżiċi lokali.

1.2.2.

Din is-separazzjoni mill-ostakli għandha tkun xierqa għall-fażi tat-titjir u għat-tip ta' operazzjoni li qed titwettaq. Għandha wkoll tqis it-tagħmir li jkun qed jintuża sabiex tiġi ddeterminata l-pożizzjoni tal-inġenju tal-ajru.

1.3.   Tagħmir tal-ajrudrom marbut mas-sikurezza, inkluż għajnuniet viżivi u mhux viżivi

1.3.1.

L-għajnuniet iridu jkunu adattati għall-iskop tagħhom, jintgħarfu u jipprovdu informazzjoni mhux ambigwa lill-utenti skont il-kondizzjonijiet tal-operazzjoni kollha maħsuba.

1.3.2.

It-tagħmir tal-ajrudrom marbut mas-sikurezza għandu jaħdem kif maħsub fil-kondizzjonijiet tal-operazzjoni previsti. Fil-kondizzjonijiet tal-operazzjoni jew fil-każ ta' ħsara, it-tagħmir tal-ajrudrom marbut mas-sikurezza ma għandux jikkawża riskju inaċċettabbli għas-sikurezza tal-avjazzjoni.

1.3.3.

L-għajnuniet u s-sistema tal-provvista tal-elettriku tagħhom għandhom ikunu ddisinjati b'tali mod li l-ħsarat ma jirriżultawx f'għoti ta' informazzjoni mhux xierqa, qarrieqa jew insuffiċjenti lill-utenti, jew f'interruzzjoni ta' xi servizz essenzjali.

1.3.4.

Għandhom jiġu pprovduti mezzi xierqa ta' protezzjoni sabiex jiġu evitati l-ħsarat jew it-tfixkil ta' dawn l-għajnuniet.

1.3.5.

Sorsi tar-radjazzjoni jew il-preżenza ta' oġġetti jiċċaqalqu jew fissi ma għandhomx jinterferixxu jew jolqtu ħażin il-prestazzjoni tas-sistemi tal-komunikazzjoni, tan-navigazzjoni u tas-sorveljanza ajrunawtika.

1.3.6.

Għandu jkun hemm informazzjoni disponibbli lill-persunal rilevanti dwar l-operat u l-użu tat-tagħmir tal-ajrudrom marbut mas-sikurezza, inkluż indikazzjonijiet ċari tal-kondizzjonijiet li jistgħu joħolqu riskji inaċċettabbli għas-sikurezza tal-avjazzjoni.

1.4.   Data dwar l-ajrudromi

1.4.1.

Id-data rilevanti għall-ajrudrom u s-servizzi disponibbli għandhom jiġu stabbiliti u miżmuma aġġornati.

1.4.2.

Id-data għandha tkun preċiża, tista' tinqara, kompluta u mhux ambigwa. Għandhom jinżammu l-awtentiċità u livelli xierqa ta' integrità.

1.4.3.

Id-data għandha tkun disponibbli għall-utenti u għall-fornituri tal-ANS rilevanti fi żmien xieraq, billi jintuża metodu sigur u veloċi ta' komunikazzjoni.

2.   OPERAZZJONIJIET U ĠESTJONI

2.1.   Responsabbiltajiet tal-operatur tal-ajrudrom

L-operatur tal-ajrudrom huwa responsabbli mill-operat tal-ajrudrom. Ir-responsabbiltajiet tal-operatur tal-ajrudrom huma kif ġej:

(a) 

l-operatur tal-ajrudrom għandu jkollu, direttament jew b'arranġamenti ma' partijiet terzi, il-mezzi neċessarji kollha biex jiżgura l-operazzjoni sikura tal-inġenju tal-ajru fl-ajrudrom. Dawk il-mezzi għandhom jinkludu faċilitajiet, persunal, tagħmir u materjal, dokumentazzjoni tal-kompiti, responsabbiltajiet u proċeduri, aċċess għal data rilevanti u żamma ta' reġistri, iżda mhumiex limitati għal dawn;

(b) 

l-operatur tal-ajrudrom għandu jivverifika li jkun hemm konformità f'kull ħin mar-rekwiżiti tal-punt 1 jew jieħu miżuri xierqa biex itaffi r-riskji assoċjati man-nonkonformità. Il-proċeduri għandhom ikunu stabbiliti u applikati sabiex l-utenti kollha jkunu konxji f'kull ħin minn dawn il-miżuri;

(c) 

l-operatur tal-ajrudrom għandu, direttament jew b'arranġamenti ma' partijiet terzi, jistabbilixxi u jimplimenta programm xieraq ta' ġestjoni tar-riskji marbuta mal-preżenza ta' fawna selvaġġa fl-ajrudrom;

(d) 

l-operatur tal-ajrudrom għandu jiżgura, direttament jew b'arranġamenti ma' partijiet terzi, li l-movimenti tal-vetturi u l-persuni fiż-żona tal-moviment u żoni operazzjonali oħra jkunu kkoordinati mal-movimenti tal-inġenji tal-ajru biex jiġu evitati kolliżjonijiet u ħsarat lill-inġenji tal-ajru;

(e) 

l-operatur tal-ajrudrom għandu jiżgura li jiġu stabbiliti u implimentati proċeduri li jtaffu r-riskji marbuta mal-operazzjonijiet tal-ajrudrom waqt l-operat tiegħu fix-xitwa, f'kondizzjonijiet ħżiena tat-temp, f'viżibbiltà ħażina jew bil-lejl, fejn applikabbli;

(f) 

l-operatur tal-ajrudrom għandu jistabbilixxi arranġamenti ma' organizzazzjonijiet rilevanti oħra sabiex tiġi żgurata l-konformità kontinwa mar-rekwiżiti essenzjali għall-ajrudromi stabbiliti f'dan l-Anness. Dawk l-organizzazzjonijiet jinkludu, iżda mhumiex limitati għal, operaturi tal-inġenji tal-ajru, fornituri tal-ANS, fornituri ta' servizzi fuq l-art, fornituri tal-AMS u organizzazzjonijiet oħra li l-attivitajiet jew il-prodotti tagħhom jista' jkollhom effett fuq is-sikurezza tal-inġenji tal-ajru;

(g) 

l-operatur tal-ajrudrom għandu jivverifika li l-organizzazzjonijiet involuti fil-ħżin u fl-għoti tal-fjuwil/enerġija għall-propulsjoni lill-inġenji tal-ajru jkollhom proċeduri biex jiżguraw li l-inġenji tal-ajru jingħataw fjuwil/enerġija għall-propulsjoni li mhix ikkontaminata u bl-ispeċifikazzjoni l-korretta;

(h) 

għandhom ikunu disponibbli manwali għall-operat u manutenzjoni tat-tagħmir tal-ajrudromi, u għandhom ikunu applikabbli fil-prattika u jkopru tagħrif dwar is-servizz ta' manutenzjoni, l-individwazzjoni ta' soluzzjonijiet u l-proċeduri ta' spezzjoni;

(i) 

l-operatur tal-ajrudrom għandu, direttament jew b'arranġamenti ma' partijiet terzi, jistabbilixxi u jimplimenta pjan ta' emerġenza għall-ajrudrom, li jkopri xenarji ta' emerġenza li jistgħu jseħħu fl-ajrudrom jew fl-inħawi ta' madwaru. Il-pjan għandu jkun ikkoordinat mal-pjan ta' emerġenza għall- komunità lokali, kif meħtieġ;

(j) 

l-operatur tal-ajrudrom għandu jiżgura, direttament jew b'arranġamenti ma' partijiet terzi, li huma pprovduti servizzi xierqa ta' salvataġġ u ta' tifi tan-nar fl-ajrudrom. Dawn is-servizzi għandhom iwieġbu għal inċident jew aċċident b'biżżejjed urġenza u għandhom jinkludu mill-inqas tagħmir, sustanzi għat-tifi tan-nar u għadd suffiċjenti ta' persunal;

(k) 

l-operatur tal-ajrudrom għandu juża biss persunal imħarreġ u kwalifikat għall-operazzjonijiet u għall-manutenzjoni tal-ajrudromi, u għandu, direttament jew b'arranġamenti ma' partijiet terzi, jimplimenta u jżomm programmi ta' taħriġ u ta' kontroll sabiex tiġi żgurata l-kompetenza kontinwa tal-persunal rilevanti kollu;

(l) 

l-operatur tal-ajrudrom għandu jiżgura li kull persuna li tingħata l-permess ikollha aċċess mingħajr skorta fiż-żona tal-moviment jew f'żoni operazzjonali oħra tkun imħarrġa kif xieraq u kwalifikata għal dan it-tip ta' aċċess;

(m) 

il-persunal tas-salvataġġ u tat-tifi tan-nar għandu jkun imħarreġ kif xieraq u kwalifikat biex jopera fl-ambjent tal-ajrudrom. L-operatur tal-ajrudrom għandu, direttament jew b'arranġamenti ma' partijiet terzi, jimplimenta u jżomm programmi ta' taħriġ u ta' kontroll sabiex tiġi żgurata l-kompetenza kontinwa ta' dan il-persunal; u

(n) 

il-persunal kollu tas-salvataġġ u tat-tifi tan-nar li jkun potenzjalment meħtieġ li jaġixxi f'emerġenzi tal-avjazzjoni għandu jagħti perjodikament prova ta' stat mediku tajjeb biex iwettaq il-funzjonijiet tiegħu b'mod sodisfaċenti, filwaqt li tiġi kkunsidrata t-tip ta' attività. F'dan il-kuntest, l-istat mediku tajjeb, li jinkludi kemm l-aspett fiżiku kif ukoll l-aspett mentali, ifisser li dak li jkun ma jkunx ibati minn ebda marda jew diżabbiltà li tista' twassal li dan il-persunal ma jkunx jista':

— 
iwettaq il-kompiti meħtieġa biex jopera f'emerġenzi tal-avjazzjoni;
— 
iwettaq id-dmirijiet assenjati lilu fi kwalunkwe ħin; jew
— 
jipperċepixxi b'mod xieraq l-ambjent tiegħu.

2.2.   Sistemi ta' ġestjoni

2.2.1.

Skont it-tip ta' attività mwettqa u d-daqs tal-organizzazzjoni, l-operatur tal-ajrudrom għandu jimplimenta u jżomm sistema ta' ġestjoni sabiex jiżgura l-konformità mar-rekwiżiti essenzjali stabbiliti f'dan l-Anness, jimmaniġġja r-riskji tas-sikurezza, u jimmira għal titjib kontinwu ta' din is-sistema.

2.2.2.

L-operatur tal-ajrudrom għandu jistabbilixxi sistema ta' rappurtar tal-okkorrenzi bħala parti mis-sistema ta' ġestjoni skont il-punt 2.2.1, sabiex jikkontribwixxi għall-għan ta' titjib kontinwu tas-sikurezza. L-analiżi ta' informazzjoni minn din is-sistema ta' rappurtar tal-okkorrenzi għandha tinvolvi l-partijiet elenkati fil-punt 2.1(f), kif xieraq. Is-sistema ta' rappurtar tal-okkorrenzi għandha tkun konformi mal-liġi applikabbli tal-Unjoni.

2.2.3.

L-operatur tal-ajrudrom għandu jiżviluppa manwal tal-ajrudrom u jopera skont dak il-manwal. Dawn il-manwali għandu jkun fihom l-istruzzjonijiet, l-informazzjoni u l-proċeduri kollha meħtieġa għall-ajrudrom, għas-sistema ta' ġestjoni u għall-persunal tal-operazzjonijiet u tal-manutenzjoni biex iwettaq dmirijietu.

3.   L-INĦAWI TA' MADWAR L-AJRUDROM

3.1.1.

L-ispazju tal-ajru madwar iż-żoni ta' moviment tal-ajrudrom għandhom ikunu protetti mill-ostakli sabiex ikunu jistgħu jseħħu l-operazzjonijiet maħsuba tal-inġenji tal-ajru fl-ajrudromi mingħajr ma jinħoloq riskju inaċċettabbli kkawżat mill-iżvilupp ta' ostakli madwar l-ajrudrom. Għalhekk, għandhom jiġu żviluppati, implimentati u mmonitorjati kontinwament superfiċe għall-monitoraġġ tal-ostakli sabiex tiġi identifikata kwalunkwe penetrazzjoni mhux permessa.

3.1.2.

Kwalunkwe infrazzjoni ta' dawk is-superfiċe tkun teħtieġ valutazzjoni biex jiġi identifikat jekk l-oġġett huwiex qed joħloq riskju inaċċettabbli. Kwalunkwe oġġett li jippreżenta riskju inaċċettabbli għandu jitneħħa jew għandha tittieħed azzjoni xierqa ta' mitigazzjoni biex jiġi protett l-inġenju tal-ajru.

3.1.3.

Kwalunkwe ostaklu li jkun fadal għandu jiġi ppubblikat u, skont il-ħtieġa, għandu jiġi mmarkat u, fejn meħtieġ, ikun viżibbli permezz ta' dwal.

3.2.

Għandhom jiġu mmonitorjati perikli marbuta ma' attivitajiet tal-bniedem u mal-użu tal-art, bħal dawk elenkati fil-lista li ġejja, iżda mhux limitat għalihom. Ir-riskju kkawżat minnhom għandu jiġi vvalutat u mitigat kif xieraq:

(a) 

kwalunkwe żvilupp jew bidla fl-użu tal-art fiż-żona tal-ajrudrom;

(b) 

il-possibbiltà ta' turbolenza kkaġunata minn ostaklu;

(c) 

l-użu ta' dwal perikolużi, li jfixklu jew li jqarrqu;

(d) 

it-tgħammix ikkawżat minn superfiċe kbar li jirriflettu ħafna;

(e) 

il-ħolqien ta' żoni li għandhom mnejn jinkoraġġixxu attività ta' fawna selvaġġa fl-inħawi taż-żoni ta' moviment tal-ajrudrom; jew

(f) 

is-sorsi ta' radjazzjoni mhux viżibbli jew il-preżenza ta' oġġetti li jiċċaqalqu jew li huma fissi u li jistgħu jinterferixxu mas-sistemi tal-komunikazzjoni, tan-navigazzjoni u tas-sorveljanza ajrunawtika jew jolqtuhom ħażin.

3.3.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li pjan ta' emerġenza huwa stabbilit għal sitwazzjonijiet ta' emerġenza tal-avjazzjoni li jseħħu fiż-żona lokali tal-ajrudromi.

4.   SERVIZZI FUQ L-ART

4.1.   Responsabbiltajiet tal-fornitur tas-servizzi fuq l-art

Il-fornitur tas-servizzi tal-fuq l-art huwa responsabbli għall-operazzjoni sikura tal-attivitajiet tiegħu fl-ajrudrom. Ir-responsabbiltajiet tal-fornitur huma kif ġej:

(a) 

il-fornitur għandu jkollu l-mezzi neċessarji kollha biex jiżgura l-provvista sikura tas-servizz fl-ajrudrom. Dawk il-mezzi għandhom jinkludu, imma ma jkunux limitati għal, faċilitajiet, persunal, tagħmir u materjal;

(b) 

il-fornitur għandu jikkonforma mal-proċeduri li jinsabu fil-manwal tal-ajrudrom, inkluż dawk marbuta mal-movimenti tal-vetturi, tat-tagħmir u tal-persunal tiegħu u mar-riskju marbut mal-operazzjonijiet tal-ajrudrom fix-xitwa, bil-lejl jew f'kondizzjonijiet tat-temp ħżiena;

(c) 

il-fornitur għandu jipprovdi s-servizzi fuq l-art skont il-proċeduri u l-istruzzjonijiet tal-operatur tal-inġenju tal-ajru li jkun qed jaqdi;

(d) 

il-fornitur għandu jiżgura li l-manwali għall-operazzjoni u għall-manutenzjoni tat-tagħmir għas-servizzi fuq l-art ikunu disponibbli, applikati fil-prattika u li jkopru struzzjonijiet dwar l-operazzjoni, il-manutenzjoni u t-tiswija, tagħrif dwar is-servizz ta' manutenzjoni, l-individwazzjoni ta' soluzzjonijiet u l-proċeduri ta' spezzjoni;

(e) 

il-fornitur għandu juża biss persunal imħarreġ b'mod adegwat u kwalifikat u għandu jimplimenta u jżomm programmi ta' taħriġ u ta' kontroll li jiżguraw il-kompetenza kontinwa tal-persunal rilevanti kollu;

(f) 

il-fornitur għandu jiżgura li l-persunal tiegħu jkun fiżikament u mentalment adatt biex iwettaq il-funzjonijiet tagħhom b'mod sodisfaċenti, b'kont meħud tat-tip ta' attività u b'mod partikolari l-impatt potenzjali fuq is-sikurezza u s-sigurtà relatata mas-sikurezza.

4.2.   Sistemi ta' ġestjoni

4.2.1.

Kif xieraq għall-attività mwettqa u għad-daqs tal-organizzazzjoni, il-fornitur għandu jimplimenta u jżomm sistema ta' ġestjoni sabiex jiżgura l-konformità mar-rekwiżiti essenzjali stabbiliti f'dan l-Anness, jiġġestixxi r-riskji tas-sikurezza u jimmira għal titjib kontinwu ta' din is-sistema. Sistema bħal din għandha tiġi kkoordinata mas-sistema ta' ġestjoni tal-operatur tal-ajrudrom.

4.2.2.

Il-fornitur għandu jistabbilixxi sistema ta' rappurtar tal-okkorrenzi bħala parti mis-sistema ta' ġestjoni skont il-punt 4.2.1 sabiex jikkontribwixxi għall-għan ta' titjib kontinwu tas-sikurezza. Mingħajr preġudizzju għal obbligi oħra ta' rappurtar, il-fornitur għandu jibgħat l-okkorrenzi kollha lis-sistema ta' rappurtar tal-operatur tal-ajrudrom, l-operatur tal-inġenju tal-ajru u, jekk rilevanti, lil dik tal-fornitur tas-servizzi tat-traffiku tal-ajru. Is-sistema ta' rappurtar tal-okkorrenzi għandha tkun konformi mal-liġi applikabbli tal-Unjoni.

4.2.3.

Il-fornitur għandu jiżviluppa manwal ta' servizzi fuq l-art u jopera skont dak il-manwal. Manwal ta' dan it-tip għandu jkun fih l-istruzzjonijiet, l-informazzjoni u l-proċeduri kollha meħtieġa għas-servizz, għas-sistema ta' ġestjoni u għall-persunal tas-servizz biex iwettaq dmirijietu.

5.   SERVIZZI TA' ĠESTJONI TAR-RAMPA (AMS)

5.1.

Il-fornitur tal-AMS għandu jipprovdi s-servizzi tiegħu skont il-proċeduri ta' operazzjoni inklużi fil-manwal tal-ajrudrom.

5.2.

Kif xieraq għall-attività mwettqa u għad-daqs tal-organizzazzjoni, il-fornitur tal-AMS għandu jimplimenta u jżomm sistema ta' ġestjoni, inkluż il-ġestjoni tas-sikurezza, sabiex jiżgura konformità mar-rekwiżiti essenzjali stabbiliti f'dan l-Anness.

5.3.

Il-fornitur tal-AMS għandu jistabbilixxi arranġamenti formali mal-operatur tal-ajrudrom u mal-fornitur tas-servizzi tat-traffiku tal-ajru li jiddeskrivu l-firxa tas-servizzi li għandhom jingħataw.

5.4.

Il-fornitur tal-AMS għandu jistabbilixxi sistema ta' rappurtar tal-okkorrenzi bħala parti mis-sistema ta' ġestjoni skont il-punt 5.2 sabiex jikkontribwixxi għall-għan tat-titjib kontinwu tas-sikurezza. Mingħajr preġudizzju għall-obbligi l-oħra ta' rappurtar, il-fornitur għandu jibgħat l-okkorrenzi kollha lis-sistema ta' rappurtar tal-operatur tal-ajrudrom, u, jekk rilevanti, lil dik tal-fornitur tas-servizzi tat-traffiku tal-ajru.

5.5.

Il-fornitur tal-AMS għandu jieħu sehem fil-programmi ta' sikurezza stabbiliti mill-operatur tal-ajrudrom.

6.   OĦRAJN

Mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltajiet tal-operatur tal-inġenju tal-ajru, l-operatur tal-ajrudrom għandu jiżgura li ajrudrom jew partijiet minnu ma għandhomx jintużaw minn inġenji tal-ajru li d-disinn jew il-proċeduri ta' operazzjoni tal-ajrudrom normalment mhumiex intenzjonati għalihom, ħlief f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza tal-inġenji tal-ajru, meta ssir devjazzjoni għal ajrudrom alternattiv, jew b'kondizzjonijiet speċifikati f'kull każ.

1. Ħarsa ġenerali

,
Titlu Regolamentazzjoni

1.1 Referenzi

1.2 Rekwiżiti identifikati

1.3 Standards relatati

2. Rekwiżiti identifikati

Rekwiżiti
Sors Rekwiżit

3. Standards relatati

Standards
Sors Rekwiżit
  • Builddate: 02.08.2026 00:00:00 -Doknr: CELEX:32018R1139
  • EULAW -

    EN: Legal acts of the European Union from EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © European Union. Re-use is authorised by Decision 2011/833/EU, provided the source is acknowledged; the consolidated texts are licensed under CC BY 4.0 (EUR-Lex legal notice). Divided into sections and converted into the GRCA format, the wording unchanged. Only the legislation published in the Official Journal of the European Union is deemed authentic.

    DE: Rechtsakte der Europäischen Union aus EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © Europäische Union. Weiterverwendung nach Beschluss 2011/833/EU mit Quellenangabe gestattet; die konsolidierten Fassungen stehen unter CC BY 4.0 (Rechtlicher Hinweis von EUR-Lex). In Abschnitte aufgeteilt und in das GRCA-Format umgewandelt, der Wortlaut unverändert. Verbindlich sind allein die im Amtsblatt der Europäischen Union veröffentlichten Rechtsakte.