+ANNESS IX

ANNESS IX




ANNESS IX

Rekwiżiti essenzjali għal inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord

1.   REKWIŻITI ESSENZJALI GĦAD-DISINN, GĦALL-PRODUZZJONI, GĦALL-MANUTENZJONI U GĦALL-OPERAT TA' INĠENJI TAL-AJRU MINGĦAJR BDOT ABBORD

1.1.

L-operatur u l-pilota mill-bogħod ta' inġenju tal-ajru mingħajr bdot abbord iridu jkunu konxji tar-regoli applikabbli tal-Unjoni u dawk nazzjonali relatati mal-operazzjonijiet ippjanati, b'mod partikolari fir-rigward tas-sikurezza, tal-privatezza, tal-protezzjoni tad-data, tar-responsabbiltà, tal-assigurazzjoni, tas-sigurtà u tal-protezzjoni ambjentali. L-operatur u l-pilota mill-bogħod iridu jkunu kapaċi jiżguraw is-sikurezza tal-operat u s-separazzjoni sikura tal-inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord mill-persuni fuq l-art u mill-utenti tal-ispazju tal-ajru l-oħra. Dan jinkludi għarfien tajjeb tal-istruzzjonijiet operattivi pprovduti mill-produttur, tal-użu sikur u li jirrispetta l-ambjent ta' inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord fl-ispazju tal-ajru, u tal-funzjonalitajiet rilevanti kollha tal-inġenju tal-ajru mingħajr bdot abbord u regoli applikabbli tal-proċeduri tal-ajru u ATM/ANS.

1.2.

Inġenju tal-ajru mingħajr bdot abbord irid jiġi iddisinjat u jinbena b'mod li jkun tajjeb għall-funzjoni maħsuba tiegħu, u jista' jitħaddem, jiġi aġġustat u miżmum mingħajr ma jpoġġi lil persuni f'riskju.

1.3.

Jekk ikun meħtieġ u biex jitnaqqsu r-riskji relatati mas-sikurezza, il-privatezza, il-protezzjoni tad-data personali, is-sigurtà jew l-ambjent, li jirriżultaw mill-operazzjoni, l-inġenju tal-ajru mingħajr bdot abbord irid ikollu l-karatteristiċi u l-funzjonalitajiet korrispondenti u speċifiċi li permezz tad-disinn u b'mod awtomatiku jikkunsidraw il-prinċipji ta' privatezza u ta' protezzjoni tad-data personali. Skont il-ħtiġijiet dawk l-elementi u l-funzjonalitajiet iridu jiżguraw identifikazzjoni faċli tal-inġenju tal-ajru u tan-natura u tal-iskop tal-operazzjoni; u jridu jiżguraw li l-limitazzjonijiet, il-projbizzjonijiet jew il-kondizzjonijiet applikabbli jiġu osservati, b'mod partikolari fir-rigward tal-operat f'żoni ġeografiċi partikolari, lil hinn minn ċerti distanzi mill-operatur jew f'ċerti altitudnijiet.

1.4.

L-organizzazzjoni responsabbli għall-produzzjoni jew għall-kummerċjalizzazzjoni ta' inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord trid tipprovdi informazzjoni lill-operatur tal-inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord u, fejn rilevanti, lill-organizzazzjoni tal-manutenzjoni fuq it-tip ta' operazzjonijiet li għalihom l-inġenju tal-ajru mingħajr bdot abbord huwa ddisinjat flimkien mal-limitazzjonijiet u mal-informazzjoni meħtieġa għall-operazzjoni sikura tiegħu, inkluż il-prestazzjoni operazzjonali u ambjentali, il-limitazzjonijiet tal-ajrunavigabbiltà u l-proċeduri ta' emerġenza. Din l-informazzjoni għandha tingħata b'mod ċar, konsistenti u mhux ambigwu. Il-kapaċitajiet operazzjonali ta' inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord li jistgħu jintużaw f'operazzjonijiet li ma jeħtiġux ċertifikat jew dikjarazzjoni jridu jippermettu l-possibbiltà li jiġu introdotti limitazzjonijiet li jissodisfaw ir-regoli applikabbli tal-ispazju tal-ajru għal operazzjonijiet bħal dawn.

2.   REKWIŻITI ADDIZZJONALI ESSENZJALI GĦAD-DISINN, GĦALL-PRODUZZJONI, GĦALL-MANUTENZJONI U GĦALL-OPERAZZJONI TA' INĠENJI TAL-AJRU MINGĦAJR BDOT ABBORD IMSEMMIJA FL-ARTIKOLU 56(1) U (5)

B'kunsiderazzjoni tal-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 1, ir-rekwiżiti li ġejjin iridu jiġu ssodisfati biex tiġi żgurata s-sikurezza għall-persuni fuq l-art u għall-utenti tal-ispazju tal-ajru l-oħra matul l-operazzjoni tal-inġenju tal-ajru mingħajr bdot abbord, filwaqt li jiġi kkunsidrat il-livell ta' riskju tal-operazzjoni kif meħtieġ:

2.1.   Ajrunavigabbiltà

2.1.1.

Inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord iridu jkunu ddisinjati b'tali mod, jew ikun fihom karatteristiċi jew dettalji li, is-sikurezza tal-persuna li tkun qed topera l-inġenju tal-ajru mingħajr bdot abbord jew ta' partijiet terzi, fl-ajru jew fuq l-art, inkluż il-proprjetà, tkun tista' tintwera b'mod sodisfaċenti.

2.1.2.

L-inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord iridu jipprovdu integrità tal-prodott li hija proporzjonata għar-riskju f'kull tip ta' kondizzjoni ta' titjir antiċipata.

2.1.3.

L-inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord iridu jkunu kontrollabbli u manuvrabbli, kif meħtieġ fil-kondizzjonijiet kollha antiċipati ta' operazzjoni, inkluż wara li sistema ta' propulsjoni waħda jew aktar, skont kif ikun il-każ, jinqalgħalha l-ħsara. Kunsiderazzjoni xierqa tal-fattur uman, b'mod partikolari għarfien disponibbli dwar il-fatturi li jwasslu għal tħaddim sikur tat-teknoloġija mill-bnedmin, hija importanti ħafna.

2.1.4.

L-inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord u l-magni, l-iskrejjen, il-parts u t-tagħmir mhux installat tagħhom, u t-tagħmir li jikkontrolla l-inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord mill-bogħod, jridu jiffunzjonaw kif ippjanat f'kull tip ta' kondizzjoni ta' operazzjoni prevista, dejjem, u biżżejjed lil hinn mill-operazzjoni li għalih l-inġenju tal-ajru kien iddisinjat.

2.1.5.

L-inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord u l-magni, l-iskrejjen, il-parts, it-tagħmir mhux installat tagħhom, u t-tagħmir għall-kontroll mill-bogħod tal-inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord, ikkunsidrati separatament u f'rabta ma' xulxin, iridu jkunu ddisinjati b'tali mod li l-probabbiltà li tinqalgħalhom ħsara u s-severità tal-effett tagħha fuq il-persuni fuq l-art u fuq l-utenti tal-ispazju tal-ajru l-oħra tittaffa abbażi tal-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 4(2).

2.1.6.

Kwalunkwe tagħmir li jikkontrolla mill-bogħod inġenju tal-ajru mingħajr bdot abbord li jkun involut fl-operazzjoni jrid ikun tat-tip li jiffaċilita l-operazzjonijiet ta' titjir, inkluż mezzi li jipprovdu għarfien tas-sitwazzjoni kif ukoll il-ġestjoni ta' kull tip ta' sitwazzjoni u ta' emerġenza prevista.

2.1.7.

L-organizzazzjonijiet involuti fid-disinn ta' inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord, ta' magni u ta' skrejjen iridu jieħdu prekawzjonijiet sabiex inaqqsu l-perikli li jinqalgħu minn kondizzjonijiet, kemm interni kif ukoll esterni, għall-inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord u għas-sistemi tagħhom, li skont l-esperjenza ntwera li għandhom impatt fuq is-sikurezza. Dan jinkludi l-protezzjoni kontra l-interferenza b'mezzi elettroniċi.

2.1.8.

Il-proċessi ta' manifattura, il-materjali u l-komponenti użati għall-produzzjoni tal-inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord iridu jirriżultaw fi proprjetajiet u fi prestazzjoni li jkunu adegwati, riproduċibbli u konformi mal-karatteristiċi tad-disinn.

2.2.   Organizzazzjonijiet

L-organizzazzjonijiet involuti fid-disinn, fil-produzzjoni, fil-manutenzjoni, fl-operazzjoni, fis-servizzi relatati u fit-taħriġ tal-inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord għandhom jissodisfaw il-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a) 

L-organizzazzjoni jrid ikollha l-mezzi kollha meħtieġa għall-ambitu tax-xogħol tagħha u trid tiżgura l-konformità mar-rekwiżiti essenzjali u mal-atti delegati msemmija fl-Artikolu 58 u l-atti ta' implimentazzjoni msemmija fl- Artikolu 57, rilevanti għall-attività tagħha.

(b) 

L-organizzazzjoni trid timplimenta u żżomm sistema ta' ġestjoni sabiex tiżgura konformità ma' dawn ir-rekwiżiti essenzjali għall-ajrunavigabbiltà, u timmira għat-titjib kontinwu ta' din is-sistema. Sistema ta' ġestjoni bħal din trid tkun proporzjonata għat-tip ta' attività u d-daqs tal-organizzazzjoni.

(c) 

L-organizzazzjoni trid tistabbilixxi sistema ta' rappurtar tal-okkorrenzi bħala parti mis-sistema ta' ġestjoni tas-sikurezza, sabiex tikkontribwixxi għat-titjib kontinwu tas-sikurezza. Sistema ta' rappurtar bħal din trid tkun proporzjonata għat-tip tal-attività u d-daqs tal-organizzazzjoni.

(d) 

L-organizzazzjoni trid tistabbilixxi arranġamenti, fejn ikun rilevanti, ma' organizzazzjonijiet oħra sabiex tiżgura l-konformità mar-rekwiżiti essenzjali rilevanti.

2.3.   Persuni involuti f'operazzjoni ta' inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord

Kwalunkwe persuna involuta fl-operazzjoni ta' inġenju tal-ajru mingħajr bdot abbord, inkluż pilota mill-bogħod, għandu jkollha l-għarfien meħtieġ u l-ħiliet meħtieġa biex tiżgura s-sikurezza tal-operazzjoni u li dan ikun proporzjonat għar-riskji assoċjati mat-tip ta' operazzjoni. Din il-persuna għandha wkoll turi stat mediku tajjeb, jekk dan huwa meħtieġ biex jittaffew ir-riskji involuti fl-operazzjoni kkonċernata.

2.4.   Operazzjonijiet

2.4.1.

L-operatur tal-inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord huwa responsabbli għall-operazzjoni u jrid jieħu kwalnukwe azzjoni xierqa biex jiżgura s-sikurezza tal-operazzjoni.

2.4.2.

Titjira trid issir skont il-liġijiet, ir-regolamenti u l-proċeduri applikabbli, li huma pertinenti għall-eżekuzzjoni tad-dmirijiet, preskritti għaż-żona, għall-ispazju tal-ajru, għall-ajrudromi jew għas-siti li huma ppjanati li jridu jintużaw u, fejn applikabbli, mas-sistemi tal-ATM/ANS relatati.

2.4.3.

L-operazzjonijiet b'inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord iridu jiżguraw is-sikurezza ta' partijiet terzi fuq l-art u tal-utenti tal-ispazju tal-ajru l-oħra u jridu jnaqqsu r-riskji li jirriżultaw minn kondizzjonijiet avversi esterni u interni, inkluż kondizzjonijiet ambjentali, billi jżommu distanza ta' separazzjoni xierqa matul il-fażijiet kollha tat-titjira.

2.4.4.

Inġenju tal-ajru mingħajr bdot abbord irid jitħaddem biss jekk ikun f'kondizzjoni tajba ta' ajrunavigabbiltà u meta t-tagħmir u l-komponenti l-oħra u s-servizzi meħtieġa għall-operazzjoni ppjanata jkunu disponibbli u qegħdin fi stat tajjeb biex jintużaw.

2.4.5.

Inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord u operazzjonijiet b'inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord iridu jikkonformaw mad-drittijiet rilevanti ggarantiti mil-liġi tal-Unjoni.

2.4.6.

L-operatur ta' inġenju tal-ajru mingħajr bdot abbord irid jiżgura li l-inġenju tal-ajru jkollu t-tagħmir meħtieġ ta' navigazzjoni, ta' komunikazzjoni, ta' sorveljanza, ta' detezzjoni u ta' evitar, kif ukoll kwalunkwe tagħmir ieħor li huwa meħtieġ għas-sikurezza tat-titjira ppjanata, filwaqt li jieħu inkonsiderazzjoni n-natura tal-operazzjoni, ir-regolamenti tat-traffiku tal-ajru u r-regoli tal-ajru applikabbli tul il-fażijiet kollha tat-titjira.

2.5.   Rekwiżiti essenzjali relatati mal-kompatibilità elettromanjetika u l-ispettru tar-radju, għal inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord, kif ukoll magni, skrejjen, parts u tagħmir mhux installat assoċjati, li d-disinn tagħhom huwa ċċertifikat skont l-Artikolu 56(1) u li huma maħsuba biex joperaw biss fuq frekwenzi allokati mir-Regolamenti tar-Radju tal-Unjoni Internazzjonali tat-Telekomunikazzjoni għal użu ajrunawtiku protett

2.5.1.

Dawk l-inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord, magni, skrejjen, parts u tagħmir mhux installat għandhom ikunu ddisinjati u prodotti b'tali mod, b'kunsiderazzjoni tal-ogħla livell ta' żvilupp tekniku, sabiex jiżguraw li:

(a) 

id-disturb elettromanjetiku li jiġġeneraw ma jaqbiżx il-livell li 'l fuq minnu tagħmir tar-radju u tat-telekomunikazzjoni jew tagħmir ieħor ma jkunx jista' jopera kif maħsub; u

(b) 

jkollhom livell ta' immunità għad-disturb elettromanjetiku li jippermettilhom joperaw mingħajr degradazzjoni inaċċettabbli tal-użu maħsub tagħhom.

2.5.2.

Dawk l-inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord, magni, skrejjen, parts u tagħmir mhux installat għandhom ikunu ddisinjati u prodotti b'tali mod, b'kunsiderazzjoni tal-ogħla livell ta' żvilupp tekniku, sabiex jiġi żgurat li jużaw b'mod effettiv u jappoġġaw l-użu effiċjenti tal-ispettru tar-radju sabiex tiġi evitata interferenza li tagħmel ħsara.

3.   REKWIŻITI AMBJENTALI ESSENZJALI GĦAL INĠENJI TAL-AJRU MINGĦAJR BDOT ABBORD

L-inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti tal-prestazzjoni ambjentali stabbiliti fl-Anness III.

4.   REKWIŻITI ESSENZJALI GĦAR-REĠISTRAZZJONI TA' INĠENJI TAL-AJRU MINGĦAJR BDOT ABBORD U L-OPERATURI TAGĦHOM U L-IMMARKAR TA' INĠENJI TAL-AJRU MINGĦAJR BDOT ABBORD

4.1.

Mingħajr preġudizzju għall-obbligi tal-Istati Membri taħt il-Konvenzjoni ta' Chicago, inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord li d-disinn tagħhom huwa soġġett għal ċertifikazzjoni skont l-Artikolu 56(1) għandhom jiġu rreġistrati f'konformità mal-atti ta' implimentazzjoni msemmija fl-Artikolu 57.

4.2.

L-operaturi ta' inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord għandhom jiġu rreġistrati skont l-atti ta' implimentazzjoni msemmija fl-Artikolu 57, meta joperaw kwalunkwe minn dawn li ġejjin:

(a) 

inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord li, fil-każ ta' impatt, jistgħu jittrasferixxu għal enerġija kinetika umana 'l fuq minn 80 Joules;

(b) 

inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord li t-tħaddim tagħhom jippreżenta riskji għall-privatezza, il-protezzjoni ta' data personali, is-sigurtà jew l-ambjent;

(c) 

inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord li d-disinn tagħhom huwa soġġett għal ċertifikazzjoni skont l-Artikolu 56(1);

4.3.

Fejn rekwiżit ta' reġistrazzjoni japplika skont il-punt 4.1 jew 4.2, l-inġenju tal-ajru mingħajr bdot abbord ikkonċernat għandu jkun immarkat u identifikat individwalment, f'konformità mal-atti ta' implimentazzjoni msemmija fl-Artikolu 57.

1. Ħarsa ġenerali

,
Titlu Regolamentazzjoni

1.1 Referenzi

1.2 Rekwiżiti identifikati

1.3 Standards relatati

2. Rekwiżiti identifikati

Rekwiżiti
Sors Rekwiżit

3. Standards relatati

Standards
Sors Rekwiżit
  • Builddate: 02.08.2026 00:00:00 -Doknr: CELEX:32018R1139
  • EULAW -

    EN: Legal acts of the European Union from EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © European Union. Re-use is authorised by Decision 2011/833/EU, provided the source is acknowledged; the consolidated texts are licensed under CC BY 4.0 (EUR-Lex legal notice). Divided into sections and converted into the GRCA format, the wording unchanged. Only the legislation published in the Official Journal of the European Union is deemed authentic.

    DE: Rechtsakte der Europäischen Union aus EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © Europäische Union. Weiterverwendung nach Beschluss 2011/833/EU mit Quellenangabe gestattet; die konsolidierten Fassungen stehen unter CC BY 4.0 (Rechtlicher Hinweis von EUR-Lex). In Abschnitte aufgeteilt und in das GRCA-Format umgewandelt, der Wortlaut unverändert. Verbindlich sind allein die im Amtsblatt der Europäischen Union veröffentlichten Rechtsakte.