+Artikolu 77 Passaport tal-batteriji
---+Artikolu 77 1.
---+Artikolu 77 2.
---+Artikolu 77 3.
---+Artikolu 77 4.
---+Artikolu 77 5.
---+Artikolu 77 6.
---+Artikolu 77 7.
---+Artikolu 77 8.
---+Artikolu 77 9.
---+Artikolu 77 10.

Artikolu 77 Passaport tal-batteriji

1. Ħarsa ġenerali

,
Titlu Regolamentazzjoni
Artikolu 77 1.
Mit-18 ta’ Frar 2027 kull batterija LMT, kull batterija industrijali b’kapaċità akbar minn 2 kWh u kull batterija tal-vetturi elettriċi mqiegħda fis-suq jew fis-servizz għandu jkollha rekord elettroniku (“passaport tal-batteriji”).
Artikolu 77 2.
Il-passaport tal-batteriji għandu jkun fih informazzjoni relatata mal-mudell tal-batterija u informazzjoni speċifika għall-batterija individwali, inkluż informazzjoni li tirriżulta mill-użu ta’ dik il-batterija, kif stabbilit fl-Anness XIII.

L-informazzjoni fil-passaport tal-batteriji għandha tinkludi:

(a) 

informazzjoni aċċessibbli għall-pubbliku ġenerali f’konformità mal-punt 1 tal-Anness XIII;

(b) 

informazzjoni aċċessibbli biss għall-korpi nnotifikati, l-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq u l-Kummissjoni f’konformità mal-punti 2 u 3 tal-Anness XIII; u

(c) 

informazzjoni aċċessibbli biss għal kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika b’interess leġittimu fl-aċċess u l-ipproċessar ta’ dik l-informazzjoni għall-finijiet imsemmija fil-punti (a) u (b) tat-tielet subparagrafu f’konformità mal-punti 2 u 4 tal-Anness XIII.

Il-finijiet għall-aċċess u l-ipproċessar tal-informazzjoni kif imsemmi fil-punt (c) tat-tieni subparagrafu, għandhom:

(a) 

jikkonċernaw iż-żarmar tal-batterija, inkluż il-miżuri ta’ sikurezza li għandhom jittieħdu matul iż-żarmar, u l-kompożizzjoni dettaljata tal-mudell tal-batterija u tkun essenzjali biex dawk li jsewwu, li jimmanifatturaw mill-ġdid, l-operaturi tat-tieni ħajja u r-riċiklaturi jkunu jistgħu jwettqu l-attivitajiet ekonomiċi rispettivi tagħhom f’konformità ma’ dan ir-Regolament; jew

(b) 

fil-każ ta’ batteriji individwali, ikunu essenzjali għax-xerrej tal-batterija jew għall-partijiet li jaġixxu f’isem ix-xerrej, għall-fini li l-batterija individwali ssir disponibbli għall-aggregaturi tal-enerġija jew għall-parteċipanti fis-suq tal-enerġija indipendenti.

L-informazzjoni msemmija fit-tieni subparagrafu għandha tiġi inkluża fil-passaport tal-batteriji sa fejn applikabbli għall-kategorija jew is-subkategorija tal-batterija kkonċernata.

Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 89 biex temenda l-Anness XIII fir-rigward tal-informazzjoni li għandha tiġi inkluża fil-passaport tal-batteriji fid-dawl tal-progress tekniku u xjentifiku.

Artikolu 77 3.
Il-passaport tal-batteriji għandu jkun aċċessibbli permezz tal-kodiċi QR imsemmi fl-Artikolu 13(6) li jorbot ma’ identifikatur uniku li l-operatur ekonomiku li jqiegħed il-batterija fis-suq għandu jattribwixxi magħha.

Il-kodiċi QR u l-identifikatur uniku għandhom jikkonformaw mal-istandards ISO/IEC 15459-1:2014, 15459-2:2015, 15459-3:2014, 15459-4:2014, 15459-5:2014 u 15459-6:2014 jew l-ekwivalenti tagħhom.

Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 89 biex temenda t-tieni subparagrafu ta’ dan il-paragrafu fid-dawl tal-progress tekniku u xjentifiku billi tissostitwixxi l-istandards imsemmija f’dak is-subparagrafu jew iżżid standards Ewropej jew internazzjonali oħra li magħhom għandhom jikkonformaw il-kodiċi QR u l-identifikatur uniku.

Artikolu 77 4.
L-operatur ekonomiku li jqiegħed il-batterija fis-suq għandu jiżgura li l-informazzjoni fil-passaport tal-batteriji tkun preċiża, kompluta u aġġornata. Huwa jista’ jagħti awtorizzazzjoni bil-miktub lil kwalunkwe operatur ieħor biex jaġixxi f’ismu.
Artikolu 77 5.
L-informazzjoni kollha inkluża fil-passaport tal-batteriji għandha tkun ibbażata fuq standards miftuħa u tkun f’format interoperabbli, trasferibbli permezz ta’ network miftuħ għall-iskambju tad-data interoperabbli mingħajr intrappolament tal-klijentela u tkun tista’ tinqara mill-magni, strutturata u li tista’ titfittex, f’konformità mar-rekwiżiti essenzjali stipulati fl-Artikolu 78.
Artikolu 77 6.
L-aċċess għall-informazzjoni inkluża fil-passaport tal-batteriji għandu jiġi rregolat f’konformità mar-rekwiżiti essenzjali stipulati fl-Artikolu 78.
Artikolu 77 7.
Għal batterija li kienet soġġetta għall-preparazzjoni għal użu mill-ġdid, għall-preparazzjoni għall-adattament għal skop differenti, l-adattament għal skop differenti jew il-manifattura mill-ġdid, ir-responsabbiltà għall-issodisfar tal-obbligi skont il-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu għandha tiġi ttrasferita lill-operatur ekonomiku li jqiegħed dik il-batterija fis-suq jew fis-servizz. Tali batterija għandu jkollha passaport tal-batteriji ġdid marbut mal-passaport jew passaporti tal-batterija jew tal-batteriji oriġinali.

Fejn l-istatus ta’ batterija jinbidel għal dak ta’ skart ta’ batterija, ir-responsabbiltà għall-issodisfar tal-obbligi skont il-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu għandha tiġi ttrasferita jew lill-produttur jew, fejn maħtura f’konformità mal-Artikolu 57(1), lill-organizzazzjonijiet b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi, jew lill-operatur tal-immaniġġar tal-iskart magħżul f’konformità mal-Artikolu 57(8).

Artikolu 77 8.
Passaport tal-batteriji ma għandux jibqa’ jeżisti wara li l-batterija tkun ġiet riċiklata.
Artikolu 77 9.
Sat-18 ta’ Awwissu 2026, il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jispeċifikaw liema persuni għandhom jitqiesu bħala persuni b’interess leġittimu kif imsemmi fil-punti 2 u 4 rispettivament tal-Anness XIII għall-finijiet tal-paragrafu 2, il-punt (c), ta’ dan l-Artikolu u għal liema informazzjoni elenkata f’dawk il-punti għandu jkollhom aċċess, u sa liema punt jistgħu jniżżlu, jikkondividu, jippubblikaw u jużaw mill-ġdid dik l-informazzjoni. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 90(3).

Il-kriterji biex jiġu speċifikati l-persuni msemmija fil-paragrafu 2, il-punt (c), u biex jiġi ddeterminat sa liema punt jistgħu jniżżlu, jikkondividu, jippubblikaw u jużaw mill-ġdid l-informazzjoni msemmija fil-punti 2 u 4 tal-Anness XIII għandhom ikunu dawn li ġejjin:

(a) 

il-ħtieġa li jkun hemm tali informazzjoni sabiex jiġu evalwati l-istatus u l-valur residwu tal-batterija u l-kapaċità tagħha għal użu ulterjuri;

(b) 

il-ħtieġa li jkun hemm tali informazzjoni għall-fini ta’ preparazzjoni għal użu mill-ġdid, preparazzjoni għal adattament għal skop differenti, adattament għal skop differenti, manifattura mill-ġdid jew riċiklaġġ tal-batterija, jew għall-għażla bejn dawk l-operazzjonijiet;

(c) 

il-ħtieġa li jiġi żgurat li l-aċċess u l-ipproċessar tal-informazzjoni fil-passaport tal-batteriji li tkun kummerċjalment sensittiva jkunu limitati għall-minimu neċessarju f’konformità mad-dritt applikabbli tal-Unjoni.

Artikolu 77 10.
L-operatur ekonomiku li jqiegħed il-batterija fis-suq jew fis-servizz għandu jtella’ l-identifikatur uniku fir-reġistru msemmi fl-Artikolu 13(1) tar-Regolament (UE) 2024/1781 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 6 ).

1.1 Referenzi

1.2 Rekwiżiti identifikati

1.3 Standards relatati

2. Rekwiżiti identifikati

Rekwiżiti
Sors Rekwiżit

3. Standards relatati

Standards
Sors Rekwiżit
  • Builddate: 13.08.2026 00:00:00 -Doknr: CELEX:32023R1542
  • EULAW -

    EN: Legal acts of the European Union from EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © European Union. Re-use is authorised by Decision 2011/833/EU, provided the source is acknowledged; the consolidated texts are licensed under CC BY 4.0 (EUR-Lex legal notice). Divided into sections and converted into the GRCA format, the wording unchanged. Only the legislation published in the Official Journal of the European Union is deemed authentic.

    DE: Rechtsakte der Europäischen Union aus EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © Europäische Union. Weiterverwendung nach Beschluss 2011/833/EU mit Quellenangabe gestattet; die konsolidierten Fassungen stehen unter CC BY 4.0 (Rechtlicher Hinweis von EUR-Lex). In Abschnitte aufgeteilt und in das GRCA-Format umgewandelt, der Wortlaut unverändert. Verbindlich sind allein die im Amtsblatt der Europäischen Union veröffentlichten Rechtsakte.